'Il-bidla fl-attitudni tal-S&D lejn id-delegazzjoni Laburista kienet kbira u radikali fl-aħħar sena u nofs'

Il-Viċi President tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) u l-MEP Laburista Malti Alex Agius Saliba jimplika li r-relazzjoni bejn l-S&D u d-delegazzjoni Laburista ma kinitx daqstant tajba sa sena u nofs ilu, iżda jgħid ukoll li bil-ħidma u l-konvinzjoni rebħu lura r-rispett...

Alex Agius Saliba
Alex Agius Saliba

"Jiena u l-kollegi tiegħi dejjem irrispondejna għall-attakki b'aktar xogħol. Forsi madwar sena u nofs ilu, l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) kellha ċerta attitudni lejna, iżda llum il-bidla hija waħda radikali u llum ksibna r-rispett tal-S&D għax ma tkabbarniex u fejn kien hemm bżonn immexxu riformi, u fejn bħala pajjiż kien hemm bżonn inbiddlu bdejna inbiddlu." 

Hekk sostna f'intervista mal-gazzetta ILLUM l-MEP Laburista u Viċi President tal-S&D Alex Agius Saliba, meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar kif ir-responsabilitajiet li ngħata hu u anke l-kollegi Laburisti fi Brussell, jikkuntrastaw ma' appelli minn nies fil-Partit Popolari Ewropew biex l-S&D jidiżassoċja lilu nnifsu mill-Partit Laburista Malti. Dawn l-appelli - li ma ntlaqgħux - saru fid-dawl tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Xahar ilu Agius Saliba nħatar Viċi President tas-Soċjalisti Ewropej filwaqt li kemm Cyrus Engerer u anke Josianne Cutajar ingħataw diversi responsabiltajiet minn dan il-grupp politiku, b'Engerer saħansitra jirrapreżenta lill-S&D fis-Summit dwar il-Bidla fil-Klima fi Glasgow. 
Mal-ILLUM Agius Saliba jgħid li l-MEPs Maltin u Laburisti rrispondew billi ħadmu aktar u kkonvinċew aktar nies, permezz ta' laqgħat u permezz ukoll tal-ewwel laqgħa tal-S&D barra minn Brussel u f'Malta. 

Agius Saliba temm jiddeskrivi l-vot li wassal biex sar Viċi President tal-S&D bħala "vot ta' fiduċja fija, f'pajjiżna u fid-delegazzjoni Laburista." 
Il-gazzetta ILLUM staqsiet għaliex dan il-partit għandu disa' Viċi Presidenti u mhux wieħed bir-risposta tkun li kull Viċi President għandu rwol partikolari, bl-irwoli tiegħu jidhru li se jkunu dak tas-Suq Intern, drittijiet tal-Konsumaturi, il-Qasam Diġitali u d-Drittijiet u l-qasam soċjali. Huwa fakkar li f'dan l-irwol huwa jrid jara l-koordinament tal-voti u l-pożizzjonijiet uffiċjali li jkun se jieħu l-S&D u kif dan se jkun rifless f'papers u pożizzjonijiet li jittieħdu. 

'Il-prioritajiet tal-S&D jiċċentraw aktar mal-ugwaljanza, ġustizzja soċjali...'

Imma l-prinċipji tal-S&D kif inhuma differenti minn dawk tal-Partit Popolari Ewropew? 

Agius Saliba jgħid li l-qasmiet politiċi fil-Parlament Ewropew huma kbar ħafna, hekk kif barra l-S&D u l-EPP għandek partiti diversi, inkluż dawk fuq ix-xellug u fuq il-lemin estrem.

Huwa qal illi li l-prioritajiet tas-Soċjalisti jiċċentraw aktar madwar l-ugwaljanza - li fuqha huma voċiferi, bħal ma huma ix-Xellug u anke l-Ħodor. Prioritajiet oħrajn huma l-ġustizzja soċjali u l-qasam tax-xogħol, "fejn jekk nieħdu l-pandemija bħala eżempju, apparti li ngħafsu fuq is-saħħa tan-nies qed nisħqu wkoll u ngħafsu fuq aktar investiment "biex ħadd ma jaqa' lura." 

"Is-Soċjalisti qed jappellaw favur aktar investiment u aktar ħolqien tax-xogħol kif ukoll li bħala Ewropa ma mmorrux għall-awsterità, riċetta li ħalliet diżastru ekonomiku u soċjali kbir," sostna l-Viċi President tal-S&D. 

Huwa jgħid li kuntrarjament għal Malta d-differenzi fil-Parlament Ewropew huma ħafna iktar fuq livell tekniku u jagħti eżempju ta' kif - skont hu  - fuq il-Kumitat tas-Suq Intern il-Popolari huma ħafna iktar insistenti fuq il-prioritajiet tal-kumpaniji, negozji żgħar u medji u min iħaddem, waqt li s-Soċjalisti jgħafsu ħafna aktar fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-libertajiet. 

Għadda ż-żmien li togħqod tippakkja ħafna chargers qabel issiefer - Charger wieħed għall-elettroniċi kollha!

L-Intervista ddur allura fuq il-ħidma ta' Agius Saliba dwar charger komuni. Imma din xi kisba kbira? U din x'differenza se tagħmel lin-nies? 
Huwa qal li din fil-fatt hija waħda mill-prioritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għaż-żmien li ġej. 

"Hija superfiċjali? Ma naħsibx għax hija waħda mill-aktar miżuri li se timpatta lill-konsumatur," jgħid Agius Saliba. Huwa jispjega kif permezz ta' din il-proposta se jinħoloq charger wieħed għat-tagħmir kollu bħal smartphones, gaming consoles, speakers, headphones, ċertu laptops u anke affarijiet u tagħmir elettroniku li jintuża fid-djar. 

Huwa qal li permezz ta' din il-bidla lill-konsumatur mhux "se nibqgħu nbellgħulu chargers għalxejn, liema chargers qed jiġġeneraw tunnellati kbar ta' skart, b'madwar wieħed minn kull 10 charger li qed jinxtara lanqas biss qed jintuża." 

Huwa qal li dan huwa riżultat ta' diversi kumpaniji li jkunu jridu jżommu d-drittijiet kummerċjali tagħhom u allura jibqgħu jitfgħu chargers ġodda fis-suq. 

"Mela se niffrankaw il-flus, se niffrankaw tunnellati ta' skart elettroniku u se tingħata l-informazzjoni kollha lill-konsumatur," kompla jispjega l-MEP mal-gazzetta ILLUM.

Finalment jgħid li l-proposta qed tieħu nota ta' teknoloġiji ġodda li jistgħu jidħlu fis-suq inkluż, teknoloġija ta' chargers bla wire. Fil-fatt fl-2025 - skont din il-proposta jeħtieġ ikun hemm standard komuni ta' wireless charging ukoll. 

"Ilum ħafna jsiefru u meta nkunu se nsiefru naraw li nieħdu ċ-chargers kollha differenti, ta' kull oġġett u jekk ninsew wieħed ikollna l-problemi. Issa minflok, se jkollok charger wieħed għall-oġġetti elettroniċi kollha tiegħek," temm jispjega l-MEP Malti.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej