Aġġornata | 'Dan huwa l-mument li nagħmlu dak kollu li hemm bżonn... il-mument tal-verità'

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ssostni li l-Ewropa ma għandhiex taċċetta flus mill-oligarkija Russa u lanqas tagħti 'lill-ħbieb ta' Putin' passaporti Ewropej

Illum fi Plenarja Speċjali tal-Parlament Ewropew tkellem il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy - li qal illi fl-aħħar jiem ma setgħax jgħid 'il-jum it-tajjeb' jew 'wara nofsinhar it-tajjeb' għax qal li għal ħafna nies Ukreni l-ġurnata mhix tajba, għax jaf tkun l-aħħar waħda tagħhom. 

"Qed nitkellem dwar ċittadini Ukreni, nies li qed jiddefendu u jħallsu l-ogħla prezz - b'ħajjithom - sabiex jiddefendu l-libertà," sostna Zelenskyy. Huwa qal li dan il-prezz li qed jitħallas huwa l-ogħla wieħed u jfakkar illi eluf ta' nies qed jinqatlu f'din l-invażjoni Russa. "Illum qed nagħtu ħajjitna għall-valuri, għal-libertà, sabiex inkunu ugwali bħalkom," qal il-President Ukren lill-Plenarja tal-Parlament Ewropew. 

Huwa iżda kien ottimist li finalment l-Ukraina se toħroġ rebbieħa, anke jekk ifakkar fit-traġedja dalgħodu fi Kharkiv - it-tieni l-akbar Belt Ukrena, li kienet fil-mira ta’ attakk bil-missili u li matulu ġie milqut bini prinċipali tal-Gvern li jinsab fil-pjazza ewlenija.

Huwa jgħid li f'din il-belt l-Ukreni jgħixu mar-Russi f'armonija, li hija belt ukoll b'madwar 10 universitajiet bi Pjazza li jisimha - Pjazza tal-Ħelsien - li fiha llum intefgħu żewġ missili. 

"Dan huwa l-prezz li qed inħallsu u għalhekk mil-lum 'il quddiem kull pjazza se tissemma' Pjazza Ħelsien. Ħadd mhu ser ikissirna, aħna b'saħħitna. Aħna Ukreni." 

Huwa kkritika l-attakk Russu fuq il-pajjiż li sostna illi qed iwassal biex saħansitra jinqatlu tfal u staqsa x'operazzjoni militari hija din, li saħansitra qed tħalli l-innoċenti bla ħajja. 

"Aħna qed ngħixu għas-sopravivenza. Qed niġġieldu biex inkunu membri ugwali tal-Ewropa. L-UE tkun iktar b'saħħitha, aħna urejna is-saħħa tagħna issa intom ippruvaw li tinsabu magħna," qal Zelenskyy. 

Huwa temm jgħid li l-ħajja se tirbaħ fuq id-dlam, għaċ-ċapċip u standing ovation minn dawk kollha preżenti fil-Parlament Ewropew. 

Intant fil-bidu tas-sessjoni l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sostniet li llum il-Parlament jinsab taħt id-dell ta' Putin u l-gwerra li la bdiet u lanqas ipprovokat l-Ewropa. Hija qalet illi l-invażjoni ta' stat indipendenti hija tassew skandaluża u kien hawn li għamlet kundanna bla riservi kontra dan l-attakk.

"Nikkundanna din l-aggressjoni bl-aktar mod iebes u nesprimi s-solidarjetà ma' dawk kollha li qed ibatu u dawk kollha li nqatlu fl-Ukrajna," qalet Metsola għal ċapċip kontinwu u standing ovation mill-ġdid. 

Metsola qalet illi l-messaġġ tal-UE huwa ċar u żgur li mhux se tħares n-naħa l-oħra. Anzi se tappoġġja kull investigazzjoni ta' reati ta' gwerra "u se nżommu lil Putin kontabbli, kif se nżommu lil Lukashenko responsabbli."

Hija laqgħet b'mod speċjali - u mill-ġdid għaċ-ċapċip - lil dawk iċ-ċittadini Ukreni li kienu preżenti fil-Parlament u fakkret illi l-poplu Ukren qed ifarkkarna fil-kruha tal-kompjaċenza. "Kuljum diversi ċittadini qed iqumu kontra suldati Russi bl-ebda armi f'idejhom,  nisa qed iwelldu fil-metro ħdejn il-kalashnikovs."

