Approvat rapport fil-PE biex tkun miġġielda l-vjolenza onlajn abbażi tal-ġeneru

Il-Parlament Ewropew (PE) ifakkar li din it-tip ta' vjolenza tista' tieħu ħafna forom  u tispiċċa taffetwa r-realtà li mhijiex virtwali wkoll...

Ir-realtà tal-vjolenza ċibernatika
Ir-realtà tal-vjolenza ċibernatika

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili u tad-Drittijiet tan-Nisa tal-Parlament Ewropew qed jitlob li ssir leġiżlazzjoni kontra vjolenza onlajn abbażi tal-ġeneru. Ir-rapport li kien approvat b'78 vot favur, tmienja kontra u tmien astensjonijiet qed jisħaq fuq in-nuqqas ta' qafas legali li jikkumbatti l-vjolenza onlajn, kif ukoll li jfittex protezzjoni u li jkun hemm mekkaniżmu ta' appoġġ lill-vittmi. 

L-MEPs f'dan il-Kumitat qed jisħqu li l-vjolenza online u offline huma żewġt uċuħ tal-istess problema u emfasizzaw illi l-effett li jista' jkollha l-vjolenza ċibernatika tista' tħalli effett fid-dinja mhux virtwali wkoll, bil-konsegwenza li l-abbuż ma jiġix irrappurtat. Huma saħqu wkoll li d-diskriminazzjoni hija ħafna drabi aktar aċċentwata online b'konsegwenzi akbar fuq persuni vulnerabbli, bħal nisa immigranti kif ukoll nisa li jidentifikaw bħala LBGTIQ. 

L-MEPs qed jappellw sabiex issir direttiva li tistabbilixxi definizzjoni komuni fil-Kodiċi Kriminali dwar x'inhi vjolenza ċibernatika abbażi tal-ġeneru u sabiex tarmonizza is-sanzjonijiet kontra l-aggressuri. 

Huma qed jisħqu wkoll li d-direttiva għandha tinkludi miżuri li jippromovu azzjonijiet ta' appoġġ u ta' prevenzjoni kif ukoll proviżjonijiet li jipproteġu, jappoġġjaw u jassiguraw għajnuna lill-vittmi. 

Huma faħħru lill-Kummissjoni li uriet illi hija kommessa li tħares u tkompli miexja mal-Istrateġija għall-Ugwaljanza għal Persuni LGBTIQ 2020-2025 u li testendi l-lista ta' reati fl-UE, sabiex dawn jinkludu wkoll reati ta' mibgħeda u kliem ta' mibgħeda lejn persuni LGBTIQ. 

Huma appellaw għal-Lista li tinkludi liema huma r-reati li din id-direttiva se tkun qed titratta fosthom: Fastidju ċibernatiku, ksur ta' privatezza, assalt sesswali, sorveljanza permezz ta' apps, theddid, kliem sessista u ta' mibgħeda, aċċess illegali għal kontijiet tal-midja soċjali u anke messaġġi, traffikar u aktar. 

Kienet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen li kienet ħabbret illi sal-aħħar tas-sena il-Kummissjoni se tkun qed tipproponi liġi li tikkumbatti l-vjolenza kontra n-nisa u li ser tinkludi prevezjoni, protezzjoni u prosekuzzjoni effettiva ta' reati simili, kemm jekk onlajn u kemm jekk le. 

Iktar tard f'Diċembru dan ir-rapport se jitla' quddiem il-Plenarja tal-Parlament Ewropew. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej