L-MEP Maltija Josianne Cutajar tirrapreżenta lill-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu f’diversi laqgħat f’Madeira

Matul din l-ewwel missjoni tagħhom wara l-imxija tal-COVID-19, il-Membri Parlamentari Ewropej rappreżentanti tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, żaru Madeira sabiex jesploraw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn is-setturi 

Josianne Cutajar, MEP tal-S&D
Josianne Cutajar, MEP tal-S&D

Il-Membru Parlamentari Ewropea Josianne Cutajar iffurmat parti minn delegazzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew fil-gżira Portugiża ta’ Madeira, f’sensiela ta’ laqgħat ta’ ħidma fuq tlett ijiem.

Intant, matul din l-ewwel missjoni tagħhom wara l-imxija tal-COVID-19, il-Membri Parlamentari Ewropej rappreżentanti tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, żaru Madeira sabiex jesploraw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn is-setturi imsemmija f’wieħed mir-reġjuni l-aktar imbiegħda u bil-għan li jifhmu aħjar ir-realtajiet ta’ reġjuni bħal dawn.

“Bħala persuna li ġejja mill-gżira Għawdxija, li mhux biss tinsab fil-periferija imma tiffaċċja wkoll l-insularita’ doppja, nemmen li hemm ħafna x’nitgħallmu jekk bħala gżejjer naqsmu l-esperjenzi u l-prattiċi tajbin tagħna f’oqsma essenzjali bħalma huma t-turiżmu u t-trasport,” stqarret dan il-Membru Parlamentari Cutajar.  Saħqet, li ħafna gżejjer għandhom bżonnijiet u kunsiderazzjonijiet partikolari nkluż l-fatt li dawn huma dipendenti fuq it-trasport marittimu u dak bl-ajru.

Cutajar tenniet ukoll  li hemm bżonn ta’ ħarsien  lejn il-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta, Għawdex u Madeira fid-dinja ta’ wara l-Covid-19: mill-ispejjeż addizzjonali tat-trasport u l-importazzjoni sa nuqqas ta’ provvista, realtajiet li jridu jiġu ndirizzati sabiex naraw li ma jinġarrux miċ-ċittadini u n-negozji tagħna.

“Irridu naċċertaw li l-Unjoni Ewropea tilħaq lil kulħadd, inkluż gżejjer bħal tagħna u reġjuni meqjusa ultraperiferiċi bħal Madeira, u mhux li tillimita lilha nfisha għaċ-ċentru biss, xi ħaġa li qed nenfasizza wkoll fil-ħidma tiegħi fuq ir-rapport dwar il-politika tal-gżejjer li ġejt fdata ninnegozja mis-Soċjalisti. Irridu naraw li nkunu proattivi biex  l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u medji li ġejjin minn ġżejjer bħal tagħna, nibdluhom f’opportunitajiet, sabiex anke dawn ikomplu jkabbru l-investiment tagħhom u jintegraw fis-suq ekonomiku tal-UE,” temmet tgħid l-MEP Cutajar.

Id-delegazzjoni li kienet tifforma parti minnha l-MPE Cutajar iltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti mill-Gvern Reġjonali, u l-Assemblea Leġislattiva, diversi Sindki u msieħba lokali oħra, bħall-Kamra tal-Kummerċ, intraprendituri u kumpaniji fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu f’Madeira. Huma kellhom ukoll laqgħat fl-ajruport ta’ Madeira kif ukoll il-Port ta’ Funchal.

Flimkien iddiskutew l-isfidi li qed jaffaċċja s-settur tat-trasport u t-turiżmu, mhux biss minħabba l-effetti tal-COVID-19, imma wkoll fid-dawl tal-qalbiet ambjentali li rridu nagħmlu u s-sitwazzjoni internazzjonali, biż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm il-konnettività tar-reġjuni periferali, l-avjazzjoni u t-trasport bil-baħar aktar sostenibbli u l-pakkett ta’ liġijiet ambjentali Fitfor55.

“Hemm bżonn aktar laqgħat ta' ħidma bħal li kelli din il-ġimgħa f'Madeira biex nassiguraw li l-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tagħha, nifhmu aħjar ir-realtajiet tal-gżejjer u reġjuni ultraperiferali u remoti.” Hekk saħqet l-MPE Cutajar, waqt li enfasizzat ukoll li permezz ta' għajnuniet u azzjonijiet f'waqthom li jifhmu s-sitwazzjoni tal-gżejjer diversi tagħna, nistgħu naraw li l-isfidi indawruhom f'opportunitajiet.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024