Intervista | 'Ċertifikat tal-Covid jfisser vaċċin jew test negattiv - din hija l-pozizzjoni li l-MEPs se jibqgħu jimbuttaw'

Il-Covid-19 u l-ambjent - kwistjonijiet li jinsabu fuq moħħ mhux biss ħafna Maltin imma ħafna Ewropej ukoll. Il-gazzetta ILLUM titkellem dwar dawn it-temi u oħrajn mal-MEP Cyrus Engerer...

Cyrus Engerer - huwa l-aktar assoċjat mal-libertajiet ċivili u liġijiet li ddaħħlu f'Malta u li jirrigwardaw persuni LGBTIQ. Iżda fl-aħħar xhur, bħala MEP, ippożizzjona ħafna lilu nnifsu bħala l-aktar MEP Malti voċiferu fuq kwistjonijiet ambjentali, minkejja li baqa' voċiferu wkoll fuq materji li jitrattaw nisa u d-drittijiet tagħhom. Mal-ILLUM Engerer iwieġeb diversi mistoqsijiet għalkemm nitrattaw l-aktar, iż-żewġ kwistjonijiet li jinsabu fuq moħħ miljuni ta' Ewropej, inkluż eluf ta' Maltin: Il-Covid-19 u l-Bidla fil-klima.  

Nibdew billi nistaqsu lill-MEP Malti dwar l-aktar suġġett li dwaru qed jitkellmu l-Maltin u anke l-Ewropej, il-Covid-19. Imma l-Parlament Ewropew x'differenza reali għamel fuq il-Covid-19? Ħafna jħossu li fl-Ewropa kulħadd għal rasu mar, allura fejn hu s-suċċess?  

'Kieku Malta ma talbitx lill-UE biex tixtri l-vaċċin hi, la kien ikollna biżżejjed biex inlaqqmu lill-poplu...' 

Engerer jibda billi jfakkar li huwa daħal fil-Parlament f'nofs pandemija u iktar tard inħatar Membru tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa Pubblika. Ifakkar li sa ftit żmien ilu l-UE ftit li xejn kienet tagħmel fuq kwistjonijiet ta' saħħa għax din kienet - kif fil-fatt għadha sal-lum - kompetenza nazzjonali. Dan sakemm kien hemm talbiet biex fil-fatt tidħol fil-kwistjoni tal-vaċċin.  

"Grazzi wkoll għal Malta li baqgħet tinsisti mal-Unjoni Ewropea li tkun hi li tixtri l-vaċċin, inkella pajjiżi żgħar bħal Malta konna ninqabżu mill-kumpaniji tal-farmaċewtika - li l-ewwel interess tagħhom huwa l-profitt u mhux is-saħħa ta' popolazzjoni żgħira (u allura suq żgħir) bħal Malta," saħaq Engerer. Huwa sostna illi "kieku Malta ma talbitx lill-UE biex tixtri l-vaċċin hi, la kien ikollna biżżejjed biex inlaqqmu lill-poplu aħseb u ara biex nagħtu t-tilqima bħala donazzjoni.' 

Huwa fakkar li l-UE tat miljuni u biljuni ta' ewro lill-kumpaniji tal-farmaċewtika biex seta' jsir dak kollu meħtieġ u f'temp ta' ftit xhur inħoloq vaċċin li jiġġieled lil dan il-virus. Apparti minn hekk, il-Parlament Ewropew qatta' "sigħat twal" jiddiskuti l-proċess ta' verifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tal-Mediċini (EMA).  

"Issa bdejna bil-boosters. Naturalment, diffikultajet kellna imma nemmen li l-UE għamlet biċċa xogħol tajba fil-qasam tal-Covid-19."  

Engerer jgħid illi l-pass li jmiss issa hija unjoni tas-saħħa, li jisħaq illi tkun waħda li tħalli s-saħħa f'idejn il-Gvernijiet nazzjonali filwaqt li taqsam iżda parti mill-poteri mal-UE wkoll.  

"U nemmen li fuq dan il-punt l-ewwel li rridu nimxu huwa fuq il-mediċini, sabiex nassiguraw li dawn ikunu dejjem aċċessibbli u affordabbli madwar l-UE. Għamel tajjeb ħafna l-Prim Ministru Robert Abela intervjena biex ikollna prezzijiet orħos tal-mediċini, imma għandhom ikunu l-Prim Ministri tal-pajjiżi li joqgħodu jittallbu għand kumpaniji tal-farmaċewtika?"  

Engerer għalhekk ippropona sistema trasparenti, serja u kontabbli li twassal il-mediċini għand kulħadd, bi prezz affordabbli fuq bażi ewropea. 

