It-tranżizzjoni għal inqas emissjonijiet se tfisser żieda ta' kważi 1% fil-kontijiet... il-Parlament Ewropew bi proposta ta' Fond Soċjali għall-Klima

Li ssir tranżizzjoni għal inqas tniġġis u dikarbonizzazzjoni hija xi ħaġa tajba imma fil-ħajja kollox għandu prezz u l-Kummissjoni Ewropea tistma' li l-prezz għall-Fit for 55 ifisser kważi 1% żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk qed ikun propost fond ta' għajnuna għall-vulnerabbli... 

F'dawn l-aħħar xhur smajna ħafna dwar Patt Aħdar Ewropew biex jonqsu l-emissjonijiet sabiex ikollna arja aħjar u fl-aħħar mill-aħħar pjaneta iktar sana. Imma bħal kollox fil-ħajja xejn ma jiġi mingħajr prezz. Il-prezz ta' sett u elenku estensiv ta' miżuri relatati mal-ambjent bl-isem Fit for 55 huma stmati li jfissru li int tħallas kważi 1% aktar f'kontijiet tad-dawl u gass, biex issajjar u tgħix, skont assessjar tal-impatt magħmul mill-Kummissjoni Ewropea stess. L-istess studju ta' impatt jindika li jekk taqla' inqas u tħallas aktar f'enerġija l-probabbilità hija illi b'dawn il-miżuri se tħallas aktar minn 1%.  

Huwa proprju fid-dawl ta' dan li inħoloq il-Fond Soċjali għall-Klima b'leġiżlazzjoni mbuttata fil-Parlament Ewropew mill-MEP David Casa, flimkien mal-MEP Esther de Lange, sabiex ikunu indirizzati dawn l-isfidi negattivi li bidliet pożittivi se jkunu qed jġibu magħhom.  

Imma ejja naraw pass, pass mhux biss x'tinvolvi din il-leġiżlazzjoni imma għaliex ser isir vot dwarha fil-Plenarja ta' Ġunju li ġej.  

X'inhu l-faqar tal-enerġija?  

Il-faqar tal-enerġija (energy poverty) hija kundizzjoni soċjali li tinfthiem bħala n-nuqqas tal-abilità ta' familja jew persuna li jkollha l-livelli meħtieġa ta' enerġija fid-dar. Fl-1991 ir-Riċerkatura Brenda Boardman, li mexxiet kampanji kontra l-faqar tal-enerġija, kienet iddeskriviet dan it-tip ta' faqar hekk: L-inabilità li dar tkun tiflaħ tħallas għad-dawl u biex issaħħan id-dar, f'każi fejn kellha tonfoq aktar minn 10% mid-dħul tagħha propju għal dan il-għan.  

L-aktar nies li jkollhom dawn it-tip ta' problemi u aktar suxxettibbli għal dan it-tip ta' faqar huma pensjonanti, anzjani, persuni b'diżabilità u tfal. Studji diversi urew illi f'pajjiżi bħall-Ungerija hemm preżenza aktar kbira ta' proprjetajiet "vulnerabbli" u li huwa diffiċli ħafna li jbiddlu l-modi ta' enerġija aktar rinovabbli.  

Il-fatturi prinċipali li jwasslu għal dan it-tip ta' faqar, skont studju ta' Bouzarovski&Petrova tal-2015 huma, in-nuqqas ta' aċċess f'każi fejn ma jkunx hemm biżżejjed fornitura ta' enerġija, it-tieni raġuni hija l-affordabilità kemm biex tħallas għall-użu jew inkella wkoll biex tinvesti f'enerġija alternattiva. Hemm ukoll, fost raġunijiet oħrajn, in-nuqqas ta' għarfien ta' kif persuna tuża l-enerġija b'mod aktar effiċjenti d-dar.  

Għaliex qed ikun propost dan il-fond?  

L-għan ewlieni tal-Fond Soċjali tal-Klima huwa li jkunu kumpensati djar, negozji żgħar u dawk li jużaw it-trasport għal żieda fl-ispejjeż minħabba din it-tranżizzjoni ħadra fis-settur tat-trasport u l-bini illi se jintlaqtu l-aktar mill-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fuq din il-kwistjoni.  

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponiet reviżjoni ta' direttiva li tkun tfisser illi skema li tħajjar aktar dikarbonizzazzjoni tkun estiża għal dawn is-setturi wkoll.  

Naturalment dan jolqot lill-prezzijiet tal-enerġija, li bħalissa diġà qed jisplodu 'l fuq madwar l-Ewropa minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Prezzijiet li qed iwasslu wkoll, biex jogħla sew il-prezz tal-ikel,  

Il-Pakkett Fit for 55, li diġà semmejna, joħloq sett estensiv ta' regolamenti bit-tir li l-Unjoni Ewropea tnaqqas l-emmissjonijiet mill-gassijiet serra għal minimu ta' 55% sal-2030 - tmien snin oħra! 

