Il-Parlament Ewropew qed jipproponi fost affarijiet oħrajn illi tinħoloq sistema ta' twissija f'każ ta' nuqqas ta' mediċini fl-Unjoni Ewropea, liema sistema tkun ibbażata fuq pjattaforma innovattiva, trasparenti u ċentralizzata. L-għan ta' din il-pjattaforma tkun li n-nuqqas ikun identifikat, imbassar kif ukoll issir prevenzjoni ta' dan in-nuqqas.
F'riżoluzzjoni quddiem il-Parlament Ewropew għal Strateġija dwar il-Farmaċewtika fl-Ewropa, isiru diversi appelli lill-Kummissjoni Ewropea biex din tikkunsidra wkoll fondi għal riċerka pubblika li permezz tagħha jkun investigat l-użu ta' mediċini 'off-label' u 'off patent' li jistgħu jintużaw b'mod sigur u effettiv mal-pazjenti. Jisħaq illi dawn il-mediċini għandhom imbagħad ikunu aċċessibbli madwar l-UE kollha.
Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni li ġiet approvata din il-ġimgħa jappella lill-Kummissjoni wkoll biex tiffaċilità mediċini 'off label', inkluż dawk irħas u dawk użati għall-kanċer rari, fost oħrajn. Dan dejjem sakemm ikun hemm provi xjentifiċi li jipprovaw l-effikaċità u s-sigurtà.
Għal dan il-għan - fost elenku ta' proposti - il-Parlament Ewropew qed jisħaq li t-tenders mogħtija dwar mediċini għandhom ikunu ekonomikament vantaġġjużi u mhux bilfors skont il-kriterji ta' liema huma l-irħas. "Li jkun aċċertat li l-mediċini jaslu u jkunu aċċessibbli u fornuti għandu jkun kriterju kwalitattiv li jkun ikkunsidrat meta jingħataw kuntratti f'dan il-qasam," tgħid ir-riżoluzzjoni.
Mediċini 'off label' huma dawk li minkejja li jintużaw għal kundizzjoni partikolari, it-tabib jista' jagħtihomlok għal kundizzjoni jew mard differenti. Dan jista' jsir sakemm ikun hemm il-provi tas-sigurtà u l-effikaċità tal-mediċina, liema użu iżda ma jkunx għadu ġie approvat mill-awtoritajiet ċentrali.
Mediċini 'off-patent' huma dawk li l-ebda kumpanija tal-farmaċewtika ma jkollha d-dritt esklussiv li tbigħ. Il-Patent - f'dan il-każ - huwa ġeneralment il-kimika wżata biex issir mediċina, liema kimika tkun tista' tintuża minn kumpanija waħda biss u ma tistax tiġi dduplikata minn oħrajn - għaliex ikollha id-drittijiet hi.
Il-Parlament qed jappella wkoll sabiex issir promozzjoni għal mediċini li huma magħmulin fl-Ewropa stess, biex b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE f'dan is-settur fuq pajjiżi terzi. Fil-fatt ir-riżoluzzjoni tfakkar li xejn inqas minn 40% tal-prodotti mediċinali fl-UE joriġinaw minn pajjiżi terzi, filwaqt li bejn 60% u 80% tal-ingredjenti farmaċewtiċi jiġu miċ-Ċina u l-Indja. Ifakkar ukoll li ħafna drabi operazzjonijiet f'dan is-settur - bħal setturi oħrajn - jimxu lejn pajjiżi terzi minħabba kwistjonijiet ta' spejjeż, bil-konsegwenza iżda li jitbaxxew l-istandards ambjentali, ta' sigurtà u dawk relatati max-xogħol.
'L-aċċess għas-saħħa huwa fundamentali'
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tfakkar li s-saħħa hija fundamentali għall-benesseri tal-UE u li l-aċċess għas-saħħa huwa fundamentali għall-Istati Membri u l-politika tagħhom dwar dan is-suġġett.
"Li kulħadd ikollu aċċess fil-ħin għal mediċina affordabbli, preventiva u li jkollu kura tas-saħħa ta' kwalità huwa dritt," tfakkar din ir-riżoluzzjoni approvata mill-Parlament. Tgħid ukoll li attenzjoni speċjali għandha tingħata lil nies vulnerabbli b'riskji speċifiċi ta' saħħa, b'attenzjoni partikolari fuq in-nisa, it-tfal, l-anzjani, persuni b'diżabilità, pazjenti b'kundizzjonjiet kroniċi, pazjenti fl-ITU u anke dawk li jieħdu kura fit-tul.
€37 biljun f'investiment u aktar minn €100 miljun fl-ekonomija
Ir-riżoluzzjoni tfakkar illi l-produzzjoni tal-mediċini fl-Unjoni Ewropea tagħti kontribuzzjoni qawwija ta' €37 biljun fl-ekonomija ewropea f'investiment, skont iċ-ċifri tal-2019. Dan filwaqt li s-settur jipprovdi 800,000 impjieg u surplus b'valur ta' €109.4 biljun.
Il-konsum tal-mediċini qed jibqa' jikber internazzjonalment, għalkemm ħafna mediċini qed jibqgħu jiġu mibjugħa jew użati b'mod ħażin.
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jipproponi li jkun hemm Unjoni tas-Saħħa Ewropea li tikkontribwixxi u toħloq kooperazzjoni iktar mill-qrib u li permezz tagħha informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa jiġu maqsumin bejn Stati Membri, anke sabiex l-UE tilqa' għal theddid li jista' jinqala' fis-saħħa pubblika.
Ir-riżoluzjoni tgħid illi l-Covid-19 ġabet magħha sfidi bla preċedent fuq is-sistemi tas-saħħa u s-sostenibilità tagħhom, "imma kellha wkoll impatt drammatiku fuq il-pazjenti, inkluż dawk b'mard kroniku u l-abbilità li jaċċessaw u jindirizzaw l-impatt tal-pandemija fuq il-pazjent."
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed japella sabiex l-ebda pazjent ma jitħalla lura.
Ir-riżoluzzjoni qed titlob ukoll għal aktar investiment pubbliku u privat sabiex jiġu żviluppati mediċini u dijanjosi innovattivi, kif ukoll sabiex kulħadd ikollu aċċess għal mediċini siguri, effettivi u ta' kwalità għolja.
Naturalment il-Parlament Ewropew qed jisħaq li r-riċerka trid dejjem tkun iggwidata minn prinċipji etiċi li jiggarantixxu dejjem id-dritt tal-ħajja, dinjità u l-integrità tal-persuna.
Ir-riżoluzzjoni faħħret l-ispiżeriji lokali u tfakkar li dawn qed jagħtu kontribuzzjoni kbira billi jipprovdu servizz ta' kwalità, b'mod kontinwu.
Finalment tipproponi wkoll li l-iskart iġġenerat mill-farmaċija għandu jiġi trattat bħal kull skart ieħor, bl-istess standards fejn jirrigwarda ippakkeġġjar. Fil-fatt, il-Parlament qed jipproponi li minflok karti mal-mediċina li jagħtu dettalji, il-pazjenti minflok ikollhom e-papers u allura jaċċessaw l-istess informazzjoni onlajn.