Tivvota lill-kandidat Malti biex isir MEP imma lil dak barrani wkoll - Iż-żgħażagħ jipproponu

Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew tressaq għad-diskussjoni rapport magħmul minn żgħażagħ ewropej li jagħti ħarsa lejn proposti u bidliet - uħud minnhom mill-qiegħ - għall-UE ta' għada. L-ILLUM tagħti ħarsa... 

Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew ddiskuta l-Futur tal-UE mil-lenti taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ Ewropej xi jridu u x'jixtiequ? X'Ewropa jaraw għall-futur u xi proposti għandhom għall-UE ta' għada? Il-gazzetta ILLUM evalwat rapport mill-aktar interessanti li jelenka wħud mill-aktar proposti avventurużi u li fihom tassew x'tomgħod mir-rapport 'Youth ideas for the Conference on the Future of Europe' li din il-ġimgħa stess intlaqa' b'mod tajjeb ħafna, mill-gruppi politiċi ewropej fil-Parlament Ewropew. 

Mhux aktar lill-Maltin biss tivvota! 

Bla dubju, waħda mill-aktar proposti interessanti taż-żgħażagħ Ewropej titratta l-mod kif jiġu eletti l-MEPs fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Jekk din il-proposta tidħol fis-seħħ, apparti li tivvota lill-kandidati Maltin għal siġġu f'dan il-Parlament, issa jkollok karta ta-vot oħra.  

Fuq din il-karta tal-vot - qed jipproponu - inti jkollok kandidati oħrajn mill-Istati Membri kollha. Jiġifieri apparti li tivvota lill-kandidat Nazzjonalista jew Laburista, tkun tista' tivvota wkoll lill-kandidat ta' partit politiku ewropew li forsi huwa l-eqreb lejn il-valuri u t-twemmin tiegħek. Forsi lokalment inti aktar komdu tivvota lil kandidat Nazzjonalista għal raġunijiet ta' politika lokali, imma mbagħad għax inti favur l-abort u d-drittijiet riproduttivi tal-mara jew għax trid li l-Parlament Ewropew jiffoka aktar fuq materji tal-ħaddiem tagħżel kandidat tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq il-karta tal-vot l-oħra!  Jew inkella lokalment tippreferi kandidat Laburista imma trid Ewropa li hija ħafna iktar iebsa fuq l-immigrazzjoni u allura fuq il-karta l-oħra tal-vot tivvota lill-kandidat mill-Partit Konservattiv.  

Iż-żgħażagħ qed jgħidu illi sistema bħal din tassigura li kandidat jibqa' jirrapreżenta l-Kostitwenza tiegħu imma fl-istess ħin ikun irid jieħu l-opinjoni u jifhem aħjar firxa bil-wisq akbar ta' kostitwenti.  

Fl-istess rapport qed ikun propost li jkun hemm aktar trasparenza u ħafna aktar rappreżentanza meta l-partiti jiġu biex jagħżlu l-kandidat tagħhom biex ikun President tal-Kummissjoni. Huma qed jgħidu li dan l-isem għandu jkun imħabbar qabel il-kampanja tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew biex b'hekk ikun hemm interazzjoni akbar bejn il-poplu u dan il-kandidat.  

Apprentistat u edukazzjoni lil refuġjati f'Universitajiet Ewropej 

Naturalment kif mistenni, saru proposti fil-qasam tal-immigrazzjoni, bil-ħarsa tkun l-aktar fuq dak kollu relatat mal-integrazzjoni, inkluż permezz tas-sistema edukattiva.  

Fil-fatt iż-żgħażagħ qed jipproponu li jinħoloq programm li permezz tiegħu universitajiet tal-UE jagħtu aċċess lil studenti u anke għalliema barranin. Qed jipproponu li jkunu identifikati dawk l-universitajiet li jixtiequ jipparteċipaw u li dawn jaħdmu mal-UNHCR biex dawn l-istudenti u professuri ikunu identifikati.  

Dawk interessati mbagħad jirċievu fondi mingħand NGOs - liema fondi jkunu mogħtija mill-UE - sabiex jattendu l-Università. Qed jipproponu wkoll li jkun hemm fond ċentrali ewropew li jkun l-aħjar mekkaniżmu sabiex universitajiet jaċċettaw studenti refuġjati.  

"Programm bħal dan jgħin u jirrispondi għall-isfida tal-anzjanità fl-UE, isaħħaħ il-valuri tas-solidarjetà u dinjità umana, filwaqt li l-pajjiżi li qed jilqgħu lil dawn r-refuġjati ikollhom ħaddiema ġodda b'ħiliet filwaqt li fihom titnaqqas l-isfiduċja lejn l-immigranti," jgħidu ż-żgħażagħ.  

Fuq dan is-suġġett ukoll iż-żgħażagħ qed jipproponu li jkun hemm reklutaġġ ta' avukati u tradutturi f'pajjiżi fil-Mediterran, sabiex jitnaqqas il-ħin li matulu t-talbiet għall-ażil ikunu pproċessati. Qed jappellaw biex ikun hemm aktar appoġġ fil-proċess ta' integrazzjoni fil-pajjiż fejn jgħix l-immigrant, filwaqt li jipproponu illi jkun hemm għajnuna lil dawk il-pajjiżi li joffru apprentistati lil dawk li jkunu applikaw għall-ażil, li jħaffu l-proċess ta' integrazzjoni u li jippermettu lill-applikanti sabiex jikkontribwixxu lil dak il-pajjiż li qed jilqagħhom.  

Huma għalhekk qed jipproponu wkoll li l-kwalifiċi tal-immigranti li jkunu kisbu qabel ma ġew fl-UE jkunu rikonoxxuti.  

Passaport wieħed u ID card waħda!  

