Alfred Sant isejjaħ għal paga minima aktar adegwata għal diversi ħaddiema

L-MEP Alfred Sant jgħid li għandha tkun assigurata paga minima adegwata għall-ħaddiema tas-saħħa, li jnaddfu u dawk fl-agrikoltura, fost oħrajn...

L-MEP Alfred Sant
L-MEP Alfred Sant

"Il-kriżi tal-COVID enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-ħaddiema li jagħmlu xogħol meqjus bħala essenzjali, dawk li jnaddfu, il-ħaddiema tas-saħħa u l-agrikoltura jaqilgħu paga minima aktar adegwata."

Hekk saħaq il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Laburista tal-S&DAlfred Sant fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar jekk għandhomx jinfetħu taħditiet bejn il-parlament u l-Kunsill Ewropew dwar abbozz ta’ direttiva dwar il-pagi minimi fl-Unjoni Ewropea. Sant ivvota favur il-ftuħ ta’ dawn it-taħditiet.

L-għan ewlieni tal-abbozz ta' direttiva dwar il-pagi minimi adegwati huwa li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għal standard ta' għajxien deċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom fl-Istati Membri Ewropej.

Sant innota li numru ta’ korpi kostitwiti esprimew dubji dwar l-eżitu mgħaġġel tan-negozjati dwar din il-kwistjoni iżda huwa sostna li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali jeħtieġ li naġixxu malajr ħafna.

Sant sostna li d-direttiva tistabbilixxi l-kriterji għall-pagi minimi fuq livell nazzjonali mingħajr ma timponi “qafas li huwa l-istess għal kulħadd” fuq l-Istati Membri kollha. Il-kriterji għandhom x'jaqsmu mal-għoli tal-ħajja, ibbażati fuq basket nazzjonali ta' oġġetti u servizzi li jinkludu l-VAT, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u s-servizzi pubbliċi. Fi żmien meta l-iżvilupp tat-trejdjunjins huwa essenzjali, din id-direttiva se tiżgura wkoll li min iħaddem jagħti lir-rappreżentanti tat-trejdjunjins fatti, faċilitajiet u aċċess rilevanti għall-post tax-xogħol u l-impjegati, żied jgħid Sant.

L-MEP Laburista nnota li t-test tad-direttiva jista’ jiġi aġġustat faċilment biex jinkludi kwalunkwe tibdil meħtieġ għal kull Stat Membru u lil hinn minnu, u jżomm f’moħħu li jeħtieġ li jiġu rispettati prattiki fit-tul u leġittimi ta’ negozjar tal-pagi f’setturi speċifiċi. Sant stqarr li “din id-direttiva tiftaħ triq ’il quddiem biex tiġi indirizzata aħjar is-sitwazzjoni tal-aktar ħaddiema vulnerabbli fl-Ewropa” fejn ħareġ biċ-ċar li l-kontribut tagħhom kien wieħed imprezzabbli waqt il-pandemija tal-COVID-19.

Ir-rapport ġie adottat b'443 vot favur, 192 kontra u 58 astensjoni

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024