Sa nofs l-2024 kumpaniji kbar Ewropej iridu jibdew jiddikjaraw kemm ħallsu taxxa fl-UE

Kumpaniji multinazzjonali u s-sussidjarji, bi dħul li jiżboq is-€750 miljun u li huma attivi f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE issa jridu jibdew jippubblikaw l-ammont ta' taxxa li qed iħallsu f'kull stat membru

Il-Membri Parlamentari Ewropej taw l-approvazzjoni tagħhom għal regoli ġodda li qed jobbligaw kumpaniji multinazzjonali jibdew jiddikjaraw kemm iħallsu taxxa f'kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea sabiex b'hekk tkun miġġieleda l-evażjoni tat-taxxa. Meta adotta din il-leġiżlazzjoni, il-Parlament kien qed jagħlaq kapitlu li ilu għaddej  ħames snin hekk kif diversi Stati Membri rreżistew din it-tip ta' leġiżlazzjoni. 

Kumpaniji multinazzjonali u s-sussidjarji tagħhom, bi dħul li jiżboq is-€750 miljun u li huma attivi f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE issa jridu jibdew jippubblikaw l-ammont ta' taxxa li qed iħallsu f'kull stat membru bl-informazzjoni tkun pubblika u aċċessibbli fuq l-internet. 

Skont il-ftehim approvat mill-MEPs, sabiex tkun iffaċilitata l-informazzjoni pprovduta u tiżdied it-trasparenza, id-dejta pprovduta mill-kumpaniji trid tinqasam f'diversi partijiet, li jinkludu n-natura tal-attivitajiet tal-kumpanija, in-numru ta' ħaddiema full time, il-profitt u t-telf qabel it-taxxa tad-dħul, l-ammont ta' taxxa tad-dħul akkumulat u mħallas kif ukoll il-qligħ akkumulat. 

Jipproponu aktar salvagwardji kontra abbuż minn kumpaniji

Sussidjarji jew fergħat tal-kumpaniji li għandhom qligħ inqas mis-€750 miljun xorta jridu jippubblikaw l-informazzjoni kollha relatata mat-taxxa jekk huma meqjusin bħala kumpaniji li jeżistu biss biex jgħinu lill-kumpanija maġġuri tevita milli tirrapporta dak rikjest. 

Ir-rapporti dwar trasparenza fit-taxxa huma estiżi wkoll għal-Lista tal-UE għal Ġurisdizzjoni mhux-Kooperattivi fuq il-Listi s-Suwed u l-Griżi. Minkejja li l-MEPs riedu proviżjonijiet aktar b'saħħithom, ir-regoli l-ġodda xorta se jkunu qed jesponu taxxi "Ewropej" li qed jintilfu għal Tax Havens. 

F'Jannar ta' din is-sena l-UE kienet irrikonoxxiet li sitta mill-akbar 20 tax havens fid-dinja huma fil-fatt pajjiżi tal-UE. Studju tal-Osservatorju tat-Taxxi fl-UE kien qal illi madwar 80% tal-profitti li jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor fl-UE, jmorru f'tax havens. 

Il-co-rapporteur u l-MEP Evelyn Regner mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) sostniet illi l-persistenza ħalliet il-frott wara ħames snin ta' din il-leġiżlazzjoni li baqgħet teħel fil-Kunsill. "Għal wisq żmien korporazzjonijiet lagħbu skont regoli li ddeċidew huma stess u allura grazzi għat-trasparenza li se jipprovdu dawn il-bidliet."

Co-rapporteur ieħor Ibàn Garcia Del Blanco mill-ġdid mill-S&D qal illi l-adozzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni huwa tant mistenni, "li se joħloq preċedent għall-bqija tad-dinja." De Blanco sostna illi l-UE trid tneħħi il-prattika ta' segretezza madwar negozji multinazzjonali u kemm iħallsu taxxi. "Iċ-ċittadini, l-investituri, it-trade unions, ir-riċerkaturi u l-ġurnalisti għandhom dritt ikunu jafu din l-informazzjoni u l-korprorazzjonijiet iridu juru li qed iġibu ruħhom b'mod responsabbli."

Id-Direttiva se tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni u l-Istati Membri se jkollhom 18-il xahar sabiex idaħħlu din id-direttiva fil-Liġi nazzjonali, li jfisser illi n-negozji jridu jibdew isegwu din id-direttiva sa nofs l-2024. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024