​Metsola tiżvela mal-ILLUM: Qed ikun diskuss self biex jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet kawża tal-gwerra fl-Ukrajna

Il-ġurnalista tal-gazzetta ILLUM Marianna Calleja titkellem mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġewwa Brussell dwar iż-żieda fil-prezzijiet kawża tal-gwerra fl-Ukrajna u tas-sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Belarussja mill-Unjoni Ewropea.

Il-President Maltija tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola (Ritratt ta’ Diana Le Lardic)
Il-President Maltija tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola (Ritratt ta’ Diana Le Lardic)

 

Il-Parlament Ewropew huwa konxju tal-fatt li numru ta’ persuni qegħdin ibatu finanzjarjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet imma jrid iserraħ moħħ iċ-ċittadini Ewropej li bħalma l-UE qed tgħin lill-Ukreni, se tgħin ukoll liċ-ċittadini tagħha. 

Din kienet it-tweġiba tal-President tal-Parlament Ewropew Robert Metsola meta mistoqsija mill-ILLUM dwar l-prezz li se jġorr il-poplu Ewropew, inkluż dak Malti, kawża tas-sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Belarussja min-naħa tal-Unjoni Ewropea. 

Fil-fatt skont Metsola sa issa ġew diskussi fondi differenti li jgħinu niċeċ tas-soċjetà, b’mod partikolari n-nisa.  Tajjeb li ninnotaw li r-referenza ta’ Metsola mal-ILLUM dwar in-nisa tiġi fid-dawl ta’ ċifri żvelati mill-Eurostat li 64.6 miljun mara fl-UE qed jgħixu fil-faqar: Seba’ miljuni iktar mill-irġiel. 

Metsola kompliet tispjega kif il-Parlament Ewropew qed jippjana biex l-għajnuna finanzjarja tiġi l-ewwel mill-flus li ma ntużawx mill-Fondi ta’ Rkupru u Reżiljenza li kien imwaqqaf għar-riġenerazzjoni ekonomika wara l-Covid-19. Il-Parlament Ewropew qed iħares biex iġib ukoll flus mill-Fond ta’ Koeżjoni. Dan il-fond kien immirat għall-Istati Membri li d-Dħul Nazzjonali Gross tagħhom għal kull resident huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE. Dan ifisser li jkompli jsaħħaħ l-għan tal-UE li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali u li tippromowovi l-iżvilupp sostenibbli. 

Metsola żvelat mal-ILLUM li qed jiġi diskuss wkoll fond ta’ self ieħor għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżi magħfusa b’niċeċ ta’ persuni vulnerabbli ekonomikament. Dwar dan pero’ għad hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvernijiet allura għalissa “qed nintervjenu skont il-bżonn tas-soċjetà f’kull stat membru b’mod apert u trasparenti.” 

Qabel dan kollu hija spjegat mal-ILLUM li l-ewwel huwa kruċjali li nifhmu kif il-ġustizzja għandha dejjem tirrenja u li dak hu l-punt tat-tluq. “Meta dik tiġi aċċettata hemm l-Gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jiddiskutu limitu tal-prezz u fuq kollox kif se jinxtara l-gass u ż-żejt,” kompliet tispjega Metsola. Fl-istess waqt fakkret li l-Unjoni tal-Enerġija ilha tiġi diskussa għal snin twal, mhux biss issa kawża tal-gwerra. 

Hija temmet bi kliem il-predeċessur tagħha David Sassoli illi dejjem saħaq: “Il-flessibilità li tajna fiż-żmien il-Covid trid tkun estiża biex jonqos l-impatt soċjali.”  

‘Probabbilment l-agħar għadda’ – Kelliem għad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija 

Fi Brussell il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Kelliem għad-Direttorat Ġenerali tal-Kummisjoni Ewropea għall-Enerġija u staqsitu jekk hemmx indikazzjoni ta’ kif sa taffetwa l-prezzijiet tal-enerġija l-gwerra fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja. 

