Roberta Metsola ... Fl-2013 ġiet eletta bħala MEP, fl-2022 jaf tkun il-President tal-Parlament Ewropew
Disa’ snin wara li ġiet eletta bħala MEP, Roberta Metsola hija l-kandidata tal-EPP għall-President tal-Parlament Ewropew. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Metsola fuq dak li għamlet matul din is-sena u dwar dak li hemm jistenniha fl-2022
minn Albert Gauci Cunningham / Marianna Calleja
Minkejja li kinet eletta għall-ewwel darba fis-sena 2013, Metsola kienet ilha tipprova mill-2004. Propju eżatt wara li Malta ħarġet mir-referendum tal-kampanja tas-sħubija mal-Unjoni Ewropea.
Roberta Metsola tiddeskrivi dawk iż-żminijiet mal-ILLUM bħala żmien mżewwaq bi studju, laqgħat u kuntatt man-nies. “Kienet esperjenza li tgħallimt ħafna minnha, u stabbilixxejt l-ewwel kuntatti man-nies f’dik l-elezzjoni,” tirrakonta Metsola.
Kompliet tgħid li dak iż-żmien hija ġriet kemm felħet, kemm f’Malta u anke Għawdex sabiex tiltaqa’ man-nies li urew eċitament u entużjażmu għall-ewwel elezzjoni.
Mistoqsija mill-gazzetta kif kienu l-ewwel ġimgħat tagħha bħala MEP, hija mal-ewwel tgħid li fil-politika, ħadd ma jagħtik linji gwida, sett ta’ regoli, jew skeda ta’ xi jrid isir minnek. Intant hija daħlet għal dan l-irwol bl-istess mentalità li kienet se tidħol għal kull rwol ieħor. Billi taħseb, tippjana, tiddiskuti u tikkonvinċi.
X’jagħmel MEP fl-ewwel ġimgħat tal-kariga tiegħu?
Tispjega mal-ILLUM li fl-ewwel ġimgħat tagħha hija sabet ruħha f’laqgħat wara laqgħat mal-membri tal-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, il-grupp parlamentari li hi tagħmel parti minnu. Fi ftit ġimgħat kull MEP jrid jagħmel kuntatt mal-Kumitati Parlamentari li se jkun membru tagħhom.
Il-kumitati tal-Parlament Ewropew huma kruċjali għas-sistemi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u għas-setgħat tal-Parlament Ewropew. Fuq kollox huma l-kumitati li jwettqu studju dettaljat tal-liġijiet proposti tal-UE u jfasslu proposti ta’ bidla, li fuqhom il-Membri sussegwentement jiddibattu u jivvutaw.
L-MEP Nazzjonalista tispjega li filwaqt li riedet tagħmel dan kollu, hija kellha wkoll bżonn issib uffiċju, anzi tlieta b’kollox. Wieħed f’Malta, li bħalissa qiegħed fil-Ħamrun, wieħed fi Brussell u ieħor fi Strassburgu.
Tajjeb li sirna nafu bil-kumitati, iżda x’kumitati hi parti minnhom Metsola?
Id-djarju ta’ Metsola hu wieħed mimli ħafna dan għaliex mhux biss hi parti minn tlett kumitati, iżda hija ukoll parti minn żewġ delegazzjonijiet, id-Delegazzjoni tal-Istati Uniti, u d-Delegazzjoni tal-Ġappun. L-MEP hi wkoll l-Viċi President tal-EPP.
Metsola tgħid lill-gazzetta li minħabba li Malta hi Delegazzjoni Parlamentari żgħira, “ma nistgħux ngħidu, naħdmu f’qasam wieħed jew tnejn u daqshekk.” F’dan il-każ, Metsola hi parti mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili (LIBE), Ġustizzja u Affarijiet Interni, mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika (ENVI) u s-Sigurtà fl-Ikel u mill- Kumitat Speċjali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f'Era Diġitali (AIDA).
Fost l-iktar irwoli importanti li kellha Metsola kien hemm il-ħidma tagħha sabiex jinxtara it-tagħmir mediku, il-vaċċin kontra l-Covid, u biex ma jkunx hemm kompetizzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol l-istess vaċċin.
Qasam ieħor li ħadmet fih kien l-ambjent fejn flimkien mal-kollegi tagħha mill-Kumitat ENVI ħadmu kontra s-single use plastic. Fuq dan Metsola qalet lill-gazzetta li “aktar kemm nużaw plastik aktar nagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa.”