Hija qalet li l-Ukreni qed ifakkru lill-Ewropa li għandna niġġieldu għall-ħajja, għall-ġenerazzjoni tal-lum u dawk kollha li jemmnu fl-Ewropa u fil-libertà. 

"Dan huwa l-mument li nagħmlu dak kollu li hemm bżonn. Il-whatever it takes moment, tal-Unjoni Ewropea," qalet Roberta Metsola.

'L-oligarkija Russa ma għadhiex milqugħa fl-Ewropa... u għandna nieqfu inbigħu passaporti lil ħbieb ta' Putin'

"Bħala Ewropej qed nagħtu protezzjoni lill-Ukreni fi djarhom. Aħna ddikjarajna li l-oligarkija Russa ma għadhiex milqugħa fl-Ewropa. Ir-Russja hemm bżonn li tinqata' b'mod assolut u l-għodda propogandistiċi Russi jkunu pprojbiti fl-UE. Il-komunità sportiva ħadet pożizzjoni iebsa u l-Ewropa lesta li tkompli għaddejja," qalet Metsola. 

Kien f'dan il-mument li ħabbret illi l-Parlament Ewropew qed jilqa' l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex issir membru tal-UE. 

Hija ħabbret erba' punti ta' prinċipju li dwarhom il-Parlament Ewropew se jitratta lill-Gvern ta' Vladimir Putin:

 1 - L-Ewropa ma tistax tibqa' taċċetta iktar flus kontanti mill-Kremlin u l-oligarkija ma tistax titħalla tonfoq flusha fl-Ewropa. 
2 - Is-Superyachts tal-oligarkija ma jistgħux jitħallew jidħlu fil-portijet u pajjiżi Ewropej għandhom jieqfu jbigħu l-passaporti lill-"ħbieb ta' Putin"
3 - Metsola qalet li hemm bżonn illi ikun hemm Unjoni ta' Sigurtà u Difiża
4 - L-UE għandha tiġġieled il-kampanja ta' miżinformazzjoni ta' Putin

"Aħna qegħdin mal-Ukrajna," temmet tgħid il-President tal-Parlament Ewropew Robert Metsola.

'Ma jistax ikun hemm Ewropa magħquda mingħajr Ukrajna'

Intant Ruslan Stefanchuk - iċ-Chairperson tal-Parlament Ukren (Rada) - qal lill-Parlament illi tmien snin ilu l-poplu Ukren kien diġà qal le għall-aggressjoni Russa u fakkar kif bliet sħaħ bħalissa jinsabu taħt attakk kontinwu. 

"Tkunux silenzjużi, imma uru li l-Ewropa hija magħquda daqs qatt qabel. L-akbar appoġġ lill-Ukrajna, huwa r-rikonoxximent tal-aspirazzjoni ewropea Ukrena u s-sħubija tal-pajjiż mal-UE," sostna Stefanchuk, li fakkar illi l-poplu Ukren ilu jixtieq ikun membru tal-UE.

Huwa qal li ma jistax ikun hemm Ewropa magħquda mingħajr Ukrajna. 

'Dan mhu xejn jekk mhux terroriżmu ġeo-politiku' - Charles Michel

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel intant saħaq illi l-kliem ta' Zelenskyy juru kemm hi serja s-sitwazzjoni fl-Ukrajna. 

"Putin beda aggressjoni mhux ġustifikata bbażata fuq il-gideb u din għamilha biss għax l-Ukrajna għamlet l-għażla tal-libertà u s-saltna tad-dritt. Dan mhu xejn jekk mhux terroriżmu ġeo-politiku u allura rridu nkomplu nagħtu l-appoġġ." 

Kien f'dan il-mument li Michel appella lil Putin: 'Ieqfu mill-gwerra, morru d-dar, ejja ħalli nitkellmu."

Michel fakkar li l-Unjoni Ewopea qed tkompli tagħmel pressjoni kbira fuq il-mexxejja Russi. "Wegħdna pressjoni u konsegwenzi u hekk għamilna. Wegħdna s-sanzjonijiet u hekk għamilna, billi imponejna sanzjonjiet fuq politiċi, oligarki u se nkompli nieħdu miżuri biex nirrestrinġu lir-Russja, inkluż lilll-banek Russi li ġew immwaqqfin milli jużaw is-sistema SWIFT." 

