Mijiet ta' nisa tqal mhux jitħallew jitilqu mill-Ukrajna għax huma ommijiet ta' surrogat

Il-Parlament Ewropew ifakkar li fl-Ukrajna isiru kwart tas-surrogati kummerċjali kollha tad-dinja u jgħid li minkejja l-gwerra ċerti aġenziji mhumiex iħallu nisa tqal jaħarbu mill-pajjiż, qabel iwelldu... 

Kont taf li l-Ukrajna huwa (jew kien) wieħed mill-pajjiżi illi fih l-aktar li jsir surrogat, jiġifieri meta mara tkun tqila b'tarbija li bi ftehim minn qabel tkun se tagħti lil koppja li ma jistax ikollhom tfal? Hekk hu. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fil-fatt - li speċifikament titratta lin-nisa u t-tfal Ukreni waqt dan iż-żmien ta' gwerra - tagħmel aċċenn għall-fatt li fl-Ukrajna waħedha jsiru madwar kwart tas-surrogati kummerċjali kollha ta' madwar id-dinja. B'kollox fil-fatt bejn 2,000 u 2,500 tarbija fis-sena jitwieledu minn dan it-tip ta' proċess fl-Ukrajna.  

Dan il-fatt wassal biex il-Parlament Ewropew jappella għal protezzjoni lil dawn in-nisa li jgħid illi qed jaffaċċjaw diffkultajiet kbar biex ikomplu it-tqala jew inkella biex saħansitra jkunu jistgħu jitilqu mill-pajjiż, kif diġà għamlu miljuni ta' immigranti Ukreni sa issa. Fil-fatt ċerti aġenziji mhumiex iħallu lin-nisa tqal li ffirmaw ftehim ta' surrogat jitilqu mill-pajjiż, sakemm jwelldu.  

Filwaqt li l-gwerra qed tagħmilha aktar diffiċli lil dawn it-tfal, qed tikkumplika l-ħajja wkoll għall-ġenituri potenzjali li jassumu l-awtorità tagħhom bħala ġenituri u għall-istituzzjonijiet, sabiex jassumu li qed tingħata l-kura adegwata, f'kundizzjonijiet adegwati lit-tfal.  

Fid-dawl ta' dan - f'din ir-riżoluzzjoni li kienet approvata dan ix-xahar stess - il-Parlament Ewropew għalhekk qed ifakkar li nisa li daħlu fi ftehim ta' surrogat - u li huma Ukreni - qegħdin f'sitwazzjoni partikolari ta' vulnerabbilità u f'qagħda prekarja u allura qed jinsisti bil-qawwi illi l-interess primarju huwa l-ħajja tal-mara u li għalhekk dawn ma jistgħux ma jitħallewx jitilqu mill-Ukrajna.  

Ir-riżoluzzjoni hija pjuttost skjaċċanti f'dak li jirrigwarda s-surrogat tant li tikkundanna din il-prattika li tfakkar illi tista' tesponi lin-nisa madwar id-dinja, speċjalment dawk li huma ifqar u aktar vulnerabbli, bħal dawk f'kuntest ta' gwerra. Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jappella sabiex tingħata attenzjoni partikolari u protezzjoni lil ommijiet li qed iġorru tarbija b'surrogat waqt it-tqala u t-twelid, filwaqt li jkunu protetti d-drittijiet tat-tfal tat-twelid.  

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jagħmlu aċċenn ukoll fuq dak li jsejjħu "impatt serju" tas-surrogat fuq in-nisa, id-dirttijiet ta' saħħithom u l-konsegwenzi li jistgħu jiffaċċjaw f'din is-sitwazzjoni, meta jkunu qed jaqsmu l-fruntiera. Għalhekk huma stqsew lill-UE u l-Istati Membri sabiex jinvestigaw id-dimensjonijet ta' din l-industrija, il-kuntest soċjo-ekonomiku u s-sitwazzjoni tan-nisa tqal kif ukoll fuq il-konsegwenzi fiżiċi u mentali ta' din is-sitwazzjoni tas-surrogat. L-MEPs sejħu għall-introduzzjoni ta' miżuri li jindirizzaw is-surrogat u jirpproteġu d-drittijiet tan-nisa u t-tfal tat-twelid.  

5 miljuni jitilqu mill-Ukrajna... 90% nisa u tfal 

Lilhinn minn nisa li huma surrogates, mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna madwar ħames miljun persuna ħarbet minn dan il-pajjiż, lejn l-Ewropa - biex dawn iffurmaw waħda mill-akbar mewġiet umanitarji fl-istorja, fi żmien daqstant qasir. Huwa stmat li 90% ta' dawn kollha huma nisa u tfal.  

