'Ir-Russja u Putin mhumiex l-istess ħaġa' - Navalny, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov

Illum, fil-Parlament Ewropew Daria Navalnaya - bnt Alexei Navalny - tirbaħ il-Premju Sakharov f'isem missierha

Waqt ċerimonja llum it-tifla ta’ Alexei Navalny, Daria Navalnaya, irċeviet il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew f’isem missierha li huwa fil-ħabs.
Alexei Navalny, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’kolonja ta’ xogħol furzat fir-Russja, huwa għal aktar minn għaxar snin figura ewlenija fl-oppożizzjoni tal-pajjiż, magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Kremlin.

Fil-kliem introduttorju tiegħu, il-President tal-Parlament David Sassoli faħħar il-kuraġġ ta’ Navalny u fakkar kif hu kien ġie mhedded, ittorturat, avvelenat, arrestat, mitfuħ fil-ħabs, "iżda ma setgħux iwaqqfuh milli jitkellem."

Sassoli sostna li Navalny kellu l-kuraġġ jikkonfronta reġim awtoritarju u abbużiv u jesponi fid-dawl tax-xemx il-korruzzjoni u persuni korrotti.

"Alexei Navalny darba qal li l-korruzzjoni tiffjorixxi meta jkun hemm nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Nemmen li għandu raġun. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija wkoll ġlieda għar-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem. Hija ċertament ġlieda għad-dinjità tal-bniedem, għall-governanza tajba u għall-istat tad-dritt", qal Sassoli, filwaqt li appella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu.

Hi hu taċċetta l-premju f’isem Navalny, Daria Navalnaya ikkritikat lil dawk li huma ħerqana li jakkomodaw lid-dittaturi fl-interess tal-pragmatiżmu, filwaqt li insistiet li l-Ewropa trid tibqa’ leali lejn l-ideali tagħha: “Meta ktibt lill-missieri u staqsejtu: X’tixtieq li ngħid quddiem il-Parlament Ewropew? qalli: għid li ħadd m’għandu jqis ir-Russja u l-Putin bħala l-istess ħaġa. Ir-Russja hija parti mill-Ewropa, u qed nistinkaw biex insiru parti minnha. Iżda rridu wkoll li l-Ewropa tistinka biex tibqa’ leali għaliha nnifisha, għal dawk l-ideat tal-għaġeb, li huma fil-qalba tagħha. Aħna nistinkaw għal Ewropa ta’ ideat, iċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-integrità.”
Preżenti wkoll fiċ-ċerimonja fi Strasburgu kien Leonid Volkov, wieħed mill-konsulenti politiċi ta' Navalny li serva bħala kap tal-persunal matul il-kampanja elettorali presidenzjali ta’ Navalny fl-2018.

In-nisa Afgani li qed jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa f’pajjiżhom, u l-politiku Bolivjan Jeanine Áñez kienu l-finalisti l-oħra għall-Premju Sakharov tal-Parlament fl-2021.

Min hu Alexei Navalny?

Alexei Navalny huwa r-rebbieħ tal-Premju Sakharov ta’ din is-sena, wara deċiżjoni mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u l-mexxejja tal-gruppi politiċi fl-20 ta’ Ottubru 2021. Huwa kiseb prominenza internazzjonali għall-organizzazzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-President Putin u l-Gvern tiegħu, kien kandidat fl-elezzjoni Presidenzjali, u appoġġa riformi kontra l-korruzzjoni.

F’Awwissu 2020, Navalny ġie avvelenat u qatta’ xhur sħaħ jirkupra f’Berlin. Huwa ġie arrestat mar-ritorn tiegħu f’Moska f’Jannar 2021 u issa jinsab f’kolonja penali ta’ sigurtà għolja, fejn għandu aktar minn sentejn xi jservi. Navalny beda strajk tal-ġuħ fl-aħħar ta’ Marzu 2021 biex jipprotesta kontra n-nuqqas ta’ aċċess tiegħu għall-kura medika.

F’Ġunju 2021, qorti Russa ikklassifikat l-organizzazzjoni ta’ Alexei Navalny, il- Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni, u l-uffiċċji reġjonali tiegħu bħala “gruppi estremisti”.

F’ riżoluzzjoni adottata f’Jannar 2021, il-MEPs talbu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Alexei Navalny u l-persuni l-oħra kollha detenuti waqt li kienu qed jipprotestaw għall-ħelsien tiegħu, u appellaw lill-pajjiżi tal-UE biex isaħħu b’mod sinifikanti s-sanzjonijiet kontra r-Russja; sejħa li tennew f’April 2021.

Il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Dan twaqqfet fl-1988 biex tonora individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Il-premju huwa msemmi wara l-fiżiku Sovjetiku u d-dissident politiku Andrei Sakharov u jikkonsisti f’ċertifikat u premju ta’ EUR 50,000.

Fl-2020, il-Parlament ta l-premju lill-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024