Il-Parlament Ewropew jappella għal reviżjoni tal-pagi għal xogħol essenzjali u ta' valur soċjali

Il-Parlament Ewropew japprova direttiva li titratta l-Paga Minima u jappella biex kull Stat Membru jaċċerta li din tassigura livell ta' għixien diċenti. L-ILLUM tat ħarsa... 

Il-Parlament Ewropew fl-aħħar jiem approva rapport dwar  il-proposta għad-Direttiva tal-istess Parlament għal Pagi Minimi Diċenti illi fiha qed ikun propost li jkunu riveduti mill-ġdid il-pagi baxxi ta' ħaddiema li huma kkunsidrati illi jaħdmu f'impjieg meqjus essenzjali u ta' valur soċjali kbir matul kriżi, bħall-Covid-19. 

Id-Direttiva tagħti aktar poter u aktar ħarsien lit-trejd unjins kif ukoll lil dawk il-ħaddiema li jidħlu f'għaqdiet li jirrappreżentawhom hekk kif qed ifakkar illi pagi minimi diċenti u adegwati jistgħu jintlaħqu l-aktar b'żewġ modi. Dawn huma li pajjiż ikollu paga minima statutorja - jiġifieri paga minima stabbilita bil-liġi jew inkella biżżejjed ħaddiema li huma membri ta' trejd unjins u li allura li jkunu rappreżentati permezz ta' ftehim kollettiv.  

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew qed tisħaq illi sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea kollha  u sabiex tonqos l-inugwaljanza tal-pagi, kif ukoll id-differenza fid-dħul bejn l-irġiel u n-nisa hemm bżonn ikun stabbilit qafas li permezz tiegħu jinħolqu livelli ġusti u adegwati ta' pagi minimi madwar l-UE. Dan biex ikun aċċertat għixien diċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Id-Direttiva qed tappella wkoll li l-paga minima tkun salvagwardjata billi jew ikun hemm paga minima statutorja mingħajr diskriminazzjoni, jew inkella aċċess għal ftehim kollettiv għal ħaddiema li jkunu organizzati.  

Intant id-Direttiva tal-Parlament Ewropew qed titlob lil kull Stat Membru biex jipprojbixxi miżuri li jimminaw mid-dritt li ħaddiem jissieħeb fi trejd unjin jew inkella li b'xi mod ifixklu milli ħaddiem jagħmel dan. Huma qed jgħidu wkoll li għandu jsir illegali li ssir diskriminazzjoni kontra ħaddiema jew rappreżentanti ta' trejd unjins fuq il-post tax-xogħol - bħal shop-stewards - li jkunu ddiskriminati jekk ikunu jixtiequ li jkollhom ftehim kollettiv.  

Id-Direttiva qed tgħid ukoll li impjegaturi għandhom jagħtu l-informazzjoni meħtieġa u l-ispazju neċessarju sabiex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jwettqu ħidmiethom, inkluż li jiltaqgħu mal-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jorganizzawhom u jinnegozjaw il-pagi f'isimhom.  

Il-Parlament Ewropew ma jridx jimponi jew jarmonizza 

Ir-rapport jagħmilha ċara li din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tindaħal fuq jekk Stati Membri għandhomx ikollhom paga minima statutorja jew inkella li jkun hemm l-istess rata ta' paga minina madwar l-UE kollha. "Din id-direttiva għandha l-għan li tassigura pagi minimi ġusti u adegwati b'mod diċenti fuq livelli nazzjonali, sabiex jitjieb il-livell tal-għixien tal-ħaddiema u sabiex b'hekk jonqos il-faqar madwar l-UE," sostna d-dokument.   

Ifakkar fil-fatt li fil-European Social Charter hemm rikonoxxut id-dritt tal-ħaddiema għal dħul biżżejjed għax-xogħol li jagħmlu li jaċċerta ħajja diċenti, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-ftehim kollettiv.  

Ifakkar li pagi minimi diċenti huma tajbin għas-soċjetà u anke l-ekonomija in ġenerali, hekk kif - apparti kollox -  jikkontribwixxu wkoll għal aktar infiq fuq livell nazzjonali. 

Id-direttiva tfakkar li l-faqar fost dawk li diġà jinsabu f'impjieg qed jiżdied mhux jonqos u l-Covid-19 weriet aktar xi rwol importanti għandhom pagi minimi adegwati u ġusti. Tfakkar ukoll illi l-aktar persuni li ġeneralment ikunu jiddependu minn paga minima huma nisa, ħaddiema anzjani, immigranti, single-parents, ħaddiema b'ħiliet baxxi u dawk il-persuni b'diżabilità.  

Id-dokument jisħaq illi fejn hemm jew paga minima statutorja jew inkella fejn din tiġi determinata minn ftehim kollettiv il-pagi medji huma fost l-ogħla fl-UE. Fil-fatt id-dokument approvat jgħid illi fejn hemm rata baxxa ta' ħaddiema li jaqilgħu pagi baxxi hemm rata ogħla minn 70% ta' ħaddiema li huma koperti minn ftehim kollettiv.  

U finalment il-Parlament Ewropew qed jipproponi li jkun hemm moniteraġġ b'saħħtu tas-sitwazzjoni b'minimu ta' Spettur wieħed tax-xogħol għal kull 10,000 ħaddiem, filwaqt li kull sena l-Kummissjoni Ewropea tibda tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-livelli u l-iżviluppi relatati mal-paga minima.  

Is-sitwazzjoni madwar l-UE 

Il-Paga Minima madwar l-UE tista' tinqasam fi tlieta f'termini ta' dħul.  

L-aktar pagi minimi baxxi ta' inqas minn €500 fix-xahar  - fl-2020 skont Eurostat - kienu fil-Bulgarija, l-Latvja, l-Ungerija u r-Rumanija. Il-pagi minimi kienu jvarjaw minn €312 fil-Bulgarija sa €461 fir-Rumanija.  

It-tieni grupp huwa dak fejn il-paga minima hija bejn €500 u €1,000 fix-xahar u jinkludi lil pajjiżna. Apparti Malta, hemm ukoll il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Islovakkja, il-Polonja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Portugal, il-Greċja u l-Islovenja.  

Hawnhekk il-pagi jvarjaw bejn €537 fil-Kroazja u €941 fl-Islovenja. F'Malta il-paga minima f'Ġunju 2021 kienet ta' €785 fix-xahar, filwaqt illi fl-2009 kienet ta' €630 fix-xahar.  

Finalment il-paga minima hija l-ogħla  - jew mill-inqas €1,000 - fi Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Irlanda u l-Lussemburgu. Hawnhekk il-paga minima tvarja minn €1,108 fi Spanja sa €2,142 fil-Lussemburgu.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024