Dan apparti, tfakkar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, 7.2 miljuni oħra li kellhom jiċċaqalqu minn post għall-ieħor fl-Ukrajna stess u jinkludu nisa u tfal fi bżonn ta' kura medika u psikoloġika, xogħol, skola għat-tfal, akkomodazzjoni u protezzjoni kontra vjolenza sesswali u tal-ġeneru. Minn dawn il-miljuni 13.5% kienu diġà ċċaqalqu minn post għall-ieħor darba oħra.  

Intant minn dawk kollha li ħarbu mill-Ukrajna, maġġoranza qawwija - jew 2.8 miljun - marru l-Polonja, madwar 476,000 marru l-Ungerija u madwar 346,000 marru l-Islovakkja. Ras għal ras l-aktar li marru immigranti kien lejn il-Polonja, wara l-Awstrija u imbagħad iċ-Ċekja u l-Estonja.  

Il-Moldova wkoll qed tiffaċċja problemi kbar hekk kif eluf minn dawk li telqu mill-Ukrajna weħlu f'dan il-pajjiż b'riperkussjonijiet fuq l-infrastruttura u servizzi tiegħu.  Intant sa issa - tfakkar ir-riżoluzzjoni - seba' pajjiżi qalu illi se jkunu qed jilqgħu madwar 14,500 immigrant Ukren li jinsabu l-Moldova. Dawn il-pajjiżi huma: L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Olanda, Spanja u n-Norveġja. 

Minkejja dan, il-Parlament Ewropew qed ifakkar ukoll - permezz ta' din ir-riżoluzzjoni -  illi l-għajnuna li qed tingħata mhijiex ugwali madwar l-Istati Membri, tant li mill-inqas tmien pajjiżi tal-UE għażlu li ma jinkludux immigranti b'permessi ta' residenza għat-tul u nies minn pajjiżi terzi li kienu qegħdin fl-Ukrajna. 

Persuni trans f'riskju akbar meta jaqsmu l-fruntiera 

Il-Parlament qed jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil nisa refuġjati li huma aktar vulnerabbli minħabba realtajiet oħrajn bħall-fatt li huma Roma, Afrikani, nisa bla ċittadinanza, nisa immigranti jew inkella nisa LGBTIQ+ - inkluż persuni transgender li r-riżoluzzjoni tfakkar illi jgħaddu minn problemi bil-wisq akbar f'sitwazzjonijiet bħal dawk tal-Ukrajna.  

Fil-fatt ir-riżoluzzjoni tfakkar li għal persuni LGBTIQ+ u tfal minn koppji tal-istess sess u l-ġenituri tagħhom, iċ-ċaqlieq jista' jkun ta' detriment akbar, kif inhu għal persuni trans. Fil-fatt il-Parlament Ewropew ifakkar li ħafna persuni trans li jkollhom il-marka u r-ritratt maskili tagħhom fuq il-passaport ħafna drabi mhux qed jitħallew jitilqu mill-Ukrajna, filwaqt li sawk illi ma jkollhomx dokumenti li jikkorrispondu mal-identità tagħhom ma jitħallewx jgħaddu minn check points. Dan apparti li dawn isibu diffikultajiet sabiex jkollhom aċċess għal trattamenti ormonali li jfakkru illi huma kkunsidrati bħala neċessarji mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. 

Finalment ir-riżoluzzjoni tfakkar ukoll illi hemm bżonn li tkun diskussa l-protezzjoni lil nisa li fil-fatt baqgħu fl-Ukrajna, speċjalment lil dawk il-madwar 15% tal-militar Ukren li huma nisa - madwar 300,000 mara - bil-Parlament Ewropew jindika li suldati nisa li qed jinqabdu mir-Russi ġew ittorturati, umiljati u suġġetti għal vjolenza sesswali. 

'Il-vjolenza sesswali  hija arma tal-gwerra' 

Il-Parlament Ewropew ikkundanna b'qawwa kbira kull vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru u jfakkru li din hija arma ta' gwerra u filwaqt li esprima tħassib dwar żieda fl-ittraffikar uman sejjaħ għal pajjiżi ewropej biex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa fiċ-ċentri tal-immigranti. Fid-dawl ta' dawn għalhekk qed isejjaħ lill-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar sabiex tieħu responsabilità u tiddentifika priġunieri nisa u tassigura li dawn ikunu trattati b'mod ġust u uman.  

Il-Parlament Ewropew qed jipproponi wkoll li titwaqqaf pjattaforma għal dawk l-Ukreni li qed japplikaw għal protezzjoni temporanja - kif kien propost mill-Kummissjoni Ewropea - li tfakkar illi hija importanti għar-rijunifikazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati mal-familji tagħhom, pero' wkoll biex jonqos ir-riskju ta' traffikar tan-nisa u tfajliet.  

Finalment ir-riżoluzzjoni titlob għall-protezzjoni ta' dawk in-nisa vulnerabbli li qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom u għal pajjiżhom fl-Ukrajna stess.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024