Il-Partit Popolari Ewropew esrpima sodisfazzjon għal ftehim milħuq li jwassal għal tragwardi ewropej għal ħażniet tal-gass sal-1 ta' Novembru 2022 u dan fid-dawl tal-fatt li l-assugirazzjoni tal-fornitura tal-gass għall-ewropej kollha, inkluż ċittadini, konsumaturi, negozji u għall-industrija tinsab ipperikolata. Fi stqarrija l-MEP Jerzy Buzek għamel referenza għal ftehim bejn il-Parlament Ewropew u Stati Membri tal-UE fuq regoli ġodda li se jkunu qed jobbligaw lill-Gvernijiet tal-UE biex jimlew il-ħażniet tagħhom tal-gass għax-xitwa u għas-sena li ġejja, filwaqt li jassguraw illi s-sidien u l-operaturi tas-sistemi tal-ħażniet ma jpoġġux is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija f'riskju.
Minħabba l-attakk Russu fuq l-Ukrajna u prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija, pajjiżi tal-Unjoni Ewropea wrew ruħhom kommessi għal tragward ta' 85% tal-ħażna li tkun mimlija sad-data msemmija, bit-tragward jitla' għal 90% għas-snin ta' wara.
Buzek - li huwa wkoll eks President tal-Parlament Ewropew - issottolinea l-importanza tal-ħażna tal-gass u fakkar li informazzjoni u ċifri juru li dawn il-ħażniet jissupplixxu bejn wieħed u ieħor 25% sa 30% tal-gass ikkunsmat kull xitwa. Fakkar li faċilitajiet simili huma meqjusin kritiċi and jikkontribwixxu biex jilqgħu għal xokkijiet fil-prezzijiet u fornitura, bħalma fil-fatt qed jiġri bħalissa. "Għalhekk qed inpoġġu mekkaniżmu li se jkun qed jassigura li l-fornitura tal-gass fl-UE ma tkunx aktar ikkontrollata minn dawk li proprju jwasslu għal kriżijiet ta' fornitura u żidiet fil-prezzijiet."
Buzek semma wkoll il-proviżjoni tal-mekkaniżmu volontarju għax-xiri tal-gass naturali. "Din hija idea li kont ppreżentajt flimkien ma' Jacques Delors fl-2010 u issa ser issir realtà. Jiena nafda gvernijiet tal-UE - appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea - se jagħmlu l-aħjar użu minn din il-possibbilità meta niġu għax-xiri tal-gass fis-suq globali tal-enerġija."
Buzek semma wkoll il-fatt li r-regolamenti negozjati jiftħu għall-possibilità li stati membri jużaw ħażniet fl-Ukrajna u pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija.
Il-Parlament Ewropew mistenni jivvota fuq dan il-qbil fil-Plenarja ta' Ġunju.