Casa jinħatar rapporteur ta' Fond li se jinvesti €70 biljun fil-ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima

Casa jgħid li hemm ħafna spejjeż marbutin ma' regolazzjoni ta' emmissjonijiet u li l-Parlament Ewropew jeħtieġ jassigura li dawn ma jinġarrux mill-familji, negozji u dawk vulnerabbli

Il-Membru Malti tal-Parlament Ewropew David Casa nħatar Rapporter tal-Parlament Ewropew tal-Fond Soċjali Klimatiku. Hu se jkun qed iħejji r-rapport għall-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, li hu membru tiegħu.

“Jien kuntent li se nkun qed nagħti sehmi għal tranżazzjoni soċjali fil-ġlieda tagħna kontra l-bidla fil-klima. Il-Fond se jkun ifisser aktar minn €70 biljun f’investiment soċjali u klimatiku, skont pjan tal-Unjoni Ewropea li se jwassal ukoll investiment mill-Istati Membri.”

Il-Fond hu marbut ma’ proposti oħra li jnaqqsu l-emmissjonijiet u li jwasslu għal sorsi aktar nodfa ta’ enerġija għat-trasport kif ukoll għat-tisħin u t-tkessiħ. Il-Fond hu parti mill-pakkett Fit-for-55, li hu l-inizjattiva leġiżlattiva ewlenija tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

“Hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tagħmel passi kbar permezz tal-pakkett Fit-for-55, il-Fond Soċjali Klimatiku jassigura li ħadd ma jibqa’ lura,” spjega Casa, waqt li żied li l-Fond se jassigura li l-Ewropa tnaqqas b’mod drastiku l-emmissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u gass serra, mingħajr ma tikkomprometti l-impenn soċjali.

Dan se jkun it-tieni fond ewlieni li tiegħu l-MEP Casa hu r-Rapporter tal-Parlament Ewropew f’din il-leġiżlatura. Fl-ewwel nofs tal-leġiżlatura, l-MEP Casa nnegozja l-Fond Soċjali Ewropew, b’valur ta’ €90 biljun.

Għal dan il-Fond ġdid, Casa se jkun qed jaħdem mal-MEP Olandiża tal-Grupp tal-PPE Esther de Lange, biex jippreżentaw rapport konġunt dwar il-Fond Soċjali Klimatiku fl-ewwel nofs tas-sena 2022. De Lange hi r-Rapporter tal-Fond għall-Kumitat tal-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel.

“Biex wieħed jirregola l-emmissjonijiet u jimxi lejn infrastruttura tat-trasport u bini li tipproduċi ftit emmissjonijiet, irid jinvesti ħafna. Aħna rridu nassiguraw li dawn l-ispejjeż ma jassorbuhomx dawk l-aktar vulnerabbli, kemm il-familji kif ukoll in-negozji.”

Filwaqt li skont il-pjan, dawn il-flus jibdew jintużaw mill-2025, Casa qal li hemm sforzi biex din id-data timxi ‘l quddiem. Ir-rapport konġunt hu mistenni jiġi preżentat kmieni s-sena d-dieħla.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024