Aċċess legali b'xejn għat-tfal f'każi ta' separazzjoni- jipproponi l-Parlament Ewropew

It-tfal ħafna drabi jispiċċaw vittmi f'tilwim bejn il-ġenituri, speċjalment f'tilwim bejn ġenituri f'pajjiżi differenti. Il-Parlament Ewropew fakkar fid-drittijiet li għandhom l-ulied u elenka numru ta' proposti biex dawn ikunu dejjem salvagwardjati...

Protezzjoni tat-tfal speċjalment f'każi ta' separazzjonijiet transnazzjonali
Protezzjoni tat-tfal speċjalment f'każi ta' separazzjonijiet transnazzjonali

Il-Parlament Ewropew qed jistieden lill-Istati Membri sabiex ikun hemm aċċess għal rappreżentanza legali mingħajr ħlas għat-tfal f'każi ta' separazzjoni jew tilwim bejn il-ġenituri, liema aċċess ikun imħallas minn fondi pubbliċi. Dan l-aċċess apparti li jkun ta' kwalità għolja, jeħtieġ japplika f'tilwim ċivili, amministrattiv u tal-familja, inkluż it-tilwim ta' natura transfruntiera u f'każijiet meta l-ġenituri ma jġorrux ir-responsabilitajiet tagħhom kif mistenni jew inkella meta l-interessi tagħhom ma jkunux jaqblu ma' dawk tat-tfal. 

Dan intqal f'riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament Ewropew din il-ġimgħa u li fiha l-istess Parlament ifakkar li numru dejjem jiżdied ta' tfal u anke adoloxxenti qed jiġu wiċċ imb'wiċċ mal-ġustizzja minħabba żieda fil-koppji li jisseparaw jew jiddivorzjaw, kif ukoll fid-dawl ta' proċessi li qed jiżdiedu ta' adozzjonijiet. Dan ifisser, tkompli tgħid ir-riżoluzzjoni, li saret u qed issir dejjem aktar importanti li jkun garantit l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ġustizzja, fosthom aċċess għall-Qrati u għal metodi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej saħqu wkoll li jeħtieġ illi l-Istati Membri jistabilixxu servizzi ta' konsulenza li jkunu aċċessibbli faċilment, ta' kwalità għolja, personalizzati u mingħajr ħlas li jagħtu l-appoġġ lit-tfal, fosthom permezz ta' ħaddiema soċjali, speċjalisti fil-kura tat-tfal professjonisti fin-Newropsikjatrija u oħrajn biex jgħinu lit-tfal fl-istadji kollha tal-proċedimenti. 

Protezzjoni akbar għal tfal fi proċedimenti transfruntiera

Il-Parlament Ewropew f'din ir-riżoluzzjoni qed jindirizza wkoll sitwazzjonijiet ta' tfal li jkunu bejn ġenituri li qegħdin f'tilwima f'pajjiżi differenti. 
Ir-riżoluzzjoni għalhekk tisħaq li l-Istati Membri jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal fil-proċedimenti inkluż billi jiżguraw li l-liġijiet u l-proċeduri ma jiddiskriminawx bejn il-ġenituri abbażi tan-nazzjonalità tagħhom, il-pajjiż ta' residenza tagħhom jew b'xi mod ieħor. 

Dan filwaqt li qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tressaq proposta ġdida għal regolament dwar medjazzjoni transfruntiera, li jkun hemm standards komuni għall-proċedura li jitrattaw tfal fejn il-ġenituri jkunu f'pajjiżi differenti u finalment qed jistieden lill-Istati Membri wkoll sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-għajnuna legali għall-medjazzjoni f'każijiet ta' tilwim tal-familja li jkun transfruntier u fejn il-ġenituri ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji. 

Il-Covid-19 kkawżat aktar sfidi, speċjalment f'kawżi li fihom involuti tfal

Ir-riżoluzzjoni, approvata aktar kmieni din il-ġimgħa, tfakkar li l-pandemija tal-Covid-19 kkawżat aktar sfidi f'termini ta' aċċess għall-ġustizzja, matul il-pandemiji - speċjalment f'każi fejn ikunu involuti t-tfal u qed jappella sabiex il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta malajr kemm jista' jkun linji gwida komuni - bl-aħjar prattiki biex b'hekk ikun żgurat li s-smigħ tat-tfal isir minn Imħallef jew espert imħarreġ, li ma jkun hemm ebda pressjoni - inkluż mill-ġenituri u f'ambjent adattat għat-tfal skont l-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tagħhom. 

Dwar il-Covid-19 ukoll il-Parlament Ewropew qal li hemm bżonn jkun esplorat aħjar l-użu tal-għodod onljan, inkluż vidjokonferenzi, fil-medjazzjoni f'każ ta' tilwim f'każi ta' ġenituri li qegħdin 'il bogħod minn xulxin jew inkella tilwim affetwat minn ċirkostanzi bħall-pandemija.  
U finalment il-Parlament ifakkar illi t-tfal għandhom id-dritt li jipparteċipaw, li jinstemgħu u li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod konformi mal-età, il-maturità u l-ħiliet lingwistiċi tagħhom, fi kwalunkwe proċediment li jikkonċerna lilhom u l-arranġamenti futuri għall-ħajja tagħhom.

Għalhekk jesiġi li l-fehmiet tat-tfal għandhom jingħataw l-importanza dovuta, irrispettivament minn jekk il-proċedimenti jsirux minn Qorti jew minn kwalunkwe awtorità oħra. 

Tfakkar illi din ir-riżoluzzjoni qed issir fid-dawl tal-fatt li fid-djar fejn ikun jeżisti kunflitt fil-familja ħafna drabi t-tfal ikunu vittmi ta' vjolenza u xhieda ta' trattament ħażin minħabba vjolenza fiżika, verbali, psikoloġika, sesswali u f'xi każi anke ekonomika (meta parti żżomm il-kontroll tal-finanzi kollha f'idejha). 

"Vjolenza ta' dan it-tip għandha konsegwenzi serji ħafna għall-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali tat-tfal. Huwa għalhekk essenzjali li tingħata attenzjoni xierqa lil tali vjolenza meta s-smigħ tat-tfal isir fi proċedimenti tad-dritt tal-familja sabiex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu l-kunsiderazzjoni primarja."

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ittemm tfakkar li t-tfal għandhom kull dritt ikunu jafu u jkollhom kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari u jekk dan il-kuntatt ma jkunx jista' jsir jkollhom kuntatt mal-membri tal-familja tal-istess ġenituri tagħhom. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024