‘Tridu tħaffu l-pass’ - L-MEP Sophie In 't Veld dwar il-proċess ġudizzjarju f'Malta

L-MEP - li kienet qed tmexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew - tesprimi tħassib ukoll għad-djun li għandhom il-PN u l-PL

Sophie In 't Veld f'Dar l-Ewropa
Sophie In 't Veld f'Dar l-Ewropa

Fi tmiem iż-żjara tagħha f’Malta, l-MEP Olandiża Sophie In ‘t Veld - li fil-fatt qed tmexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Malta - talbet biex il-Gvern Malti jħaffef il-pass fejn tidħol is-sistema tal-ġustizzja, kemm f’kawżi normali imma b’mod partikolari fil-każ pendenti tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-MEP li tifforma  parti mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew saħqet li hemm bżonn li tispiċċa l-kultura tal-impunità, liema kwistjoni kienet qamet fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Kompliet tgħid li din il-kwistjoni titlob l-attenzjoni sħiħa mhux biss tal-Gvern iżda wkoll tal-Oppożizzjoni.

B’diżappunt hija spjegat kif jekk xi darba kien hemm sens ta’ urġenza biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati, issa tħoss illi “għal bosta m’għadhomx ta’ importanza.”

Qalet li sabet lilha innifsha xxukjata kif wara erba’ snin u nofs, il-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia għadu mhux magħluq. Meta mistoqsija iktar tard dwar dan mill-ġurnalisti hija insistiet li ġewwa l-Islovakkja, fejn seħħ qtil simili erba’ xhur wara ta’ Caruana Galizia, il-kawża mhux talli ingħalqet, talli l-politikanti kienu wkoll mressqa. Huwa għalhekk li ma  tistax tifhem kif f’Malta din il-kawża “qed tibqa’ tkaxkar.”

Fi tmiem id-diskors tagħha hija rrikonoxxiet l-isforzi mill-awtoritajiet Maltin biex isaħħu l-istat tad-dritt u jiġġieldu l-korruzzjoni, u nnotat sforzi bejn il-partiti biex jiġu implimentati rakkomandazzjonijiet mill-GRECO u mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda fl-aħħar minn l-aħħar hi tgħid li xorta baqa’ xogħol xi jsir.

‘Jien kieku ninkwieta jekk nara dawk il-miljuni f’dejn’

Fid-diskors tagħha, In ‘t Veld għamlet referenza wkoll għad-dejn taż-żewġ partiti politiċi prominenti f’Malta. Iktar tard fil-konferenza, hija ġiet mistoqsija dwar dan mill-ILLUM u kien hawn fejn saħqet li kieku kienet fil-pożizzjoni tagħhom, hi kienet tkun inkwetata immens. 

"Fi kwalunkwe sistema politika, għandhom ikunu inkwetati b’dak id-dejn kollu. Kif se jinfluwenza l-andament tal-partit dan id-dejn? Fuq kollox kif jistennew li jkunu kompletament indipendenti?”

Mistoqsija wkoll mill-ILLUM dwar il-fehma tagħha rigward il-midja u l-libertà tal-midja f’Malta hija tgħid li dan ukoll jinkwetaha minħabba li numru ta’ mistoqsijiet mhux ikunu imwieġba mill-awtoritajiet. Apparti minn hekk hija innotat kif fix-xandir qed ikollok żewġ partiti jiddominaw.

L-aħħar punt li qajmet l-MEP Olandiża kien rigward l-kawżi SLAPPs fejn ammettiet li ma tistax tifhem kif għad hemm kawżi SLAPPS miftuħa kontra l-familja Caruana Galizia. Hija qalet Ii tifhem li hemm emendi leġiżlattivi proposti mill-Gvern, iżda xorta taħseb li persuni b’kawżi SLAPP għandhom jwaqqfu l-kawżi qabel jiġu approvati l-proposti.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024