Il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-Ġlieda Kontra l-Kanċer adotta l-proposti finali sabiex b'hekk l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-irwol tagħha fil-ġlieda kontra l-Kanċer. F'rapport adottat din il-ġimgħa b'29 vot favur, vot kontra u erba' astensjonijiet, il-Membri Parlamentari Ewropej qalu illi l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew kontra l-kanċer huwa "l-ewwel pass għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa."
Fost ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin li tressqu 'l quddiem mill-Kumitat Speċjali Kontra l-Kanċer (BECA) hemm li sa mhux aktar tard mill-2025 l-Istati Membri tal-UE jiggarantixxu d-Dritt li pazjent ikun maqtugħ mis-sistema (Right to be Forgotten) 10 snin wara li jkun ħa trattament u ħames snin wara għal pazjenti li jkunu ħadu trattament qabel l-età ta' 18-il sena.
Id-dritt li pazjent jintesa' qed ikun miġġieled fuq livell Ewropew, Bil-European Cancer Patient Coalition tfakkar li filwaqt illi r-rata ta' kanċer fl-Ewropa qed tiżdied bi 3%, hekk ukoll qed tiżdied bil-qawwi r-rata ta' nies li jfiqu mill-kanċer, b'madwar 20 miljun persuna fl-Ewropa li għadhom ħajjin minkejja illi kellhom kanċer, b'35% minnhom diġa' għexu 10 snin jew aktar minn meta għelbu l-isfida ta' din il-marda, permezz tat-trattament.
Minkejja dan, ħafna nies isibuha diffiċli li jkomplu jgħixu ħajjithom b'mod normali u dan hekk kif jekk ikollok passat li fih jirriżulta li ħadt trattament tal-kanċer, issibha iktar diffiċli biex - per eżempju - taċċessa kreditu minn bank jew biex tieħu self jew inkella sabiex tieħu assigurazzjoni. Ħafna drabi dan ikun ifisser li persuna ma tkunx tista' tixtri proprjetà, per eżempju.
Hawnhekk tajjeb ngħidu li l-Gvern Malti - din is-sena stess - ħareġ bi skema li anke jekk ma tfissirx illi jintesa' l-isem tal-persuna u r-rekords ta' saħħa tiegħu, qed toffri għajnuna sabiex persuni li ma jkunux jistgħu jieħdu assigurazzjoni fuq post minħabba trattamenti ta' kanċer fil-passat, jkunu mgħejjuna. Il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar illi, permezz ta' skema, madwar €3 miljuni se jservu ta' garanzija biex il-bank ikun jista' joħroġ dan is-self għal proprjetà sa massimu ta' €250,000 għal self totali ta' €30 miljun.
Il-Koalizzjoni tfakkar kif pajjiżi bħal Franza, il-Belġju, il-Lussemburgu u anke l-Olanda adottaw inizzjattivi leġiżlattivi li jirrikonoxxu d-dritt ta' pazjenti tal-kanċer li titneħħa mid-dejta dwarhom informazzjoni dwar trattamenti ta-saħħa, wara numru ta' snin.
F'dawn il-każi qed jingħad li l-perjodu li fih kumpaniji ta' assigurazzjoni jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar saħħa ma jistax jeċċedi l-10 snin minn meta persuna tkun ħadet trattament, meta t-trattament ikun sar fl-età ta' 18-il sena, jew 21 sena fil-każ tal-Lussemburgu u Franza.
Ġenerazzjoni libera mit-tabakk
Ir-rapport qed jappella biex l-Istati Membri jappoġġjaw ġenerazzjoni libera mit-tabakk u li jkun hemm fondi għal programmi biex aktar nies jieqfu jpejpu filwaqt li qed jappellaw biex jiżdiedu l-prezzijiet tas-sigaretti, billi fost oħrajn jogħla d-dazju madwar l-UE. Dwar dan is-suġġett r-rapport li approvaw l-MEPs din il-ġimgħa qed jitlob biex l-UE tara liema togħmiet fi prodotti tat-tabakk qed ikunu attraenti għall-minuri u jipprojbixxu l-bejgħ tagħhom.
Ifakkru li l-konsum tal-alkoħol fih ħafna riskji għal diversi forom ta' kanċer u allura qed jappellaw li jkun hemm aktar informazzjoni dwar xarbiet alkoħoliċi, inkluż permezz ta' tikketti aħjar li jindikaw aktar dwar l-ingredjenti fix-xorb u allura jfissru aħjar lill-konsumatur x'inhuma r-riskji.
Qed isir l-appell ukoll sabiex jieqaf ir-riklamar ta' xarbiet alkoħoliċi f'attivitajiet sportivi.
Ir-rapport qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea wkoll sabiex tinkludi forom oħrajn ta' kanċer - fl-iskema ta' Screening tal-UE, filwaqt li qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu ċentri nazzjonali ta' screening apposta. Dawn iċ-ċentri jkunu responsabbli sabiex tiġi maqsuma informazzjoni dwar prattiċi tajbin fil-qasam, biex ikunu hub ċentrali għal proġetti u inizzjattivi dwar kanċer kif ukoll sabiex jitjiebu l-programmi ta' screening madwar il-pajjiż.
Ir-rapport qed jisħaq li għandu jkun imsaħħaħ is-suq tal-mediċini fl-Ewropa sabiex ikun mtejjeb l-aċċess ugwali għat-trattament, jiġi mrażżan in-nuqqas ta' mediċini u anke li tiġi indirizzata l-problema ta' prezzijiet għoljin tat-trattamenti u teknoloġiji ġodda. Dwar dan fil-fatt ir-rapport qed jipproponi li jiżdiedu l-fondi fuq riċerka xjentifika fil-kawżi tal-kanċer u għal miżuri preventivi, filwaqt li jkun hemm ukoll iktar fondi biex issir aktar riċerka fuq kanċers ta' natura rari.
U finalment l-MEPs qed isejħu għal aktar investiment fost il-ħaddiema biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju tal-għejja (burnout) fost il-professjonisti filwaqt li jappellaw għal rikonoxximent tal-kwalifiċi għall-infermiera li jaħdmu f'dan il-qasam u fis-settur tal-kura paljattiva, bejn pajjiż u ieħor tal-Unjoni Ewropea.