Il-Parlament Ewropew jappella għal aktar rispett u regoli favur annimali li jiġu trasportati

Il-Kumitat ANIT tal-istess Parlament jisħaq li jkun aħjar jekk minflok l-annimali nfushom jiġu trasportati l-embrijuni tal-anniali, fejn possibbli

Annimali trasportati - Il-Parlament Ewropew jitlob għal aktar protezzjoni
Annimali trasportati - Il-Parlament Ewropew jitlob għal aktar protezzjoni

Wara 18-il xahar ta' riċerka il-Kumitat ta' Inkjesta għall-Protezzjoni tal-Annimali waqt it-trasportazzjoni (ANIT) għalaq il-ħidma tiegħu din il-ġimgħa wara li kien mitlub jinvestiga ksur tar-regoli tal-UE. Il-Kumitat sab li l-Istati Membri mhux dejjem żammew mal-bżonnijiet tal-annimali waqt it-trasportazzjoni. 

Dan il-Kumitat sab diversi ksur, fosthom nuqqas ta' spazju għall-annimali li jkunu qed jiġu trasportati, nuqqas ta' ilma u ikel, iffullar, vetturi li mhumiex adattati u trasportazzjoni waqt temperaturi estremi. 

Għalhekk dan il-Kumitat għamel diversi rakkomandazzjonijiet, li kienu adottati bi 30 vot favur u astensjoni.

Il-Kumitat qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex itejbu l-ħidma għal aktar protezzjoni tal-annimali waqt li jkunu qed jiġu trasportati. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej jridu li fuq il-vetturi jkunu installati Kameras CCTV, speċjalment meta jitniżżlu jew jittellgħu annimali u qed jisħqu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaċċertaw li meta jiġu trasportati annimali it-temperatura tkun bejn ħames u tletin grad celsius. Għalhekk qed jitolbu li jkun hemm apparat apposta fuq il-vetturi li jirrekordjaw temperatura u umdità, fost oħrajn. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu wkoll lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi limiti fuq kemm idum vjaġġ u projbizzjoni fuq trasportazzjoni ta' annimali ta' età żgħira, li huma inqas mill-età ta' 35 jum. 

Huma qed jipproponu wkoll sistema li tiffavorixxi trasportazzjoni ta' embrijuni minflok annimali nfushom. 

Il-Kumitat qed ifakkar li ma hemmx kontrolli, għat-trasportazzjoni tal-anninali lejn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u qed jappellaw biex il-kunsinni jkunu spezzjonati b'attenzjoni partikolari fuq l-aċċess għall-ikel, l-ilma u spazju. L-esportazzjoni tal-annimali għandu jsir biss jekk ikun skont standards Ewropej. 

Ir-rapporteur Daniel Buda, mill-Partit Popolari Ewropew, sostna illi l-benesseri tal-annimali waqt it-trasportazzjoni hija fl-interess tal-bdiewa, konsumaturi u l-katina kollha tal-fornitura. "It-trasportazzjoni tal-annimali hija fergħa importanti fl-ekonomija tal-UE u hija importanti għall-eżistenza finanzjarja tal-bdiewa ewropej," sostna Buda. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024