'L-UE trid toqgħod attenta li ma timponix sanzjonijiet li aktar jweġġgħu lilha milli lir-Russja'

L-MEP Alfred Sant jirrikonoxxi fl-istess ħin iżda li s-sanzjonijiet jeħtieġ ikunu qawwija u iebsa ħalli b'hekk ikunu effettivi

Alfred Sant, MEP tal-S&D
Alfred Sant, MEP tal-S&D

Fl-intervent tiegħu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna, l-eks Prim Ministru u MEP Alfred Sant wissa li fl-implimentazzjoni ta’ aktar sanzjonijiet kontra r-Russja, l-Unjoni Ewropea trid toqgħod attenta li ma timponix miżuri punittivi li jispiċċaw iweġġgħuha aktar fuq żmien qasir jew medju milli jweġġgħu lir-Russja. Inkella jfakkar li dan jista' jkollu konsegwenzi kontroproduttivi kemm f'termini ta' deterrent kif ukoll ta' opinjoni pubblika Ewropea.

Sant iżda rrikonoxxa li aktar ma s-sanzjonijiet Ewropej ikunu qawwija u iebsa aktar isiru effettivi.

L-MEP Malti sostna li “il-bilanċ tal-miri differenti li jridu jintlaħqu, huwa proċess delikat bl-għan aħħari li jwassal għat-tmiem tal-gwerra tal-Ukrajna kemm jista’ jkun malajr, nisperaw li llum”.

Il-plenarja kienet qed tiddiskuti u tivvota dwar il-konklużjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2022, inkluż l-aħħar żviluppi fil-gwerra kontra l-Ukraina u s-sanzjonijiet Ewropej kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom. F'riżoluzzjoni konġunta, il-Membri Parlamentari Ewropej talbu għal projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet Russi ta' żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass. Lil hinn minn dan, il-Membri Parlamentari Ewropej talbu għall-esklużjoni tal-banek Russi mis-sistema SWIFT u projbizzjoni fuq l-aċċess għall-ibħra territorjali tal-Unjoni Ewropea minn bastimenti Russi u fuq it-trasport bit-triq tal-merkanzija mir-Russja u lejn il-Belarus. Emenda għall-abbozz oriġinali sejħet għal projbizzjoni immedjata fuq il-fjuwils kollha importati lejn l-Ewropa mir-Russja.

Sant stqarr li l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna u l-modi brutali li bihom iddaħħlet fis-seħħ imminaw kważi għal kollox it-talbiet storiċi u ġeopolitiċi kollha li ġew avvanzati b’mod validu biex jargumentaw kontra l-espansjoni tan-NATO lejn il-Lvant.

L-MEP Laburista enfasizza li kwalunkwe gwadann militari jew diplomatiku Russu mill-hekk imsejħa operazzjoni militari speċjali tagħha se jkun illegali. Dan apparti kwalunkwe akkużi ta’ delitti tal-gwerra li qed jiġu sostnuti kontra r-Russja, huwa saħaq.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024