Huwa qal ukoll li l-Ewropa trid tkun onesta u tifhem li dawn is-sanzjonijiet se jfissru illi anke aħna bħala ewropej hemm prezz xi nħallsu. Huwa jisħaq illi dan huwa prezz iżda li se jkollu jitħallas biex l-UE tipproteġi l-valuri tagħha.

Huwa sostna li l-President Russu ħaseb li se jsib Ewropa inċerta u ħaseb li se jieħu l-Ukrajna b'faċilità. "Ħaseb li se jagħti daqqa fatali kontra l-libertà u s-saltna tad-dritt, imma ma rnexxilux. Irridu nqumu u nieħdu pożizzjoni kontra l-aggressur," temm jgħid il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. 

'Dan huwa l-mument tal-verità għall-Ewropa' - Ursula Von Der Leyen

Intant il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen sostniet illi l-gwerra reġgħet irritornat fl-Ewropa u eluf kbar jinsabu fil-fruntieri Ewropej. 

Hija qalet illi l-Kummissjoni ma tista' qatt taċċetta dak li jrid Putin u sostniet li dan huwa l-mument tal-verità għall-Ewropa. Hija kkwotat gazzetta Ukrena li qalet illi dik ta' bħalissa hija ġlieda bejn żewġ valuri. "Iva, din hija ġlieda bejn d-demokrazija u l-awtokrazija... kif nirrispondu llum huwa l-mod kif se jkun determinat il-futur."

Filwaqt li rringrazzja lill-popli tal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ungerija talli qed jaċċettaw immigranti Ukreni, fakkret illi l-UE qed tipproponi mekkaniżmu temporanju ta' protezzjoni għall-Ukreni li qed jidħlu fl-UE biex b'hekk dawn ikunu jistgħu jkollhom l-edukazzjoni u kura medika, fost oħrajn. 

'Kunu ċerti li se niffriżaw l-assi kollha tal-ħbieb ta' Putin' 

Hija qalet illi l-UE kellha tieħu azzjoni u timponi sanzjonijiet u tfakkar li fost dawn hemm il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijet mill-Bank Ċentrali Russu, li tfakkar ukoll illi hija azzjoni li tagħlaq il-vit fuq il-finanzjament tal-gwerra ta' Putin. "L-Ewropa jeħtieġ twaqqaf l-iffinanzjar tal-gwerra, waqqafna titjiriet milli jsiru fuq l-Ewropa u kunu ċerti li se niffriżaw l-assi kollha tal-ħbieb ta' Putin. Se nwaqqfu l-magni propogandistiċi tiegħu, biex ma jkunx jista' jibqa' jipprova jifridna permezz tal-gideb," qalet Von Der Leyen lill-Parlament Ewropew. Fakkret li aktar u aktar pajjiżi qed jieħdu passi kontra il-Gvern ta' Vladimir Putin, fosthom il-Ġappun, l-Awstralja u anke l-Korea ta' Isfel. 

Von Der Leyen ammettiet li wara sentejn ta' pandemija l-attenzjoni kollha kellha tkun fuq l-irkupru ewropew. "Imma rridu nifhmu wkoll li aħna rridu nqumu kontra l-aggressjoni, għax il-libertà ma għandhiex prezz. Dak huwa l-prinċipju tagħna."

Hija qalet illi l-Unjoni Ewropea ma tistax tiddependi minn fornitur wieħed tal-gass, fornitur li tisħaq illi juża l-istess gass biex jhedded lill-Ewropa. Għalhekk semmiet kif pajjiżi oħrajn issa qed jżidu l-fornitura tal-gass lejn l-Ewropa, fosthom in-Norveġja. 

Von Der Leyen - riesqa lejn it-tmiem tal-intervent tagħha - fakkret illi l-Unjoni Ewropea se tinvesti €500 miljun biex tgħin lill-Ukrajna toħroġ minn  din il-kriżi. 

"Aktar u aktar Russi qed jipprotestaw u jimxu għall-paċi u l-libertà u x'għamel il-Gvern Russu? Arrestahom! Hemm Russja oħra, Russja differenti minn dik ta' Putin kollha armi, u lil din ir-Russja aħna nofffrulha l-appoġġ," temmet tgħid il-President tal-Kunsill Ewropew Ursula Von Der Leyen. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024