F'eku tal-appell ta' Metsola: Il-Parlament Ewropew jitlob għal embargo fuq żejt, faħam u fjuwil mir-Russja

Huma jisħqu li għandu jkun hemm strateġija biex jitnaqqsu s-sanzjonijiet f’każ li r-Russja tieħu passi lejn ir-restawr tal-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali tal-Ukrajna

Il-Parlament Ewropew jesiġi embargo
Il-Parlament Ewropew jesiġi embargo

Il-Parlament Ewropew esprima l-għadab għall-atroċitajiet imwettqa mill-forzi armati Russi fl-Ukrajna u f’riżoluzzjoni adottata b'513-il vot favur, 22 kontra u 19-il astensjoni talab għal miżuri punittivi addizzjonali, inkluż “embargo sħiħ u immedjat fuq l-importazzjonijiet Russi ta’ żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass."

Dan fil-fatt huwa eku ta' dak li qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta kienet qed tindirizza r-Rada (Parlament Ukren), fejn sostniet li l-Ewropa għandha tieqaf tixtri gass mir-Russja. 

Intant il-Parlament illum qal li dan l-embargo għandu jkun akkumpanjat minn pjan biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, kif ukoll strateġija biex “jitnaqqsu s-sanzjonijiet f’każ li r-Russja tieħu passi lejn ir-restawr tal-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u tneħħi kompletament it-truppi tagħha mit-territorju tal-Ukrajna”.

L-esklużjoni tar-Russja mill-G20 u minn organizzazzjonijiet multilaterali oħra

Is-sanzjonijiet eżistenti issa jridu jiġu implimentati bis-sħiħ u b’mod effettiv madwar l-UE u mill-alleati internazzjonali tal-UE bħala kwistjoni ta’ prijorità, jinsistu l-MEPs. Huma jappellaw lill-mexxejja tal-UE biex jeskludu lir-Russja mill-G20 u mill-organizzazzjonijiet multilaterali l-oħra, bħall-UNHRC, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UNESCO u oħrajn, “li jkun sinjal importanti li l-komunità internazzjonali mhux ser tibda topera bħas-soltu mal-istat aggressur”.

Biex is-sanzjonijiet isiru aktar effettivi, il-Parlament jitlob li l-banek Russi jiġu esklużi mis-sistema SWIFT, biex il-bastimenti kollha konnessi mar-Russja jiġu pprojbiti milli jidħlu fl-ilmijiet territorjali tal-UE u milli jittrakkaw f’portijiet tal-UE u biex it-trasport tal-merkanzija bit-triq mir-Russja u lejn il-Belarussja jiġi pprojbit. Il-MPE jitolbu wkoll is-sekwestrar tal-“assi kollha li jappartjenu lill-uffiċjali Russi jew l-oligarki assoċjati mar-reġim ta’ Putin, il-prokuraturi tagħhom u dawk li jaġixxu f'isimhom, kif ukoll dawk fil-Belarussja marbuta mar-reġim ta' Lukashenka”.

Filwaqt li tindika l-involviment tal-Belorussja fil-gwerra fl-Ukrajna, ir-riżoluzzjoni titlob li s-sanzjonijiet fuq il-Belorussja jirriflettu dawk introdotti kontra r-Russja sabiex jingħalqu kwalunkwe lakuni li jippermettu lil Putin juża l-għajnuna ta’ Lukashenka biex jevita s-sanzjonijiet.

Il-kunsinni tal-armi għandhom ikomplu u jiżdiedu

Il-MEPs jirreferu għall-atroċitajiet xokkanti, “li bla dubju jammontaw għal delitti tal-gwerra”, imwettqa mit-truppi Russi fl-Ukrajna u b’mod partikolari f’Bucha, li qerdu kompletament jew kważi kompletament Mariupol, Volnovakha u bliet u rħula oħra. Huma jenfasizzaw li l-awturi ta’ delitti tal-gwerra għandhom jinżammu responsabbli u jappellaw biex jitwaqqaf tribunal speċjali tal-Ġnus Magħquda għad-delitti fl-Ukrajna.

Il-Parlament itenni li l-kunsinni tal-armi għandhom ikomplu u jiġu intensifikati biex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv. L-MEPs jappoġġaw aktar għajnuna difensiva mogħtija lill-forzi armati Ukreni individwalment mill-Istati Membri tal-UE u kollettivament permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Filwaqt li jinnotaw li kważi 6.5 miljun ċittadin Ukren ġew spustjati internament u aktar minn erba'miljuni ħarbu mill-pajjiż minħabba l-gwerra, apellaw għal kurituri umanitarji sikuri biex jevakwaw iċ-ċivili li qed jaħarbu mill-bumbardamenti u biex in-netwerks ta’ għajnuna umanitarja tal-UE fl-Ukrajna jingħataw spinta.

Huma jikkundannaw ir-rettorika Russa li tgħid li r-reġim jista’ jirrikorri għall-użu ta’ armi ta’ qerda massiva u jenfasizzaw li kwalunkwe tali użu ser jintlaqa’ bl-aktar konsegwenzi severi.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024