'Jiena noqgħod dejjem fuq ix-xjenza u fuq il-fatti' 

Il-kritiċi tal-miżuri jgħidu iżda li mhux ġust li ċerti gvernijiet qed jirrestrinġu d-dħul ta' persuni li mhumiex imlaqqmin f'ristoranti, barijiet, teatri u aktar. Il-gazzetta tfakkru li l-moviment ħieles huwa prinċipju ewlieni tal-UE u tistaqsih kemm fil-fatt dawn il-miżuri qed ikunu sfidati. Issir il-kritika wkoll li l-proċess għal vaċċin ġdid kien wisq mgħaġġel biex ikun sigur. X'jikkummenta? 

"Ħa nibdew minn hawn. Jiena noqgħod fuq ix-xjenza u x-xjenza turina r-realtà u matul is-snin saru avvanzi teknoloġiċi kbar, li permezz tagħhom ikollok riżultati aktar malajr," jibda jgħid Engerer. Hu jfakkar ukoll li qatt ma kien hemm daqstant sforz internazzjonali u l-pajjiżi tal-UE qatt ma investew daqstant biljuni biex jinħoloq vaċċin bħal dan.  

Huwa kompla jgħid iżda li apparti dan hemm il-fatti kif spjegati fin-numri. "Hekk kif 95% tal-poplu huwa vvaċċinat qed naraw li minkejja li hemm eluf ta' każi attivi, il-każi fl-Isptar - ras għal ras-  xorta baqgħu ħafna inqas illum, minn meta kellna ħafna inqas każi attivi. Dan juri li l-vaċċin allura ħadem. U iva għandu data ta' skadenza bħal kwalunkwe ħaġa oħra, inkluż t-titqiba tal-influwenza li nieħdu kull sena."  

Imma dwar il-mistoqsija Engerer jaqbel li l-prinċipju tal-moviment ħieles jibqa' wieħed fundamentali għall-UE. "Ir-realtà hi li bħalissa għaddejjin minn emerġenza dinjija, xi ħaġa li qatt ma rajna qabel u allura tifhem li jiddaħħlu miżuri li jipproteġu l-ħajja tan-nies. U nfakkar li l-Parlament Ewropew ma jistax jieħu pożizzjonijiet dwar il-miżuri għax dan mhux kompitù tiegħu."  

Engerer jagħmel tfakkira importanti iżda dwar deċiżjoni li ħadet l-UE u li qabel magħha l-Parlament Ewropew fis-Sajf tal-2020: "Għall-UE test negattiv ma jfissirx biss il-vaċċin, imma wkoll test PCR li jgħodd tliet ijiem jew Rapid Test li jiswa' għal 24 siegħa." 

'Ejja niftakru li t-tibdil fil-klima hija xi ħaġa li qed naraw l-effetti tagħha llum...' 

Id-diskussjoni ddur fuq il-COP 26 hekk kif Engerer kien ir-rappreżentant tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) f'dan is-summit li jsir kull sena u li jiddiskuti l-Bidla fil-Klima. Imma dan is-Summit, li din id-darba sar fi Glasgow, x'differenza reali għamel? Ħareġ xi ħaġa aktar minn kliem biss?  

Filwaqt li fakkar li dan huwa l-aktar Summit annwali importanti fuq din il-materja, Engerer ammetta illi l-popli, speċjalment iż-żgħażagħ, kemm Maltin kif ukoll Ewropej, stennew ħafna iktar minn dan is-summit.  

"Ejja niftakru li t-tibdil fil-klima hija xi ħaġa li qed naraw l-effetti tagħha llum u diġà qed taffetwa ħafna nies," jisħaq Engerer li jgħid mal-gazzetta illi f'diskussjonijiet li kellu ma' Ministru mill-Bangladexx, per eżempju, dan spjegalu kif ħafna diġà kellhom jitilqu minn djarhom minħabba l-għargħar. Jispjega kif in-nies fil-Maldivi jafu li ftit snin oħrajn lanqas jibqgħu jeżistu dawn il-gżejjer għax se jispiċċaw taħt il-baħar.  

"U fid-dawl ta' dan irridu nifhmu li l-bidla fil-klima hija xi ħaġa tal-lum u għalhekk huwa importanti li ngħinu lil dawk li llum stess qed ibatu mill-effetti tal-bidla tal-klima. Aħna wkoll, jekk naraw x'ġara s-sajf li għadda meta ma kellniex bram! Dan kulħadd jieħu gost li jmur jgħum u ma jkunx hemm bram imma l-fatt li ma kienx hemm, meta t-temperaturi kienu għolew juri illi hemm l-inkwiet fil-biodiversità tal-ibħra tagħna."  

