It-tibdil fil-klima u l-paga minima fost l-prijoritajiet tal-MEPs Franċiżi għall-Presidenza tal-Kunsill

Franza assumiet il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-1 ta' Jannar

Franza assumiet il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Jannar
Franza assumiet il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Jannar

Franza - wieħed mill-pajjiżi fundaturi tal-Unjoni Ewropea, assumiet l-irwol tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-ewwel ta' Jannar, bil-pajjiż jgħid illi se jaħdem għal Ewropa aktar b'saħħitha u sovrana, filwaqt li jikkonvinċi aktar Ewropej li l-aħjar rispons għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa huwa dak li jkun komuni. 

It-tranżizzjoni Ħadra, il-pjattaformi diġitali u l-kontabilità tagħhom u Ewropa soċjali huma fost il-prijoritajiet prinċipali tal-Presidenza Franċiża.

Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekonomika il-Presidenza Franċiża qed timmira li l-Ewropa tilħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050, filwaqt li terz tal-Baġit Ewropew se jkun qed imur għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. F'dak li jirrigwarda kwistjonijiet diġitali l-Presidenza Franċiża trid riforma fil-Liġi tal-Copyright u t-tneħħija ta' kontenut terrorista online, filwaqt li jkunu regolati l-pjattaformi diġitali. 

Il-Presidenza qed tipproponi tkabbir ġdid u investiment għall-Unjoni Ewropea u ż-żona ewro, valuri Ewropej, bi protezzjoni lid-demokraziji u l-espansjoni tal-programm Erasmus. Qed tipproponi wkoll riċerka konġunta biex ikun miġġieled ċerta mard bħall-Alzheimer's. 

Is-sit tal-Parlament Ewropew tkellem ma' diversi MEPs Franċiżi li taw l-ideat tagħhom dwar il-Presidenza b'Francois-Xavier Ballamy mill-Partit Popolari Ewropew jgħid illi l-Presidenza ma għandhiex tkun eżerċizzju ta' komunikazzjoni "imma r-realizzazzjoni ta' bejn żewġ u tliet prijoritajiet, bil-għan li jintlaħqu miri u għanjiet partikolari, fosthom it-tnaqqis tal-vulnerabbilitajiet Ewropej." Huwa qal li l-Presidenza għandha tiffoka l-aktar fuq il-fornitura tal-enerġija u l-politika tal-migrazzjoni, fost oħrajn. 

Il-Presidenza Franċiża għandha tkun imbuttata mill-ġustizzja soċjali u dik klimatika," sostniet l-MEP Sylvie Guillaume mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Speċifikament, hija qed tistenna li Franza tmexxi 'il quddiem 55 azzjoni relatata mal-azzjoni fuq il-klima fil-Kunsill u li jintlaħaq qbil dwar id-Direttiva Ewropa tal-Paga Minima. Dwar il-Konferenza li qed titratta l-Futur tal-Ewropa hija esprimiet ix-xewqa tagħha li l-konklużjonijiet ta' din il-konferenza jkollhom sustanza. 

Marie Pierre Verdenne mill-Partit Renew qalet illi waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-Presidenza għandha tkun li jkun assigurat irkupru ekonomiku responsabbli, innovattiv u ġust filwaqt li qed issostni wkoll li din il-Presidenza għandha tkun opportunità biex issir ħidma għal Ewropa magħquda. 

David Cormand u Michèlè Rivasi mill-Partit tal-Ħodor qalu illi l-Presidenza Franċiża għandha tpoġġi lill-Unjoni Ewropea lura fit-triq tas-saltna tad-dritt sabiex b'hekk id-drittijiet fundamentali ta' kulħadd ikunu protetti. Semmew ukoll il-kriżi tal-klima u l-protezzjoni tal-ambjent, bħala prijoritajiet oħrajn għall-Presidenza. 

Jordan Bardella mill-ID qed jappella għal riforma tas-sistema Shengen, billi l-moviment Ewropew ikun ristrett għal Ewropej biss. Isemmi l-attakki terroristi minn Iżlamiċi u jgħid li dawn tħallew jidħlu fl-UE u jaqsmu l-fruntieri Ewropej qisu xejn mhu xejn. Finalment Manon Aubry mix-Xellug ukoll qalet li l-klima u l-inugwaljanzi għandhom ikunu ż-żewġ prijoritajiet l-aktar importanti għal Presidenza Franċiża. 

Il-President Franċiż Emmanuel Macron sostna illi l-UE qatt ma tirnexxi daqs meta tiddefendi l-valuri u l-interessi tagħha, bil-pandemija tal-Covid-19 tkun prova ta' dan. "F'din il-kriżi l-Ewropa kienet kapaċi tlaħħaq mal-pandemija u l-ebda żona politika oħra ma hija mlaqqma daqs l-UE. Dan filwaqt li l-ebda żona politika oħra ma pproteġiet liċ-ċittadini mill-falliment u l-qgħad daqs l-UE."

Huwa temm jgħid li l-Presidenza Franċiża se tħares 'il quddiem għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-valuri Ewropej.

Il-Preidenza Franċiża iddum sitt xhur u tagħlaq fit-30 ta' Ġunju.

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024