Il-Parlament Ewropew qed jippropponi - permezz ta' riżoluzzjoni li tagħti lill-konusmatur id-dritt li jsewwi prodott, minflok jixtri ieħor, speċjalment f'dak li jitratta tagħmir elettroniku - illi l-perjodu minimu ta' sentejn garanzija għall-oġġetti li jkunu difettużi jew jieqfu jaħdmu tkun estiża. Ifakkar li r-regola li tispeċifika s-sentejn garanzija hija l-istess madwar l-UE kollha u li huma ftit biss mill-Istati membri li fil-fatt imorru lilhinn minn dan il-perjodu. Allura fid-dawl ta' dan il-Parlament qed jisħaq li għandu jkun hemm din l-estensjoni għal numru ta' prrodotti u li din tkun, mill-ġdid, armonizzata.
Il-Parlament Ewropew, f'din ir-riżoluzzjoni li kienet approvata din il-ġimgħa stess, qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħfas fuq il-bżonn li l-prodotti jkunu magħmulin b'mod li jservu aktar, ikunu jistgħu jissewwew b'mod sikur u li l-partijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati u mneħħija faċilment. Dan filwaqt li jisħaq ukoll illi għandu jkun aċċertat li l-konsumatur ikollu aċċess ħafna aħjar għal servizzi ta' bdil ta' parts u għal manwali tal-istruzzjonijiet, "fi żmien raġonevoli u bi spiża raġonevoli, għal perjodu li jikkorrispondi għat-tul ta' ħajja mistenni tal-prodott."
Għalhekk dan id-dritt għandu jiġi wkoll ma' manutenzjoni mingħajr ħlas u informazzjoni dwar għodod dijanjostiċi u parts ta' bdil, fost oħrajn.
Din ir-riżoluzzjoni għaddiet mill-Parlament hekk kif - skont statistika li jikkwota huwa stess - 79% taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-manifatturi għandhom jagħmluha aktar faċli li apparat diġitali jiġi msewwi filwaqt li 77% jippreferu jsewwu apparat milli jixtru wieħed ġdid. Il-Parlament ifakkar ukoll li apparti dan, tista' tinħoloq industrija sħiħa u ħafna iktar impjiegi f'settur bħal dan.
Sfortunatament, kif ħafna jafu mill-esperjenza, hemm diversi ostakli li jagħmluha aktar diffiċli li persuna tmur għat-tiswija minflok tixtri mill-ġdid, fosthom nuqqas ta' parts, spejjeż akbar biex issewwi jew ostakli tekniċi.
Allura skont din ir-riżoluzzjoni l-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni ta' prodott jew oġġett difettuż u tfakkar li, "it-tiswija tista' f'ħafna każijiet tkun għażla aktar effiċjenti fir-riżorsi u newtrali għall-klima."
U finalment il-Parlament Ewropew f'din ir-riżoluzzjoni qed jinsisti wkoll li dawk li jixtru prodott online għandhom jirċievu l-istess informazzjoni u jkollhom l-istess drittijiet ta' dawk li jixtru minn ħanut u li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li dan huwa l-każ.
Kienet il-Kummissjoni Ewropea stess illi ħabbret li d-Dritt tat-Tiswija se tkun waħda mill-inizzjattivi tal-Parlament għall-2022 u li din se tiġi adottatata f'koordinazzjoni ma' inizjattivi leġiżlattivi relatati, bħall-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli u l-inizjattiva "L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika" - li kollha għandhom l-għan li jiksbu prodotti u xejriet ta' konsum aktar sostenibbli.