Kemm se jintefqu flus fuq dan il-fond?  

Il-Fond mistenni jipprovdi 'il fuq minn €72 biljun minn fondi ewropej bejn l-2025 sal-2032. 

Proporzjon mid-dħul minn dawn is-setturi milqutin, se jmur propju fuq dawn l-iskemi għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u dikarbonizzazzjoni ta' binjiet jew trasport.  

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li mit-€72.2 biljun, €23.7 biljun se jintefqu mill-2025 sal-2027, filwaqt li €48.5 biljun se jintefqu mill-2028 sal-2032, bl-akbar allokazzjoni għal sena waħda tkun fl-2026 meta mill-fond se joħorġu €10.7 biljun.  

Kif se jkun ikkalkulat kemm se jieħu Stat Membru minn dan il-fond?  

Il-kunsiderazzjonijiet ta' kemm pajjiż se jieħu fondi ivarjaw, imma l-prinċipali huma: Il-popolazzjoni tal-pajjiż, in-numru ta' nies f'riskju ta' faqar li jgħixu f'żoni rurali, il-persentaġġ ta' djar li waqgħu lura fil-ħlas tal-kontijiet, id-dħul nazzjonali gross u t-total f'emissjonijiet ta' karbonju ta' gassijiet serra.  

F'termini assoluti l-aktar pajjiżi li huma mistennijin igawdu minn flus huma l-Polonja li se tkun qed tirċievi mas-17% tal-fondi totali, Franza (11.2%), l-Italja (10.8%), Spanja (10.5%) u r-Rumanija (9.3%). 

X'iridu jagħmlu l-Istati Membri biex igawdu minn dawn il-fondi?  

Kull Stat Membru jeħtieġ jissottometti Pjan Soċjali għall-Klima li jkun jinkludi miżuri konkreti, tragwardi, spejjeż totali, miżuri ta' kif se jkunu miġġildin il-korruzzjoni u l-frodi, informazzjoni dwar faqar tal-enerġija fil-pajjiż u l-proċess ta' konsultazzjoni.  

It-tragwardi jeġħtieġ jinkludu s-setturi tar-rinovar tal-bini, tnaqqis fin-numru ta' familji vulnerabbli u negozji żgħar u vulnerabbli.  

Huwa ċċarat ukoll li pajjiż ma jistax juża dawn il-flus biex jinċentiva jew jimmaniġġja prezzijiet ta' fjuwils li jħammġu.  

X'qalu dwar dan kollu l-għaqiet non governattivi?  

Ir-reazzjonijiet għal din il-proposta jvarjaw. Friends of the Earth Europe sostniet illi dan il-fond huwa fil-fatt "rikonoxximent tal-bżonn li jiġu mgħejjuna dawk li huma foqra mil-lat ta' enerġija." Minkejja dan qalu wkoll li jqisu illi l-ammont ta' flus mogħtija f'fondi ma jħossux li huma biżżejjed.  

Għaqda oħra ambjentali E3G, wkoll kellha kliem ta' tifħir għalkemm mill-ġdid saħqet li għandu jsir ħafna aktar sabiex il-Fond ikollu kundizzjonijiet aktar iebsin, aktar fondi għall-vulnerabbli u aktar sehem ta' gvernijiet u ċittadini.  

'L-emissjonijiet mit-trasport f'Malta fost l-aktar li qed jiżdiedu' - Casa 

“Fil-każ ta’ Malta, filwaqt li l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq huma l-inqas fl-Ewropa, qed jiżdiedu b’rata li tlaħħaq mal-ogħla rati li jeżistu. L-investiment fi trasport aktar ekoloġiku huwa prijorità ewlenija jekk Malta trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha fit-tul.” 

Hekk sostna l-MEP Malti David Casa li mexxa 'l quddiem rapport dwar il-Fond Soċjali dwar il-Klima, liema Leġislazzjoni ewlenija, rċeviet appoġġ b’saħħtu f'vot kruċjali li ttieħed din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew. 

Il-vot fil-Kumitat konġunt EMPL-ENVI wasal wara xhur ta’ negozjati biex jinstabu kompromessi fuq partijiet ewlenin tal-abbozz ta’ regolament dwar il-Fond Soċjali għall-Klima li se jwassal biex ikun hemm miljuni investiti fid-djar Maltin matul l-għaxar snin li ġejjin. 

Casa saħaq li l-familji u ċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw mill-Fond kif propost. Huwa semma l-pannelli solari, il-mobilità aktar ekoloġika, u l-insulazzjoni bħala ftit mill-eżempji tal-appoġġ previst mill-Fond. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024