Engerer fakkar illi l-Mediterran qed jisħon b'rata ħafna aktar mgħaġġla minn ta' ibħra oħrajn u allura dawn il-bidliet jikkonċernawna mill-qrib ħafna.  

"Din is-sena il-COP 26 se jkun qed isir fl-Eġittu u allura proprju fil-Mediterran, li hija xi ħaġa pożittiva," sostna l-MEP Malti li qal ukoll li l-Ewropa jeħtieġ tibqa' l-aktar blokk ambizzjuż fuq din il-kwistjoni.  

'Ma tagħmilx sens li min ħoloq il-problema issa jimponi fuq min għadu qed jistejqer ekonomikament... ' 

Minkejja dan, il-gazzetta ILLUM tfakkru li l-Ewropa mhijiex l-akbar problema u l-akbar kontributur tat-tniġġiż u ħmieġ fl-arja. Tfakkru li ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja huma kontributuri kbar, bi bliet kbar fl-Indja per eżempju (Delhi u anke Mumbai) jkunu kważi permanentement mgħaddsa fi sħaba ta' tniġġiż. Allura l-Parlament Ewropew x'qed jagħmel biex dawn il-pajjiżi jġorru r-responsabilità tagħhom?  

Engerer xorta iżda jdawwar l-argument u jpoġġi t-tort fuq il-kontinent Ewropew u pajjiżi żviluppati bħall-Istati Uniti. Huwa jisħaq li fil-fatt dan huwa punt importanti ħafna li proprju dwaru ma ntlaħaqx qbil f'dan is-summit.  

"Għal żmien twil pajjiżi bħall-Ġermanja, Franza, l-Italja u oħrajn bnew l-ekonomija fuq il-faħam u kien dan li wassal għas-sitwazzjoni tal-lum," sostna Engerer. Huwa qal li allura ma tagħmilx sens li min ħoloq il-problema issa jimponi fuq min għadu qed jistejqer ekonomikament u għalhekk "hemm bżonn li pajjiżi żviluppati jgħinu lil dawk li ma humiex."  

Imma kif? Hu jwieġeb li hemm bżonn finanzjament biex isiru ċerti bidliet.  

Dwar iċ-Ċina iżda juri xettiċiżmu u jgħid li dan il-pajjiż ukoll bena ekonomija bil-faħam, bl-effetti kollha li dan iġib u llum "qed tilgħabha li għadha ekonomija emerġenti. Pero' iva, għall-Indja u pajjiżi fl-Ażja, l-Afrika u anke fl-Amerika ta' Isfel hemm bżonn għajnuna u finanzi," sostna Cyrus Engerer.  

Huwa kompla jispjega li hemm żewġ tipi ta' finanzjament: Finanzi biex pajjiż jaddatta għall-bidla fil-klima u finanzi sabiex tkun irranġata ħsara li diġà saret f'pajjiżi u gżejjer differenti.  

"Aħna wara kollox dinja waħda, bl-istess ambjent u l-istess arja u allura bħala ċittadini rridu naraw li kull azzjoni tagħna tagħmel differenza."  

'Id-deċiżjonijiet li nieħdu favur l-ambjent qed neħduhom favur tagħna stess' 

Kien hawn li Engerer ħeġġeġ sabiex kulħadd jirrealizza li l-biċċa żgħira tiegħu tista' tagħmel differenza kbira. Jgħid illi waqt is-summit intqal li l-miri jistgħu jintlaħqu jekk kulħadd fid-dinja jitfi' l-laptop għal madwar siegħa u nofs kuljum. "Issa jiena nifhem," beda jispjega, "li dan mhux kulħadd jista' jagħmlu. Imma nistgħu  - per eżempju - nitfu affarijiet fid-dar li ma għandniex bżonn inħallu mixgħulin." 

Engerer staqsa jekk għandniex naċċettaw li nixtru xarbiet f'kontenituri tal-plastik u qal li hu ħa deċiżjoni li ma jagħmilx dan.  

Il-gazzetta tirrimarka li 'on the ground' ftit huma dawk li ma jaċċettawx flixkun ilma jew luminata għax ikun f'kontenitur tal-plastik, b'Engerer isostni iżda li jara d-differenza fiż-żgħażagħ.  

"Nara li fost iż-żgħażagħ hemm differenza, hemm kuxjenza akbar u nemmen ukoll li rridu nibdew minna nfusna," sostna l-MEP. Huwa qal li hu ma jaċċettax kontenituri tal-plastik u hemm numru ta' stabbilimenti li diġà ma huma jservu xejn fil-plastik. "Ma nistgħux noqgħodu nistennew lil kulħadd jagħmel xi ħaġa biex nibdew nagħmlu l-parti tagħna." 

