Nhar it-Tlieta li ġej il-Parlament Ewropew mistenni jiddiskuti u jivvota fuq diversi miżuri sabiex jiġu mgħejjuna l-bdiewa u r-raħħala madwar l-Unjoni Ewropea, fosthom b'aktar appoġġ lil dawk li jadottaw prattiċi sensittivi għall-Bidla fil-Klima kif ukoll miżuri ambjentalment pożittivi. Fosthom għajnuniet sa massimu ta' €100,000 lil negozji żgħar u medji, għajnuniet biex il-bdiewa jaffrontaw kriżijiet u sanzjonijiet eħrex kontra dawk li b'mod kontinwu jiksru r-regoli marbutin mal-ambjent jew inkella d-drittijiet tal-annimali.
Il-Membri Parlamentari tal-Kumitat tal-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew diġà wrew appoġġ lejn politika li tkun tirrispetta dejjem aktar ir-realtajiet ta' stati membri differenti. Huma jisħqu li Gvernijiet nazzjonali għandhom jifformulaw pjani strateġiċi li imbagħad il-Kumissjoni Ewropea taċċetta u li f'dan il-pjani juru kif se jwettqu l-oġġettivi tal-UE f'dan il-qasam, fil-prattiċità. Dan filwaqt li qed jisħqu li l-Kummissjoni tkompli ssegwi kif qed iwettqu tali bidliet u jekk hux qed isir kollox skont ir-regoli tal-UE.
Permezz ta' din ir-riforma fil-Politika Komuni Agrikola (CAP) il-Parlament se jkun qiegħed isaħħaħ prattiċi mandatorji fir-rigward ta' bidla fil-klima, bħala kundizzjoni biex il-bdiewa jirċievu għajnuna. Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jisħqu wkoll li mill-inqas 35% tal-baġit tal-iżvilupp rurali għandu jmur għal miżuri relatati mal-ambjent u l-klima. Dan filwaqt li qed jgħidu li 30% tal-pagamenti diretti għandhom imorru għal eko-skemi, li jkunu voluntarji imma li jżidu d-dħul tal-bidwi.
L-MEPs qed jinsistu fuq il-bżonn li jsiru servizzi li jgħinu lill-bdiewa sabiex huma wkoll jiġġieldu l-bidla fil-klima, jimmaniġġjaw ir-riżorsi naturali filwaqt li jipproteġu l-biodiversità. Huma qed isejħu wkoll lil kull stat membru sabiex jinkoraġixxu lill-bdiewa jiddedikaw 10% tal-art tagħhom għal ilma, siġar u arbuxelli.
Dan il-Kumitat ivvota, tard ix-xahar li għadda, sabiex Stati Membri jibdew jużaw mill-inqas 4% tal-pagamenti diretti biex jgħinu bdiewa żgħażagħ filwaqt li jitnaqqsu l-pagamenti lil dawk il-bdiewa bi qligħ kbir. Fil-fatt huma jisħqu l-bżonn li s-sussidji tal-UE għandhom "imorru biss għal dawk li fl-operat tagħhom għandhom imqar livell minimu ta' attività agrikola filwaqt li operaturi ta' ajruporti, artijiet rikreazzjonali, ferroviji u oħrajn jiġu esklużi minn għajnuniet simili.
Il-PE irid riżerva għal żminijiet ta' instabilità għall-bdiewa u raħħala
Intant il-Parlament Ewropew qed jimbotta bil-qawwi miżuri sabiex il-bdiewa jkunu preparati għal riskji u kriżijiet potenzjali fil-futur. Għalhekk qed jinsistu li s-suq ikun aktar trasparenti, ikun hemm strateġija ta' intervent u l-prattiċi kollha agrikoli li jilħqu standards ogħla f'dak ambjentali u dak li jitratta s-saħħa tal-annimali, jkunu esklużi mir-regoli tal-kompetizzjoni.
L-MEPs qed jisħqu wkoll li jkun hemm riżerva li tintuża fi żminijiet ta' kriżi u li tgħin lill-bdiewa f'każi ta' instabilità fis-suq jew fil-prezzijiet.
Intant il-Parlament Ewropew qed jgħid li jrid illi jiżdiedu s-sanzjonijiet għal dawk li jiksru r-regoli tal-UE biex dawn ilaħħqu 10% ta' għajnuniet li jieħdu, 5% iktar minn kemm jitilfu llum jekk ma josservawx tali regolamenti.
L-aħħar riforma tal-CAP - stabbilita fl-1962 - qabel din seħħet fl-2013 bil-bidliet issa mistennijin jidħlu fis-seħħ ladarba jkun hemm qbil fil-Parlament u l-KUnsill. Il-CAP jammonta għal 34.5% tal-Baġit tal-UE, jiġifieri €58.1 biljun u 70% tal-baġit tal-CAP isostni d-dħul ta' bejn sitta u seba' miljun bidwi fl-UE.