Aġenzija tal-asil imsaħħa wara vot tal-Parlament Ewropew

L-Aġenzija l-ġdida ser tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri fuq talba tagħhom. Dan se jinkludi, pereżempju, għajnuna biex jiġu identifikati u rreġistrati ċittadini ta’ pajjiżi terzi 

L-Aġenzija l-ġdida tal-UE għall-Asil se jkollha setgħat operazzjonali u tekniċi mtejba biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-konverġenza fl-istandards tal-asil.

Il-leġiżlazzjoni approvata mill-Parlament Ewropew taġġorna l-mandat eżistenti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), li ilu jopera mill-2011 u huwa bbażat fil-Belt Valletta, Malta.

L-Aġenzija l-ġdida ser tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri fuq talba tagħhom. Dan se jinkludi, pereżempju, għajnuna biex jiġu identifikati u rreġistrati ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew billi tingħata assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali biex jimmaniġġjaw il-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali — inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u rilokazzjoni u risistemazzjoni — u b’mod aktar ġenerali bl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Se jkollha wkoll il-kompitu li tiżviluppa standards operazzjonali, analiżi u linji gwida kif ukoll taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-asil.

L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali

Fuq talba tal-MEPs, l-Aġenzija se toħloq kariga għal Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, li se jkun inkarigat minn mekkaniżmu għall-ilmenti li għadu kif ġie stabbilit. L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali se jkun responsabbli li jiżgura li l-Aġenzija tikkonforma mad-drittijiet fundamentali matul l-attivitajiet tagħha. B’mod aktar ġenerali, dan ser ikun responsabbli għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-politika tal-asil tal-UE.

Grupp ta’ mill-inqas 500 espert biex jassistu pajjiżi fil-bżonn

L-Aġenzija ser tistabbilixxi grupp ta’ riżerva ta’ mill-inqas 500 espert dwar l-asil mill-Istati Membri li jistgħu jiġu skjerati malajr bħala membri ta’ timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-asil flimkien mal-esperti tal-Aġenzija, u ser tipprovdi assistenza operazzjonali fuq il-post.
Monitoraġġ tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri

Mill-31 ta’ Diċembru 2023, l-Aġenzija ser tissorvelja kif l-Istati Membri qed japplikaw diversi aspetti tas-sistema komuni tal-asil tal-UE sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli. Dan il-monitoraġġ jista’ jinkludi, pereżempju, il-verifika ta’ kif il-kriterji għall-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-protezzjoni u t-tip ta’ protezzjoni mogħtija lill-applikanti qed jiġu applikati, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, is-salvagwardji tal-protezzjoni tat-tfal, ir-rispett għas-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza.

Is-sistema sħiħa ta’ monitoraġġ u d-dispożizzjonijiet rigward il-kapaċità u l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni sproporzjonata fuq is-sistemi tal-asil tagħhom ser jidħlu fis-seħħ ladarba r-Regolament ta’ Dublin attwali jiġi sostitwit.

Elena Yoncheva li mexxiet il-leġiżlazzjoni fil-Parlament, qalet wara l-votazzjoni li l-adozzjoni timmarka mument storiku għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil billi tistabbilixxi l-ewwel element kostitwenti ta’ sistema ġdida. "In-negozjati mhux dejjem kienu faċli, iżda ffukajna fuq il-bini ta’ pontijiet mal-Kunsill u li negħlbu d-differenzi biex jinstab qbil għal Aġenzija tal-UE tal-Asil ġenwina u kompluta."
Il-Plenarja appoġġat il-ftehim informali mal-Istati Membri b’396 vot favur, 92 kontra u 73 astensjonijiet. Ladarba tiġi adottata formalment mill-Kunsill, ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha.

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024