"Jiena nitqażżeż xi kultant, tmur timxi fil-kampanja u tara l-affarijiet li ntremew kullimkien fil-ftit kampanja li għandna!" 

Huwa qal li l-S&D tadvoka dejjem li s-saħħa hija waħda: Dik tal-bnedmin, tal-ambjent u tal-annimali għax kollha jaffetwaw lil xulxin.  

"Importanti li nieħdu deċiżjonijiet - anke jekk b'mod egoistiku - għax id-deċiżjonijiet li nieħdu favur l-ambjent qed neħduhom favur tagħna stess," kompla jsostni.  

Soluzzjoni minflok il-karozzi? "Il-Metro" 

Finalment, dwar il-Bidla fil-Klima din il-gazzetta tfakkru li l-akbar kontributur għat-tniġġiż huwa minħabba l-karozzi. Il-Parlament Ewropew u anke aħna bħala pajjiż, x'nistgħu nagħmlu biex indawwru l-kultura prevalenti tal-karozza?  

Engerer qal illi waħda mill-aħjar soluzzjonijiet huwa trasport pubbliku effiċjenti, nadif u li jħeġġek tużah. Huwa qal li s-sistema ta' metro hija probabbli "l-uniku fattur li tista' tneħħi l-karozzi mit-toroq." 

Huwa jgħid li hu, fuq bażi personali, fejn jista' juża' mezzi alternattivi ta' trasport: mixi, scooter, tal-linja jew il-ferries - speċjalment meta jkun Tas-Sliema, fejn jgħix, jew il-madwar.  

"Imma finalment trasport pubbliku effiċjenti hemm bżonn. Nemmen li kien hemm titjib, pero' nemmen ukoll - kif ħafna jemmnu - li t-trasport pubbliku għadu ma laħaqx livelli aċċettabbli biżżejjed, sabiex tużah kuljum, għall-qadjiet kollha li jkollok bżonn," sostna Engerer.  

Huwa għalhekk qal li fil-każ ta' Malta l-metro hija s-soluzzjoni sabiex pajjiża jara tnaqqis qawwi fl-emmissjonijiet u jħeġġeġ lill-Gvern biex kemm jista' jkun malajr dan il-proġett jibda x-xogħol fuqu.  

'Fil-Prim Ministru u l-Ministri Maltin sabu Gvern kollaborattiv li ried jimxi 'l quddiem' 

U finalment, ġieli jiġi akkużat li meta aċċetta li jmexxi rapporti - per eżempju - kontra l-Gvern Ungeriż ta' Viktor Orban kien qed joħloq għedewwa ġodda għall-pajjiżna u li kien qed "jindaħal" fuq kif Orban imexxi lil pajjiżu.  

Engerer jibda billi jispjega kif wieħed mill-irwoli tal-Parlament Ewropew huwa dak ta' moniteraġġ dwar drittijiet fundamentali, governanza, saltna tad-dritt u anke drittijiet ċivili.  

"Kont kuntent iżda li l-Parlament Ewropew u l-S&D għażlu propju Malti biex imexxi rapporti dwar l-Ungerija u l-islovenja u biex inkun in-negozjatur tal-S&D fuq dawn il-kwistjonijiet fil-Polonja," qal Engerer.  

Huwa fakkar kif kienet il-President tal-Kummissjoni Ewropea stess li faħħret lil Malta u qalet illi pajjiżna huwa eżempju tajjeb favur ħidma fuq il-governanza. Mal-ILLUM ikompli jgħid li fil-Gvern Malti l-UE sabet Gvern li kien lest jaħdem biex jirranġa fejn kien hemm meħtieġ.  

"Fil-Prim Ministru u l-Ministri Maltin sabu Gvern kollaborattiv li ried jimxi 'l quddiem. Dan ma kienx il-każ għall-Gvern Ungeriż, Sloven jew Pollakk."  

Huwa għalaq iżda din l-intervista billi qal illi hemm differenza ċara bejn l-MEPs Laburisti u dawk Nazzjonalisti, li jfakkar illi filwaqt li dejjem kienu fuq quddiem fi kwistjonijiet li jitrattaw lil Malta, "fuq il-vot dwar l-Islovenja Roberta Metsola ma vvutatx u David Casa astjena."  

"Jiġifieri dak li japplika għal Malta ma japplikax għall-Islovenja għal Metsola u Casa, sempliċiment għax hemm Gvern tal-Partit Popolari Ewropew?"  

Engerer temm l-intervista jakkuża l-MEPs Nazzjonalisti b'ipokrezija.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024