32% tal-każi ta' fastidju fl-UE jseħħu fuq il-post tax-xogħol... u 90% tal-vittmi huma nisa

Hekk kif id-diskussjoni lokalment daret mal-kwistjoni ta' fastidju sesswali fid-dawl tal-omiċidju ta' Paulina Demsbka, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (PE) dwar dan is-suġġett...

Hekk kif din il-ġimgħa f'Malta ġiet diskussa l-kwistjoni tal-fastidju sesswali jirriżulta li fuq bażi Ewropea 90% tal-vittmi huma nisa filwaqt li 10% biss huma irġiel. Skont ir-rapport bl-isem 'Vjolenza kontra n-Nisa' li jirrifletti wkoll sondaġġ li sar madwar l-UE kollha, mara minn kull tlieta esperjenzat xi forma ta' vjolenza fiżika jew sesswali xi darba fil-ħajja adulta tagħha, filwaqt li f'32% tal-każi l-aggressur kien xi ħadd f'kariga superjuri fuq il-post tax-xogħol, kollega jew inkella klijent. 75% tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiċi jew inkella li jinsabu fl-ogħla karigi ta' maniġment kienu ffastidjati sesswalment. Minn naħa l-oħra kienu b'kollox 61% ta' dawk li jaħdmu fis-settur tas-servizzi - li jinkludi ristoranti, barijiet, lukandi u aktar - li fil-fatt qalu illi kienu suġġetti għal fastidju sesswali.  

Intant riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tgħid li anke l-fastidju sesswali virtwali qed isir dejjem iktar komuni bi stima illi 4% sa 7% tan-nisa fl-UE esperjenzaw dan it-tip ta' fastidju fl-aħħar 12-il xahar.  

Imma l-Parlament Ewropew kif jiddeskrivi eżatt x'inhu fastidju sesswali?  

Ifakkar li skont il-Liġi tal-Unjoni Ewropea l-fastidju sesswali huwa inċident illi fih kwalunkwe atteġġjament verbali jew mhux verbali kif ukoll fiżiku li mhuwiex mixtieq iseħħ. Dan meta wkoll din l-imġieba ssir bil-għan li tivvjolenta d-dinjità tal-vittma, billi jinħoloq ambjent ostili, degradanti, umiljanti u offensiv.  

L-UE tfakkar fil-fatt li d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u anke l-fastidju jaffetwa ħafna lin-nisa madwar l-Unjoni Ewropea b'mod sproporzjonat. Tfakkar ukoll illi l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fid-distribuzzjoni mhux ugwali tal-poter bejn nisa u irġiel u sterjotipi tal-ġeneru, li wasslu biex l-irġiel jiddominaw fuq u jiddiskriminaw kontra n-nisa.  

Ir-riżoluzzjoni tfakkar li l-fastidju sesswali huwa ħafna iktar mifrux milli hu mifhum hekk kif ħafna każi jibqħu qatt ma jiġu rrapportati, filwaqt li tfakkar ukoll li l-fastidju fuq il-post tax-xogħol għandu jkun trattat bħala kwistjoni ta' saħħa u sigurtà.  

Fejn jirrigwarda l-Parlament Ewropew ir-riżoluzzjoni tfakkar li f'ħafna każi dan l-iffastidjar isir fuq ħaddiema f'pożizzjonijiet vulnerabbli, bħal persuni li qed jieħdu taħriġ, assistenti u dawk li jaħdmu b'kuntratt.  

Ir-riżoluzzjoni tfakkar li waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta' rappurtaġġ ta' każi ta' fasitdju huwa n-nuqqas ta' għarfien ta' kemm fil-fatt hija gravi il-kwistjoni, nuqqas ta' informazzjoni dwar għajnuna lill-vittmi jew biża' li l-persuna tkun ivvitimizzata aktar għax titkellem.  

Kundanna bla riservi! 

Il-Parlament Ewropew ikkundanna bla riservi l-fastidju sesswali filwaqt li permezz ta' din ir-riżoluzzjoni għamel ukoll diversi proposti għal miżuri preventivi fi ħdanu stess.  

Filwaqt li kkundanna bla riservi, il-Parlament Ewropew saħaq illi kull forma ta' fastidju li jseħħ fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi ksur ta' drittijiet tal-bniedem u "huwa attakk fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tal-persuna għax iġġiegħlhom iħossuhom inqas siguri u jwaqqafhom milli jagħmlu xogħolhom b'mod sew."  

Fejn jirrigwarda l-Parlament innifsu din ir-riżoluzzjoni l-ewwelnett, tgħid illi minkejja titjib u sforzi li saru biex tkun introdotta politika ta' 'żero-fastidju', xorta qed jirriżultaw każi ta' fastidju sesswali fil-Parlament u l-vittmi mhux dejjem jużaw il-mezzi eżistenti ta' għajnuna.  

Għalhekk, qed jisħqu lill-Parlament biex joħloq taħriġ li jkun fil-lingwi uffiċjali kollha ewropej, sabiex tinħoloq lista pubblika ta' dawk kollha li pparteċipaw f'sessjonijiet ta' taħriġ, sabiex dan ikun ta' eżempju tajjeb għall-membri l-oħrajn. U finalment isejjaħ għal miżuri aktar b'saħħithom biex issir prevenzjoni ta' kull forma ta' fastidju sesswali, b'taħriġ fil-bidu ta' kull mandat. Ir-riżoluzzjoni tgħid li jekk hemm bżonn għandhom jittieħdu miżuri fil-konfront ta' dawk li jirrifjutaw ili jieħdu sehem f'dan it-taħriġ.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024