Il-MEP Malti Alex Agius Saliba se jkun wieħed minn disa’ viċi presidenti eletti tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew wara votazzjoni li saret fi Strasburgu nhar it-Tlieta filgħaxija.
L-MEP Malti ngħata mandat qawwi mill-kollegi tiegħu b’85% tal-voti tal-Membri Parlamentari Ewropej kollha tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Huwa se jokkupa din il-kariga politika għolja bħala wieħed mid-disa’ viċi presidenti, u se jingħaqad mal-MEP Spanjola Iratxe Garcia, li tmexxi l-Grupp fil-Parlament Ewropew u se tmexxi lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss.
Bħala wieħed mid-disa’ viċi presidenti, huwa se jkun parti mill-Bureau li jikkoordina l-attività politika tal-grupp. Il-viċi presidenti individwali huma responsabbli minn portafolli speċifiċi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea u jissorveljaw kwistjonijiet bejn il-kumitati.
F’kumment ftit wara l-elezzjoni Agius Saliba qal li jinsab onorat li wara biss sentejn u nofs bħala Membru tal-Parlament Ewropew "ġejt magħżul mill-kollegi tiegħi għal kariga politika importanti bħal din. Il-laqgħa tal-Grupp f’Malta u li issa ġejt elett bħala wieħed mill-Viċi Presidenti huwa simbolu ta’ appoġġ għall-viżjoni tagħna għal Ewropa progressiva u sostenibbli.”
Agius Saliba qal li wara dawn is-sentejn bla preċedent, il-Parlament Ewropew issa għadu kif daħal fit-tieni nofs tal-mandat tiegħu, li se jkun kruċjali għall-Ewropa. Huwa saħaq li pajjiżi kbar u żgħar, fin-Nofsinhar u fit-Tramuntana tal-Ewropa, jistgħu jaħdmu flimkien għal Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ekoloġika, aktar ġusta, aktar reżiljenti u sostenibbli li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.
L-MEP Laburista esprima l-impenn tiegħu li jaħdem bis-sħiħ lejn prijoritajiet politiċi komuni li jiżguraw li l-Ewropa terġa’ lura fit-triq lejn l-irkupru u li l-viżjoni tal-Ewropa soċjali toħroġ aktar b’saħħitha u f’pożizzjoni aħjar minn din il-kriżi. Huwa nnota li din il-pożizzjoni politika għolja hija wkoll importanti għalih bħala MEP li jifforma parti mill-iżgħar delegazzjoni fil-Parlament, u qal li waqt li ser ikun qed jirrappreżenta lill-Grupp, se jżomm f’qalbu wkoll l-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin li eleġġewh u ser ikompli jippromwovi l-valuri ta’ Malta.
Fil-kummenti konklussivi tiegħu, Alex Agius Saliba qal li l-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi kiseb rebħiet sinifikanti fil-Parlament Ewropew għaliex huwa magħqud b’aġenda progressiva, solidarjetà, sforzi kollettivi, u responsabbiltà konġunta għal futur aħjar tal-Ewropa. Huwa temm jgħid li jħares ‘il quddiem biex isarraf il-fiduċja li ġie fdat biha f’ħafna ħidma għal aktar suċċess tal-Grupp u għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej kollha.