Ħadmet ukoll għad-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll tal-ġurnalisti mal-Kumitat LIBE. Ma ninsewx ukoll l-iktar rapport li probabbli qala’ kritika mill-Maltin, dak fil-qasam tal-immigrazzjoni.
“F’dan il-qasam, jien ħdimt biex ikun hemm miżuri effettivi li jiġġieldu t-traffikar ta’ nies vulnerabbli u jiġu mgħejjuna pajjiżi li jaraw influss ta’ immigranti,” sostniet l-MEP.
Metsola kienet voċifera ukoll fejn jidħlu nies self-employed fejn flimkien mal-kollegi tagħha ħadmu għall-aktar investimenti u inizjattivi favur is-self employed. “Fl-aħħar u mhux l-inqas, ħdimt ukoll għall-fondi Ewropej għall-Malta,” tfakkar Metsola.
‘Kont inħoss entużjamu li fid-dinja li qed nirtu, l-unika tweġiba kellha tkun l-Ewropa’
Għaldaqstant ix-xogħol ma jiqafx hemm u milli qalet Metsola lill-ILLUM, is-sena 2022 se tkun mimlija daqs bajda mhux biss fuq livell personali iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea stess.
“Is-sentejn u nofs li ġejjin ser ikunu fost l-iktar deċiżivi għall-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. F’dawn ix-xhur li ġejjin iridu niddeterminaw il-mixja ‘l quddiem li tagħmel l-aħjar differenza fil-ħajja tan-nies.”
Hija tistqarr li fil-laqgħat li qed ikollha qed issib ruħha tistaqsi fost l-oħrajn, x’tip ta’ Ewropa rridu, kif se twieġeb għall-aspirazzjonijiet tan-nies u l-poplu ewropew u fuq kollox kif se tindirizza l-isfidi Ewropej f’dinja globalizzata.
Hija tammetti li quddiem dawn il-mistoqsijiet, tispiċċa tiftakar fi żmien meta hi kienet għadha studenta fl-Università ta’ Malta. Esprimiet li hija kienet involviet ruħha fil-politika bħala żagħżugħa għaliex emmnet fil-proġett tal-Unjoni Ewropea.
“Kont inħoss entużjamu li fid-dinja li qed nirtu, l-unika tweġiba kellha tkun l-Ewropa u l-entużjażmu tiegħi minn dak iż-żmien ma naqasx anzi tkattar,” tenniet b’tbissima Metsola.
Hija qalet li hi għadha temmen li għandna nibqgħu nfittxu dak li jgħaqqadna, mhux fuq livell nazzjonali biss iżda ukoll fuq livell ewropew.
Is-sena 2022, is-sena li taf tagħti lil Metsola u lil Malta, l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew
Biex Metsola tikseb il-maġġoranza jeħtieġ allura li l-EPP jikkonvinċi wkoll mill-inqas żewġ gruppi politiċi oħrajn. Fid-dawl ta’ dan il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Metsola, x’inhi tagħmel sabiex tirbaħ il-fiduċja tal-MEPs.
Fil-pront twieġeb li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja b’laqgħat u diskussjonijiet biex tara x’inhuma l-aspirazzjonijiet ta’ sħabha, l-MEPs madwar il-Kamra kollha. Dan waqt li tipprova twieġeb għal mistoqsijiet li għandhom l-MEPs fuq diversi suġġetti.
Hija tenfasizza li l-viżjoni tagħha kienet u tibqa’ waħda ċara. Spjegat li fl-aħħar disa’ snin bħala MEP hija ħadmet mal-gruppi politiċi kollha biex “ngħelbu d-differenzi u niddeċiedu favur l-interessi taċ-ċittadini tagħna.”
Dan ifisser li l-ewwel prijorità tagħha bħala l-kandidata tal-EPP għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew hija li tkompli tkabbar l-għaqda.
“Irrid inkun President li ngħaqqad, li ma nibżax nieqaf għal dak li hu ħażin, li nirrapreżenta l-Parlament li għandu l-polz taċ-ċittadin,” temmet tgħid Roberta Metsola.
Metsola ġiet magħżula bħala l-kandidata tal-EPP għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru. Dan wara li hija kisbet 64.4% tal-voti - jew 112-il vot - filwaqt li l-kandidati l-oħrajn kisbu: Esther de Lange 44 vot filwaqt li Othmar Karas kiseb 18-il vot. Jekk Metsola tirbaħ din l-elezzjoni f'Jannar li ġej, hija tibqa' President tal-Parlament sal-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew, li ser ikunu qed isiru fl-2024.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.