Meta kienet qed titkellem waqt id-Davos Ukrainian Breakfast il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wissiet illi l-Parlament Ewropew mhux se jittollera pajjiżi li jipprovaw jużaw toqob fil-liġi sabiex ma jwettqux is-sanzjonijiet kontra r-Russja fl-intier tagħhom jew inkella bil-ħeffa meħtieġa.
"Fl-2015 ħarisna n-naħa l-oħra u din mhux se terġa' ssir," qalet Metsola, probabbilment b'referenza għall-invażjoni tal-Krimea li rat lil din il-parti tal-Ukrajna tispiċċa taħt it-tmexxija Russa. "Ikkonċernata dwar jekk is-sanzjonijiet sarux malajr biżżejjed? Iva, hemm pajjiżi li għadhom qed jużaw loopholes," qalet il-President qabel kompliet tinsisti li mhux se jkun hemm kompromessi, lanqas ma' pajjiżi li qed jistennew sabiex jidħlu fl-UE.
Metsola reġgħet saħqet illi l-UE trid tammetti li għal snin ipproteġiet wisq l-interessi ta' oligariki u poteri Russi, għalkemm esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li minkejja illi normalment il-Kapijiet ta' Stati jkollhom joqgħodu jispjegaw u jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom fil-Kunsill Ewropew, din id-darba kienu l-popli stess li qed jimbuttaw għal dawn is-sanzjonijiet.
Hija qalet illi għall-libertà u d-demokrazija ma hemmx prezz u fakkret li l-ewropa ilha snin titkellem dwar Unjoni ta' Enerġija u l-importanza li ma nibqgħux niddependu fuq il-gass Russu. Minkejja dan, kompliet tgħid, diversi pajjiżi huma komdi jixtru l-gass mir-Russja għal diversi raġunijiet, fosthom il-prezz.
Metsola għalhekk insistiet li t-tragward ewropew għandu jibqa' dak ta' dipendenza żero fuq ir-Russja, li fakkret illi jkun jitlob illi l-UE taħdem aktar fuq mezzi rinovabbli ta' enerġija. Hija esprimiet l-ottimiżmu li fil-fatt dawn it-tragwardi jintlaħqu u l-ewropa tibqa' magħquda.
Mistoqsija jekk l-Ukrajna hux pajjiż ewropew u allura għandhiex tkun kandidat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, Metsola qalet li dan definittivament huwa l-każ. "Kull pajjiż li għandu l-valuri u l-prinċipji ewropej għandu jkun fl-Ewropa. Għalfejn għandna ninħbew wara l-legalitajiet meta kull ma hi kwistjoni ta' rieda politika?" staqsiet il-President tal-Parlament Ewropew. Hija staqsiet ukoll - rettorikament - jekk l-UE ma tkunx lesta issa meta l-Ukrajna qed "tiġġieled il-ġlieda tal-Ewropa u tad-dinja, meta se tkun lesta?"
Roberta Metsola fakkret illi hi tiġi minn Malta - xi ħaġa li fil-fatt tħobb tagħmel f'diversi diskorsi li tagħmel - li snin ilu kienet qed tiddiskuti jekk fil-fatt għandux ikun membru tal-UE jew le u d-deċiżjoni kienet li jkun parti mill-mejda tad-deċiżjonijiet ewropej li jiġġieldu l-awtokraziji. "Il-pjattaforma tagħna lejn l-Ukrajna għandha niftħulha l-bibien u mhux ngħalquha," sostniet Roberta Metsola għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti għall-attività.