L-istat tad-dritt u l-kondizzjonalità: Il-Kummissjoni għandha tibda l-proċedimenti immedjatament

F’riżoluzzjoni adottata il-Membri Parlamentari Ewropej laqgħu s-sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ċaħdet l-azzjonijiet mill-Ungerija u l-Polonja kontra r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità mal-Istat tad-Dritt

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni urġenti u tapplika minnufih il-Mekkaniżmu ta’ Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt billi tinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati bil-miktub.

F’riżoluzzjoni adottata il-Membri Parlamentari Ewropej laqgħu s-sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ċaħdet l-azzjonijiet mill-Ungerija u l-Polonja kontra r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità mal-Istat tad-Dritt, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Qorti li r-regolament huwa konformi mad-dritt tal-UE u s-setgħat tiegħu fir-rigward tal-istat tad-dritt.

Il-Parlament jenfasizza li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni twettaq id-dmirijiet tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati tal-UE u tirreaġixxi għall-ksur li għaddej tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f’xi Stati Membri tal-UE, li huma ta’ periklu għall-interess finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.
In-nuqqas ta’ azzjoni lejn strutturi oligarkiċi jdgħajjef l-Unjoni Ewropea kollha, jgħid it-test, u jinsisti li l-flus ta’ min iħallas it-taxxa jeħtieġ li jiġu protetti kontra dawk li jdgħajfu l-valuri tal-UE.

Il-Membri tal-PE jikkunsidraw it-tweġiba tal-Kummissjoni għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2022 bħala “inadegwati” u jenfasizzaw li l-Kummissjoni għandha d-dmir li timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE “irrispettivament mill-iskedi elettorali fl-Istati Membri”.
Ir-riżoluzzjoni tinnota li, f’Ottubru 2021, il-Parlament nieda azzjoni kontra l-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tagħha li tapplika r-regolament u għat-tentattiv tagħha li “tilgħab għall-ħin”. Il-MEPs jenfasizzaw li l-Mekkaniżmu għall-Kundizzjonalità mal-Istat tad-Dritt għandu jiġi applikat kemm għall-baġit tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-fondi tal-pakkett NextGenerationEU.

Ir-regolament dwar il-kundizzjonalità baġitarja daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021, iżda l-Kummissjoni s’issa naqset milli tapplikah. Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Polonja u l-Ungerija kkontestaw ir-regolament fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il- Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-16 ta’ Frar, fejn ċaħdet iż-żewġ appelli.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024