Immaġina inti u ssiefer minflok ikollok il-passaport bl-arma tar-Repubblika Maltija u ta' ħdejk ikollu tal-Italja, kemm int kif ukoll ta' ħdejk ikollkom l-istess passaport bl-istilel tal-Ewropa!  

Hekk qed jipproponu dawn iż-żgħażagħ f'rapport fejn huwa ċar li l-aċċenn huwa fuq il-federaliżmu, jiġifieri li l-UE tingħaqad u tiċċentralizza dejjem aktar - ċertament prospett li ħafna Maltin ma jaqblux miegħu.  

Huma qed jgħidu li dan il-passaport u ID card komuni jkunu wżati biex persuna tidħol f'pajjiż ieħor tal-UE jew inkella tgħix fih.  

Lura fuq il-federaliżmu, dawn iż-żgħaħagħ jgħidu illi għalkemm Ewropa federali mhix faċli li tintlaħaq, hija "proġett bi prospetti kbar!" 

Ir-rapport fil-fatt qed jipproponi wkoll sistema fiskali li tkun komuni madwar l-UE kollha.  

Ewropa edukata fuq l-użu tal-midja soċjali! 

Tgħajjir, insulti personali, xenofobija, dagħa - insomma dan u aktar sar karatteristika komuni fil-ġungla tal-midja soċjali. U din mhux problema ta' Malta biss! 

Għalhekk iż-żgħażagħ qed jipproponu illi waħda mill-prioritajiet tal-UE u tal-Parlament Ewropew huwa li jkun hemm edukazzjoni  - inkluż fil-kurrikulum - li jgħallem kif tuża u tieħu ħsieb ir-realtà diġitali.  

Biex titjieb is-sigurtà ċibernatika qed ikun propost Kumitat li jiddiskuti flimkien ma' esperti u li jiddetermina x'inhu reat ċibernatiku u x'leġiżlazzjoni teħtieġ tkun adottata. 

Qed jipproponu wkoll li jkun hemm aktar fondi għall-edukazzjoni mhux formali permezz ta' aktar żgħażagħ li jipparteċipaw f'servizzi volontarji, skambji u inizzjattivi sportivi.  

Dan ir-rapport qed jara Ewropa fejn l-iskejjel jibdlu l-fokus tagħhom lejn suġġetti li huma ħafna iktar relatati mal-ħajja fid-dinja kontemporanja, bħall-għarfien u t-tagħlim dwar is-saħħa mentali, edukazzjoni sesswali, għarfien (literacy) finanzjarju u diġitali u ħiliet interkulturali. Jisħqu illi dan jgħin sabiex tkun inkoraġġita ċittadinanza aktar inklussiva u tolleranti.  

Finalment ir-rapport jipproponi miżuri sabiex jonqos il-qgħad fost iż-żgħażagħ li jgħidu illi għandha tkun priorità għall-UE.  

Għalhekk jappellaw għal fondi speċifiċi biex internships bla ħlas jitwaqqfu, filwaqt li jinħoloq netwerk ta' medjaturi fl-iskejjel ta' stati membri sabiex jintlaħqu minn qabel żgħażagħ li potenzjalment se jitilqu mill-iskola kmieni.  

Min iħammeġ irid jibda jħallas! 

Naturalment ma jistax ma jsirux proposti dwar l-ambjent, kwistjoni li dwarha ħafna żgħażagħ għandhom opinjoni b'saħħitha kemm f'Malta u anke madwar l-UE.  

Qed jipproponu għalhekk li kumpaniji jinżammu responsabbli tal-ħsara li jagħmlu lill-oċeani, xmajjar, l-arja u anke l-art u fejn hemm bżonn saħansitra jsiru sanzjonijiet fuq kumpaniji li jkunu qed jagħmlu ħsara lill-ambjent u jħallu konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika.  

Qed jipproponu wkoll li jinħoloq kejl li permezz tiegħu jkun ikkalkulat kemm kumpanija tkun qed tniġġeż u tiġġenera skart.  

Qed jipproponu li jitneħħew l-inċentivi kollha li jingħataw lil dawk li jaħdmu bi fjuwils li jniġġsu, li l-UE tissussidja s-swieq lokali li jbigħu prodotti lokali minn bdiewa u li l-aċċess għall-kreditu jkun ħafna aktar iffaċilitat.  

U finalment fir-rapport tagħhom iż-żgħażagħ jappellaw għal sistema standardizzata ta' riċiklaġġ madwar l-UE. Huma qed jipproponu li ċittadini jħallsu ammont żgħir ta' flus meta jixtru prodotti ppakkjati, li jingħatawlhom lura meta huma jiddepożitaw l-ippakkeġġjar f'magna apposta. 

Aktar faċli li pajjiż jiġi ssanzjonat 

Dan ir-rapport qed jisħaq illi għandha titneħħa r-regola tal-unanimità f'dak li jirrigwarda Artiklu 7. Dan l-artiklu fit-Trattat tal-UE, jiddetermina x'drittijiet għandhom jitnaqqsu jew jitneħħew mingħand Stat Membru għal diversi raġunijiet - bħalma kien hemm dan il-proċess kontra l-Polonja riċentement.  

Jekk tgħaddi ta' dawn iż-żgħażagħ isir allura aktar faċli li pajjiż tal-UE jiġi ssanzjonat.  

Iż-żgħażagħ qed jitolbu wkoll li kemm jista' jkun malajr l-klawżola tal-Kundizzjonalità marbuta mas-Saltna tad-Dritt tidħol fis-seħħ. Din il-klawżola torbot l-għoti ta' fondi ewropej mas-saltna tad-dritt u allura li pajjiż li jkun kiser is-saltna tad-dritt jitnaqqsulu jew ma jingħatawlux fondi ewropej.  

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024