Il-Parlament Ewropew illum jivvota fuq proposta għal taxxa minima globali għal kumpaniji kbar

Il-Parlament ilu li esprima ruħu kontra kumpaniji li joperaw f'pajjiż iżda jħallsu t-taxxi f'pajjiż ieħor sabiex igawdu minn rati preferenzjali ta' tassazzjoni

Il-Parlament Ewropew mistenni jappoġġja liġijiet ġodda għal Taxxa Korporattiva Globali Minima għall-2023 waqt il-Plenarja li fil-fatt tibda mil-lum. Illum stess il-Parlament se jkun qed jikkunsidra rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Monetarju li qed jipproponi tali taxxa għal kumpaniji multinazjonali. Id-direttiva tkun tolqot lill-kumpaniji li jagħmlu mill-inqas €750 miljun fis-sena.

F'Diċembru li għadda l-OECD u l-Membri tal-G20 laħqu ftehim komprensiv għal riforma fit-taxxa sabiex b'hekk jiffaċċjaw l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll ippubblikat proposta ta' kif għandha tiġi mwettqa din ir-riforma fil-Liġi. 

Filwaqt li l-Parlament b'mod ġenerali jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva, il-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu qed jivvutaw fuq reviżjoni tal-klawżola li titratta r-rata minima ta' din it-taxxa. Il-Parlament qed jitlob ukoll sabiex il-Kummissjoni tevalwa kif din il-leġiżlazzjoni se tkun qed tolqot pajjiżi li għadhom qed jiżvilluppaw. 

L-awtur tar-rapport in kwistjoni, l-MEP Aurore Lalucq mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) qalet illi kompromess qatt mhu se jkun perfett u ħadd mhu se jkun kuntent bih, "Imma se jkun ftehim storiku. Fuq kollox ma nistgħux inżommu milli jseħħ żvilupp storiku bħal dan." 

Hi qalet illi hemm bżonn ikun aċċertat li dan il-ftehim ikun milħuq kemm jista' jkun malajr. 

Il-Parlament Ewropew ilu jsejjaħ għal riformi fil-qasam tat-taxxa sa minn meta seħħew numru ta' skandli f'nofs l-2010, liema skandli urew kif ħafna kumpaniji multinazzjonali kienu qed imexxu l-profitti tagħhom f'pajjiżi oħrajn, fejn minkejja li jkollhom ftit ħaddiema u ftit li xejn operat ikunu qed igawdu minn rati ta' taxxa preferenzjali. 

Malta, kienet fil-fatt waħda minn dawn il-pajjiżi, li tagħti rifużjonijiet qawwijin lil kumpaniji multinazzjonali, li allura wassal biex diversi kumpaniji fetħu uffiċċju f'pajjiżna biex anke jekk ikomplu joperaw barra minn Malta, iħallsu taxxa u allura jgawdu minn rati preferenzjali Maltin. Diversi pajjiżi Ewropej, speċjalment dawk minn fejn joperaw dawn il-kumpaniji, ilhom jitħabtu sabiex din is-sistema tinbidel billi jkun hemm rata minima komuni. 

Minkejja r-reżistenza ta' Malta u r-Renju Unit - li sadanittant laħqet telqet mill-UE - il-Ministru Clyde Caruana ħabbar illi l-Gvern se jkollu jwettaq numru ta' bidliet f'din is-sistema. 

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponiet pakkett ta' tassazzjoni ġusta fl-2018 imma minħabba nuqqas ta' qbil fil-Kunsill Ewropew baqa' ma sar xejn minn dak propost, 

Il-qbil tal-OECD hija soluzzjoni maqsuma fi tnejn. L-ewwelnett hija soluzzjoni aktar unifikata għad-drittijiet tat-taxxa li jikkonċernaw lill-aktar kumpaniji kbar u multinazzjonali. It-tieni soluzzjoni, tintroduċi rata minima ta' 15% sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn kumpaniji jiddikjaraw il-profitti f'pajjiż fejn fil-fatt ma joperawx. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024