Ir-Rapport tal-Fond Soċjali għall-Klima tal-MEP David Casa formalment tnieda fil-Parlament

"Il-Fond huwa miżura soċjali ewlenija li se tipproteġi l-familji u n-negozji hekk kif l-UE qed titbiegħed mill-fjuwil fossili li jniġġsu," spjega Casa

Ir-rapport dwar il-Fond Soċjali għall-Klima ġie intavolat fil-Parlament Ewropew, hekk kif ġie rreġistrat progress fuq l-inizjattiva l-ġdida ta’ €72.2 biljun. “Ninsab kburi bil-progress li għamilna fuq dan il-Fond,” qal David Casa. "Jiena formalment ippreżentajt ir-rapport fil-Kumitat konġunt EMPL-ENVI.”

David Casa tkellem dwar l-abbozz tar-rapport dwar ir-Regolament tal-Fond Soċjali għall-Klima, li ġie propost mill-Kummissjoni fis-sajf li għadda. Hu kkonkluda l-abbozz aktar kmieni din is-sena.

“Minn meta nħtart rapporteur f'Novembru li għadda, ħdimt mal-ewroparlamentari Esther de Lange biex inwassal proposta mtejba. Nittamaw li niksbu investimenti fl-effiċjenza enerġetika kemm jista' jkun malajr, u żidna l-garanziji f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima u l-istat tad-dritt.

"Aħna nemmnu li dan huwa rifless fir-rapport li ħejjejna."

David Casa spjega li r-rapport tħejja flimkien mal-MEP Olandiża Esther de Lange, fil-kapaċità tagħhom bħala membri rispettivi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).

Iż-żewġ kumitati issa huma responsabbli biex jirċievu emendi mix-shadow rapporteurs, kumitati oħra, u l-Membri Parlamentari kollha interessati. Huwa mistenni li jitressaq fil-plenarja aktar tard din is-sena.

"Il-Fond huwa miżura soċjali ewlenija li se tipproteġi l-familji u n-negozji hekk kif l-UE qed titbiegħed mill-fjuwil fossili li jniġġsu," spjega Casa. "Jeħtieġ li dan ir-rapport jiġi kkunsiderat flimkien ma' liġijiet oħra fil-pakkett Fit for 55."

Il-pakkett Fit for 55 huwa t-tweġiba tal-Unjoni Ewropea biex tkompli ssaħħaħ l-wegħdiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan huwa t-tir ewlieni tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-fjuwils fossili mis-suq intern. Il-pjanijiet attwali jistabbilixxu mira biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju b'55% sal-2030.

Il-Fond Soċjali għall-Klima huwa parti mill-pakkett biex jipproteġi lill-konsumaturi miż-żidiet fil-prezzijiet li jistgħu jkunu riżultata tat-tibdil fil-klima u biex jixpruna l-investiment fl-effiċjenza enerġetika relatata mal-bini u t-trasport tat-triq.

“Il-miżuri kontra l-emissjonijiet li hemm fil-pakkett Fit for 55 huma l-akbar intervent politiku fuq is-suq intern fl-istorja tal-UE. Iżda dan l-intervent huwa meħtieġ, jekk irridu li jkollna ċans raġonevoli biex niffaċċjaw l-akbar theddida globali li qed niffaċċjawna llum.

“Il-Fond Soċjali għall-Klima se jkun biċċa għodda vitali biex niżguraw li t-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ekoloġika tkun waħda soċjali wkoll. Ħadd ma għandu jitħalla lura fit-tranżizzjoni ħadra.

"Dan huwa riskju li jista’ jhedded li jdgħajjef l-isforzi tagħna stess fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima."

Casa rringrazzja lill-ko-rapporteur tiegħu Esther de Lange u lix-shadow rapporteurs li qegħdin jaħdmu fuq il-fajl tal-Fond Soċjali għall-Klima.

Casa nnota wkoll il-parteċipazzjoni eċċellenti tal-partijiet interessati minn gruppi internazzjonali tas-soċjetà ċivili, li apprezzaw l-importanza tal-Fond u kkontribwew għall-miżuri robusti soċjali u klimatiċi fir-rapport.

"Aħna lkoll lesti sa snienna biex nipproteġu bl-aħjar mod lill-familji u n-negozji Ewropej f’din it-tranżizzjoni klimatika biex tkun bla xkiel u ġusta."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024