Nivvotaw għall-Maltin u għall-Ewropej: Ħarsa lejn l-Ewropa bħala Kostitwenza waħda fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
Fl-2024 inti jaf ikollok il-possibbilità li tivvota mhux biss għal kandidati Maltin imma anke barranin biex jirrapreżentawk fil-Parlament Ewropew. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa estensiva lejn din il-possibilità...
minn Albert Gauci Cunningham
Issa l-elezzjoni għaddiet u l-poplu ħa nifs il-ġewwa wara kampanja li l-aptit għaliha kien wieħed imqanżah, anke jekk finalment 85% (l-inqas fl-istorja politika ta' Malta indipendenti) xorta ħarġu jivvotaw, bil-mod il-mod il-partiti jibdew iħarsu lejn elezzjoni oħra li għadha 'l bogħod - vera - imma li xorta tkun test partikolari. Qed nirreferu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li issa ssir sentejn oħra għall-ħabta ta' Mejju/Ġunju 2024.
F'dan l-artiklu l-gazzetta ILLUM se tevalwa rapport tal-Parlament Ewropew li qed jagħti ħarsa estensiva lejn il-proposta ta' listi transnazzjonali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewoprew. X'ifisser dan? Ifisser li fl-2024 jaf tivvota mhux biss lill-kandidati Maltin, Laburisti, Nazzjonalisti, ADPD jew oħrajn - imma wkoll tivvota lil kandidati ewropej fuq polza tal-vot separata.
Il-Parlament Ewropew qiegħed iħares lejn diversi modi kif sistema bħal din tista' taħdem, sistema illi permezz tagħha l-ewropej jivvutaw fuq bażi ewropea, apparti fuq bażi nazzjonali.
Imma għaliex?
L-istudju 'Transnational Electoral Lists- Ways to Europeanise Elections to the European Parliament' li sar mis-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew jgħid li hemm tliet raġunijiet prinċipali għaliex qed tiġi kkunsidrata sistema bħal din.
L-ewwelnett in-nuqqas ta' għarfien dwar il-ħidma u d-differenza li tassew jagħmel il-Parlament Ewropew f'ħajjet in-nies f'diversi oqsma. It-tieni raġuni hija l-fatt li ma hemmx uniformità fil-mod kif din l-elezzjoni ssir, min jispiċċa fuq il-polza tal-vot jew kif jiġu eletti l-MEPs minn pajjiż għall-ieħor. U finalment ukoll minħabba li l-Ewropej iħossu li kwistjonijiet nazzjonali huma ta' rilevanza ħafna ikbar għalihom u allura jew ma jivvotawx, jew inkella meta jivvotaw jagħmlu dan b'intenzjonijiet u raġunijiet li jappartjenu esklussivament kwistjonijiet nazzjonali.
Dawn it-tliet raġunijiet - inkluż l-aħħar - huma evidenti f'pajjiżna wkoll, fejn din l-elezzjoni minkejja li hija dwar il-Parlament Ewropew ħafna drabi titqies bħala test f'nofs leġiżlatura ta' Gvern, bl-aħħar elezzjoni lokalment tara lil Joseph Muscat u lil Adrian Delia jisirqu ħafna mill-attenzjoni u jiffukaw kważi b'mod esklussiv fuq kwistjonijiet nazzjonali.
Ursula Von Der Leyen - President tal-Kummissjoni Ewropea - kienet esprimiet ix-xewqa li ssir ħidma mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sabiex ikun hemm titjib fil-proċess tal-iSpitzenkandidaten u anke li tkun indirizzata l-possibilità ta' elezzjoni transnazzjonali.
L-iSpitzenkandidaten huwa dak il-Kandidat li eventwalment imexxi l-Kummissjoni Ewropea li hija istituzzjoni ewropea b'saħħitha għaliex permezz tagħha - u f'xi każi flimkien mal-Parlament Ewropew - tista' tmexxi 'il quddiem leġiżlazzjoni u bidliet li mbagħad imorru quddiem il-Kunsill Ewropew - u allura l-mexxejja Ewropej.
