Il-Parlament Ewropew approva proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex Malta u xi pajjiżi oħrajn tal-UE jgawdu provvista stabbli ta’ mediċini li jimpurtaw mir-Renju Unit.
Dawn il-miżuri ttieħdu wara proċedura urġenti biex tiżgura s-serħan il-moħħ għal provvista stabbli għat-tul ta’ prodotti mediċinali u dawk fil-fażi ta’ investigazzjoni li jkunu kkummerċjati mir-Renju Unit lejn Malta, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika tal-Irlanda u Ċipru.
Dawn il-miżuri eċċezzjonali huma intiżi biex mediċini awtorizzati fir-Renju Unit ikunu jistgħu jinbiegħu fl-Irlanda ta’ Fuq b’awtorizzazzjoni temporanja, li tkun valida l-iktar għal sitt xhur jew sakemm l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni tagħha għall-kummerċ tal-prodott mediċinali fl-UE. Se jkun hemm kundizzjonijiet partikolari biex mediċini awtorizzati fir-Renju Unit ma jippenetrawx fis-suq uniku Ewropew.
F’dan il-kuntest, kumpaniji li jkunu awtorizzati jikkummerċjaw dawn il-prodotti se jkunu jistgħu jitwaqqfu jew ikunu lokalizzati u jagħmlu testijiet fuq dawn il-prodotti f’partijiet tar-Renju Unit apparti l-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn dan, prodotti mediċi fil-fażi ta’ investigazzjoni, manifatturati f’partijiet tar-Renju Unit apparti l-Irlanda ta’ Fuq se jkunu jistgħu jkunu importati f’Malta, fl-Irlanda, fl-Irlanda ta’ Fuq u f’Ċipru, sakemm ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.
Dan kollu se japplika b’mod indefinit għall-Irlanda ta’ Fuq imma temporanjament għal tliet snin f’Malta, l-Irlanda u Ċipru billi dawn il-pajjiżi mistennijin jibdew igawdu minn provvista dejjem tiżdied minn pajjiżi oħrajn tal-UE.
Din il-liġi ġdida tal-UE se tidħol fis-seħħ b’urġenza wara li tkun approvata malajr kif inhi kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri li jkunu adottati mill-pajjiżi tal-UE se jkollhom effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar li għadda.
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippjana wkoll li sal-aħħar ta’ din is-sena tressaq emendi għal-liġijiet tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi. Dawn il-proposti mistennijin joffru soluzzjonijiet strutturali fuq żmien itwal għall-problemi ta’ aċċess għall-mediċini, l-iktar biex titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ skarsezzi fil-pajjiżi ż-żgħar tal-UE.
Fl-istess linja mal-pakkett ta’ soluzzjonijiet għall-Irlanda ta’ Fuq imressaq fit-13 ta’ Ottubru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta’ Diċembru 2021 adottat serje ta’ proposti bil-għan li jiżguraw provvista stabbli tal-mediċini lill-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll lil Malta, l-Irlanda u Ċipru.
Avviż ieħor tal-Kummissjoni jneħħi l-vojt li kien hemm bejn il-31 ta’ Diċembru 2021 (sa meta kienet fis-seħħ il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea) u d-dħul fis-seħħ tal-miżuri leġiżlattivi proposti.