Huwa fil-pront wieġeb li “ħadd ma jazzarda jbassar.” Żied jgħid li jekk wieħed iħares lejn il-prezz taż-żejt għall-aħħar 20 sena jinduna li huwa normali illi l-prezz taż-żejt jitla’ u jinżel ma’ kull sfida jew kriżi globali. 

Din hi verità għax jekk inħarsu lejn l-aħħar 20 sena ninnutaw kif l-ewwel darba li l-prezz taż-żejt ogħla “b’mod allarmanti” kien fis-70ijiet meta l-Lega Għarbija ssospendew l-esportazzjoni taż-żejt lejn pajjiżi li appoġġjaw lill-Iżrael. Il-prezz niżel fis-snin li għaddew iżda mal-ewwel reġgħu laħqu żieda rekord fis-snin 80 meta faqqgħet il-gwerra bejn l-Iraq u l-Iran. Il-prezz reġa’ niżel f’daqqa u għola skont id-domanda u l-provvista b’mod stabbli matul l-għoxrin sena ta’ wara. Il-prezz taż-żejt pero’ kellu l-ikbar żieda bejn l-2008 u l-2009. 

Filwaqt li żieda preċedenti fil-prezz taż-żejt kienet kkawżata primarjament minn tfixkil fiżiku tal-provvista, iż-żieda fil-prezz tal-2009 kienet ikkawżata minn domanda qawwija li ffaċċjat il-produzzjoni dinjija staġnata. Wara dan, il-prezz taż-żejt ma kienx niżel b’ħafna iżda fl-2020 reġa’ ogħla iktar minn dak tal-2009 wara li kulħadd sab ruħu msakkar f’daru kawża tal-pandemija. 

Dan kollu għall-(kelliem) ifisser li b’xi mod jew ieħor il-prezz taż-żejt se jerġa’ jinżel, li ma nafux hu meta. “Jekk hux il-ġimgħa d-dieħla jew sentejn oħra, il-prezz jerġa’ jinżel,” qal. 

Fakkar li issa deħlin għas-Sajf u jekk teskludi lil pajjiżi bħal Malta li l-iktar jeħlu enerġija kawża tas-sħana li taħkimna, ħafna mill-pajjiżi jnaqsu l-konsum tal-enerġija u dan ifisser inqas domanda għaż-żejt.  

“Interessanti tkun ix-xitwa li ġejja, minn Settembru ‘l quddiem. Jekk ir-Russja tnaqqas jew twaqqaf il-provvista rridu naraw kif is-suq jirrispondi iżda jekk il-gwerra tkun spiċċat mela vera l-agħar ikun għadda.” 

It-tlett sanzjonijiet li jaf ikunu ta’ detriment fuq il-prezzijiet taż-żejt 

Hemm tliet sanzjonijiet min-naħa tal-Unjoni Ewropea kontra r-Russja u l-Belarussja fis-settur tal-enerġija li jilgħabu rwol importanti fiż-żieda tal-prezzijiet taż-żejt.  

  • Il-projbizzjoni fuq importazzjonijiet tal-faħam mir-Russja 
  • Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti fis-settur tar-raffinar taż-żejt lejn ir-Russja 
  • Il-projbizzjoni fuq investimenti ġodda fis-settur tal-enerġija Russu 

Ir-Russja hija l-akbar fornitur taż-żejt tal-Ewropa u fil-fatt tipprovdi 26% tal-importazzjoni taż-żejt tal-UE fl-2020. L-Ewropa tieħu madwar terz tal-enerġija grossa disponibbli tagħha miż-żejt u l-prodotti taż-żejt, f'setturi bħal dawk tat-trasport u l-produzzjoni tal-kimiċi. 

Is-sanzjonar tal-provvista Russa tista’ tgħolli l-prezzijiet taż-żejt li fil-preżent diġà huma għoljin imma tħassib ieħor huwa li s-sanzjonijiet taż-żejt tal-UE jistgħu jaraw lir-Russja tirritalja billi wkoll taqta’ l-40% tal-gass li tforni lill-UE.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024