Fl-2019 l-iSptizenkandidaten kienet Ursula Von Der Leyen, li kienet ġejja mill-partit tas-CDU fil-Ġermanja u li huwa membru ewlieni tal-Partit Popolari Ewropew.
Għaliex favur u għaliex kontra?
L-istudju jagħti ħarsa lejn diversi raġunijiet favur u anke kontra polza tal-vot komuni għall-ewropej.
L-ewwelnett dawk favur jisħqu li listi bħal dawn jagħtu aktar valur lid-dimensjoni ewropea ta' tali elezzjoni filwaqt li tgħin ukoll sabiex jitnaqqas id-distakk u d-differenza bejn il-fatt li l-votanti huma mitlubin jivvotaw fuq materji ewropej u minn naħa l-oħra li jispiċċaw jivvotaw fuq kwistjonijiet nazzjonali li ħafna drabi ma jkollhom assolutament xejn x'jaqsmu ma' materji ewropej jew il-ħidma tal-Parlament Ewropew.
Sistema transnazzjonali hija meqjusa wkoll bħala waħda li ssaħħaħ lill-partiti politiċi ewropej għax tipprovdihom bl-inċentivi meħtieġa sabiex isibu kandidati u jilħqu aktar votanti madwar l-UE. Dan apparti li sistema bħal din hija meqjusa pożittiva minn ħafna għaliex ittejjeb l-influwenza tal-votant li jispiċċa illi jivvota, mhux biss lill-Membri Parlamentari Ewropej fuq il-polza nazzjonali iżda dik ewropea wkoll. Sistema bħal din tagħti wkoll għażla aktar wiesa lill-votanti minn fejn jagħżlu, inkluż ta' partiti li forsi ma jkunux preżenti fil-polza tal-vot nazzjonali imma jkunu fuq dik ewropea.
Dan jiftaħ il-possibbilità per eżempju - jekk inħarsu lejn Malta - li persuna tivvota lill-kandidat favorit tal-Partit Laburista imma mbagħad tivvota lill-Partit tax-Xellug (The Left) - li f'Malta la jeżisti u lanqas għandu rappreżentanti f'pajjiżna. Jew inkella xi ħadd ivvota PN pero' imbagħad fuq il-polza ewropea jixtieq jivvota lill-Konservattivi (ECR) għax dan il-partit li ma għandux kandidati f'Malta jirrapreżenta aktar il-valuri tiegħu.
Iżda minn naħa l-oħra, dawk kontra sistema simili jinsistu li minkejja kull xewqa l-kontra, probabbilment hemm aktar ċans li l-vot jitqies bħala wieħed fuq bażi nazzjonali aktar milli ewropew meta tinqasam fit-tnejn is-sistema. Dan għaliex il-votant jara l-polza tal-vot li hija komuni għall-UE bħala vot "għall-UE" imma l-polza l-oħra bil-kandidati nazzjonali bħala vot "nazzjonali". B'hekk l-għażla lill-kandidati nazzjonali tibqa' waħda li tiddependi ħafna mir-realtajiet politiċi nazzjonali u mhux dawk ewropej.
Argument ieħor li jsir kontra sistema bħal din hija li l-Membri Parlamentari Ewropej eletti mill-polza komuni ewropea ma jkollhomx kostitwenza partikolari u lanqas rabta ma' territorju partikolari b'interessi partikolari u allura dan iwassal biex tikber u mhux tonqos id-dikotomija bejn l-elettorat ewropew u l-MEPs li qed jirrapreżentawh, li fil-fatt diġà qegħda hemm u li diġà hija akbar minn dik fuq bażi nazzjonali, speċjalment meta wieħed jikkunsidra pajjiżi bħal Malta - fejn l-elettorat huwa ħafna eqreb u familjari mal-politiku li jeleġġi.
Apparti minn hekk dawk kontra din is-sistema jinsistu li tagħti vantaġġ ħafna akbar lill-kandidati minn pajjiżi kbar, li allura jispiċċaw iġibu ħafna iktar voti minn dawk minn pajjiżi bħal Malta, Ċipru, l-Irlanda jew il-Lussemburgu.
