Il-President tal-Moldova tintlaqa' b'ċapċip fil-Parlament Ewropew hekk kif tagħti appoġġ lill-Ukrajna

Il-Moldova fl-aħħar ġimgħat kienet qed tiffaċċja mewġiet kbar ta' immigranti mill-Ukrajna... madwar 500,000 għaddew minn dan il-pajjiż

Il-President tal-Moldova Maia Sandu
Il-President tal-Moldova Maia Sandu

Meta kienet qed titkellem fil-Parlament Ewropew il-President tal-Moldova Maia Sandu esprimiet l-appoġġ totali tagħha u tal-Moldova għall-Ukrajna filwaqt li appellat lill-Parlament sabiex jikkunsidra l-kredenzjali ewropej tal-pajjiż u jkun id-dawl fi tmiem il-mina għalih. 

Hija fakkret li l-Unjoni Ewropea hija proġett ta' paċi u dan tista' terġa' tagħmlu billi tgħin pajjiż bħal Moldova, li tfakkar illi għandu missjoni u vokazzjoni ewropea, huwa pajjiż ewropew, jagħmel kummerċ mal-ewropa, għandu lingwa ewropea u qed jaħdem tant fl-oqsma tal-valuri ewropej, fosthom il-libertà tal-istampa u anke s-saltna tad-dritt. 

Il-Moldova fl-aħħar ġimgħat kienet qed tiffaċċja mewġiet kbar ta' immigranti mill-Ukrajna, xi ħaġa li l-President Sandu għamlet diversi referenzi għaliha. Hija qalet li wieħed kienet jistenna li stat ikun trattat bħala wieħed b'poplu bl-aspirazzjonijiet kollha tiegħu u tisħaq illi "l-gwerra Russa tfittex li ġġib fi tmiem it-tama u titfgħana seklu lura. Din il-gwerra kienet ikkawżata mill-bżonn li pajjiż jirbaħ territorju, kif poteri kbar kienu jagħmlu qabel u meta ġara hekk wasslu għal traġedja li wieħed ma jistax jimmaġina," qalet il-President tal-Moldova fil-ftuħ tas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew. 

Hija qalet illi l-gwerra tar-Russja hija magħmula sabiex l-Ukrajna ssir sempliċiment parti minn ġar ħafna aktar b'saħħtu u qalet illi ħafna popli episodju bħal dan diġà għexuh u semmiet lill-Ungerija, l-Islovakkja, il-Ġermanja u anke l-Polonja. 

"Qed naraw l-uġigħ ta' nies li qed jitilfu djarhom, qed naraw dawn ir-reati kontra l-Ukreni... u l-Moldova dan l-uġigħ tħossu hija wkoll," qalet Sandu li fakkret illi man-nofs miljun immigrant Ukren daħlu l-Moldova u 90,000 minnhom għadhom fil-pajjiż. "Aħna determinati li nagħmlu dak li hemm bżonn isir, nibqgħu maġenb l-Ukreni, nappoġġjaw l-integrità territorjali tal-Ukrajna għax il-Krimea hija l-Ukrajna, id-Donbas huma l-Ukrajna, Kyiv hija l-Ukrajna," qalet il-President, b'referenza għal żoni li kollha ġew attakkati mill-forzi Russi fl-aħħar snin. 

Hija kompliet tfakkar fil-valuri tal-poplu tal-Moldova u fakkret li dan huwa pajjiż demokratiku, li qed isaħħaħ il-libertajiet tiegħu, qalet filwaqt li għamlet referenza għall-progress li għamlet il-Moldova fil-qasam tal-libertà tal-istampa. 

Hija appellat lill-pajjiżi ewropej biex ma jaċċettawx flus ta' nies u politiċi korrotti mill-Moldova, anzi appellat lill-Parlament biex jgħin ħalli dan il-pajjiż jirkupra dawn il-flus hekk kif tfakkar li l-Moldova qed tiffaċċja żidiet enormi fil-prezzijiet ta' madwar 27%, kif ukoll problemi serji fil-fornitura. 

Intant kliem ta' tifħir għall-President tal-Moldova ġie wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li irringrazzjat lil dan il-pajjiż għall-kuraġġ li qed juri quddiem dak li ssejjaħ "attakk illegali u mhux ġust" mir-Russja, kontra l-Ukrajna. Faħħret ukoll l-għajnuna li dan il-pajjiż wera' fuq livell ta' migrazzjoni u wegħdet għajnuna u solidarjetà. 

"Il-Parlament Ewropew jeħtieġ jibgħat sinjal ċar favur l-ambizzjonijiet ewropej tal-Moldova. Għax il-Moldova postha mal-familja ewropea," sostniet il-President Roberta Metsola.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024