Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea jfaħħar ix-xogħol tal-MEP Cyrus Engerer dwar l-emmissjonijiet u l-klima

L-ewwel liġi mill-Pakkett Fit for 55 ta’ Cyrus Engerer tgħaddi b’vot ta’ 79% favur

Cyrus Engerer
Cyrus Engerer

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans inkarigat mill-Klima faħħar ix-xogħol u l-liġi miktuba u nnegozzjata mill-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engererdwar l-emmissjonijiet, magħrufa bħala l-Market Stability Reserve.

Il-liġi ta’ Cyrus Engerer li għaddiet b’vot qawwi ta’ 79% fil-Parlament Ewropea hi mmirata biex l-Unjoni Ewropea tlaħħaq mal-ambizzjonijiet ambjentali tagħha, filwaqt li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura f’din it-transizzjoni ambjentali li għandha tkun ukoll waħda ġusta.

“Sodisfatt bil-vot b’saħħtu mill-Membri Parlamentari Ewropej mill-ħames partiti prinċipali fil-Parlament u kuntent li rnexxieli nġib miegħi daqstant Membri biex niżguraw li nilħqu l-miri ambjentali u klimatiċi tagħna li huma ambizzjużi.  Dan hu dak li jridu ċ-ċittadini Ewropej, speċjalment ż-żgħażagħ u dak hu li għandha bżonn id-dinja”, saħaq Engerer fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dan il-vot mastiċċ.

Dan ir-rapport kien l-ewwel wieħed li tressaq għall-vot tal-Membri, minn sensiela ta’ rapporti li jagħmlu parti mill-pakkett ‘Fit for 55’ - sensiela ta’ liġijiet li l-għan tagħhom hu li jitnaqqsu l-livelli tal-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea b’55 fil-mija, sas-sena 2030. Ir-rapport tratta l-estensjoni ta’ strument imsejjaħ il-’Market Stability Reserve’, li jassigura flessibilta’ fil-liġi tal-emissjonijiet fi sfond t’ avvenimenti straordinarji, bħalma huma l-pandemija Covid-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-militar Russa.

‘F’dan iż-żmien bla preċedent għall-Ewropa u għad-dinja, xogħolna hu li niżguraw stabbilta’ għall-familji u negozji Ewropej, biex b’hekk nissalvagwardjaw l-interessi ta’dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna,’ qal Engerer hu u jippreżenta l-ħidma tiegħu fuq dan ir-rapport lill-Ewroparlamentari preżenti.

‘L-istabbilta’ hija r-raġuni għala nħoloq dan l-istrument, li xogħlu hu li jassigura li bħala Unjoni Ewropea nkomplu għaddejjin fil-mixja lejn il-miri klimatiċi u ambjentali tagħna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, filwaqt li nassiguraw li s-sistema tagħna tkun b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ kontra xokkijiet globali li jistgħu jolqtuna,’ kompla Engerer.

Huwa saħaq li b’dan ir-rapport, il-Parlament Ewropew qiegħed jibgħat messaġġ ċar - li filwaqt li l-Ewropa għandha tkun ambizzjuża fil-miri ambjentali u klimatiċi tagħha, din it-tranżizzjoni għandha tkun waħda ġusta, li tassigura li ma tiżvantaġġjax lil dawk l-aktar batuti.

‘Iċ-ċittadini Ewropej iridu l-istabbilta’’, temm jgħid Engerer, ‘u hekk jistħoqqilhom, u hekk ser niggarantixxu.’

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024