Bidliet fil-kurrikulu biex jitneħħew sterjotipi razzjali fost proposti tal-PE kontra r-razziżmu

Il-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew qed jipproponi miżuri sabiex ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni onlajn fil-kultura, l-edukazzjoni, il-midja u l-isport jiġu miġġielda

Il-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew qed jipproponi miżuri sabiex ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni onlajn fil-kultura, l-edukazzjoni, il-midja u l-isport jiġu miġġielda

Fl-edukazzjoni l-Parlament Ewropew qed jisħaq illi l-kurrikulu għandu jkun rivedut sabiex jingħata kuntest għall-istorja Ewropea sabiex jiġu eradikati l-isterjotipi li jwasslu għad-diskriminazzjoni. Ir-riżoluzzjoni - li ġiet approvata b'21 vot favur, tlieta kontra u erba' astensjonijiet - qed tisħaq li komunitajiet razzjali u etniċi għandhom ikunu inklużi fi studji rilevanti, filwaqt li l-awturi, storiċi, artisti u persunaġġi oħrajn minn sfond razzjali u etniku differenti għandhom ikunu inklużi f'materjal edukattiv. Il-Parlament Ewropew jisħaq li s-segregazzjoni għadha teżisti f'xi skejjel tal-UE u li din għandha tiġi eliminata. 

Il-fondi fil-qasam tal-Kultura għandhom jkunu direzzjonati lejn settur kulturali aktar divers, filwaqt li stati membri għandhom jintroduċu tagħlim għal matul il-ħajja għal persuni li jaħdmu maċ-ċivil u membri tas-sigurtà biex jeliminaw atteġjament razzist u xenofobiku.

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jisħqu li l-midja għandha tieqaf tistigmatizza permezz ta' narrattivi li jneżżgħu mill-umanità ta' membri ta' gruppi razzjali u etniċi "u b'mod sproporzjonat jirrappurtaw reati li jseħħu minn immigranti.":

Huma qed jappellaw għal aktar informazzjoni u tagħrif għall-membri tal-midja. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej jridu lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa rakkomandazzjonijiet li jiġġieldu ir-razziżmu fl-isport fuq bażi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. 

L-MEP Salima Yenbou mill-Partit tal-Ħodor   - u r-rapportuer ta' dan ir-rapport - qalet illi b'dan il-pass il-Parlament qed jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara u b'saħħitha lill-Kummissjoni u stati membri billi qed titlobhom jindirizzaw il-kwistjoni tar-razziżmu b'mod olistiku u intersezzjonali. "L-imġieba tagħna hija ffurmata mill-edukazzjoni li nieħdu, il-kultura tagħna u l-informazzjoni li nikkonsmaw u anke mill-valuri li jagħtina l-isport... għalhekk irridu nużaw il-poter ta' dawn biex inxerrdu l-valuri ewropej tat-tolleranza, ugwaljanza u solidarjetà," temmet tgħid Yenbou.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024