X'qalu l-esperti?
Saru b'kollox tliet rapporti partikolari fuq din il-materja, rapporti li ħafna drabi fuqhom ikun ibbażat l-argument dwar għandhiex tiddaħħal sistema simili.
L-ewwelnett hemm ir-Rapport Anastassopoulos, minn Georgios Anastassopoulos (EPP) li kien ippropona illi 10% tal-MEPs fil-Parlament Ewropew ikunu ġejjin minn kostitwenza komuni Ewropea. Iżda dan ir-rapport ma tantx jidħol f'wisq aktar dettall.
Ir-rapport l-ieħor huwa ta' Andrew Duff - li fil-fatt ippubblika tliet rapporti dwar din il-materja. Skont l-ewwel rapport huwa qed jipproponi li minn 751 membru tal-Parlament Ewropew, 25 ikunu eletti b'dan il-mod. Dan ir-rapport jisħaq li l-listi li jissottomettu l-partiti jridu jkunu rappreżentattivi ta' "mill-inqas terz" tal-Istati Membri, filwaqt li jridu adegwatament jkunu rappreżentattivi skont il-ġeneru. Fl-aħħar rapport tiegħu mbagħad huwa ppropona li jitilgħu għal 70 dawk l-MEPs li jiġu eletti minn kostitwenza ewropea u madwar 630 mill-kostitwenza nazzjonali.
U finalment u b'differenza ir-Rapport Hubner-Leinen Report qed jipproponi li minflok din is-sistema kollha, il-kandidat ta' kull partit politiku ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni jkun magħruf sa mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex b'hekk il-vot tal-poplu jintrabat ukoll mal-għażla tal-kandidat li jmexxi l-kummissjoni jekk dak il-partit jikseb il-maġġoranza fil-Parlament Ewropew (tradizzjonalment huma l-EPP u l-S&D).
Interessanti illi l-eks Prim Ministru Irlandiż John Burton ippropona li l-MEPs ikunu eletti permezz tas-Single Transferable Vote, li hija fil-fatt is-sistema ta' preferenza numerika li permezz tagħha kemm l-Irlandiżi u anke l-Maltin jagħmlu l-għażliet elettorali tagħhom.
U l-Kummissjoni Ewropea x'taħseb?
Il-Kummissjoni Ewropea b'mod mill-aktar ċar qed tiffavorixxi sistema elettorali uniformi għall-elezzjonijiet ewropej illi permezz tagħha kandidati jkunu magħżulin minn listi "ewropej" u b'hekk il-votant ikollu żewġ poloz: Waħda bil-kostitwenza nazzjonali u l-oħra bil-kostitwenza ewropea.
Iċ-Ċentru tal-Istrateġija Politika Ewropea kien issuġġerixxa illi s-46 siġġu tar-Renju Unit jinqasmu f'elezzjoni b'kostitwenza ewropea. Issuġerew li mill-inqas terz tal-Istati Membri jkunu rappreżentati fuq il-polza, li s-siġġijiet jitqassmu bi proporzjonalità - bi Threshold ta' 3% u li s-sistema/proċedura elettorali tkun uniformi madwar l-Ewropa kollha.
Sakemm kien ippubblikat l-istudju (Frar 2021), il-Parlament Ewropew kien iddiskuta biss sistema ta' kostitwenza waħda, li iżda taf toħloq problema ta' kemm votant se jkollu kandidati fuq il-polza tal-vot tiegħu.
L-għażliet ta' kif tkun il-polza tal-vot li dan l-istudju jidħol fihom ivarjaw ukoll. Minn sistema 'Magħluqa' illi fiha inti tagħżel bejn partit u ieħor, is-Single Non Transferable Vote - jiġifieri li inti tagħżel kandidat jew inkella s-sistema Maltija illi fiha inti tinnumera lill-għażliet tiegħek, skont il-preferenza.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.