‘Artisti taħt it-30 sena l-iktar li huma bla xogħol u l-iktar li jaċċettaw kuntratti prekarji’
L-artisti kienu qed jgħerqu, imma il-pandemija għerqithom iktar sakemm ma baqgħux jieħdu aktar nifs. Il-Parlament Ewropew jiddiskuti l-fatturi kruċjali li kissru lill-artisti, fosthom il-pandemija u l-Brexit filwaqt li elenkaw proposti li jwittu t-triq għall-irkupru
minn Marianna Calleja
L-artisti ta’ 30 sena u inqas huma l-iktar persuni qiegħda fl-Unjoni Ewropea u minflok impjieg stabbli jibqgħu jaħdmu bla ħlas u b’kuntratti prekarji. Dan kollu intqal fir-rapport tal-Parlament Ewropew li ġie addott. at fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru dwar is-sitwazzjoni tal-artisti fl-Unjoni Ewropea.
L-istess rapport indirizza problemi li qed iħallu toqol enormi mhux biss fuq l-artisti nnifishom iżda ukoll fuq l-ekonomija u saħansitra anke fuq is-saħħa b’mod speċjali dik mentali. Il-lista ta’ problemi hija waħda twila mhux ħażin iżda l-MEPs mill-Kumitat Ewropew għall-Kultura u l-Edukazzjoni ħadu ħsieb ukoll li jelenkaw numru ta’ proposti kif ukoll direttivi sabiex dawn il-problemi jiġu minimizzati u jekk hemm bżonn eliminati.
L-artisti u s-saħħa mentali
Is-saħħa mentali f’dan ir-rapport ġiet indirizzata minn bosta angoli differenti inkluż is-saħħa mentali bħala effett u anke is-saħħa mentali bħala kawża. L-effett u l-kawża tas-saħħa mentali ġew studjati fuq l-artisti nnifishom u saħansitra anke fuq l-udjenza.
Skont ir-rapport l-involviment fl-arti jidher li qed jikber fil-popolarità forsi għax aktar nies issa qed japprezzaw li l-arti u l-kultura jista’ jkollhom rwol siewi biex jgħinu lin-nies. Apparti li persuna tħossha tajba waqt li ssegwi, il-parteċipazzjoni fl-arti tista' tippermetti lin-nies jittrattaw firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet ta' mard mentali u tbatija psikoloġika.
Fl-istess ħin ir-rapport jirrikonoxxi li fis-snin li għaddew il-Parlament Ewropew mhux dejjem ta l-importanza mistħoqqa lill-arti. Fir-rapport, il-Parlament Ewropew jgħid li jiddispjaċih għall-fatt li l-attività kulturali ta' spiss ġiet ikkunsidrata bħala “mhux essenzjali.” Fakkar ukoll li l-kultura għandha rwol essenzjali fis-soċjetà tagħna, aktar u aktar waqt żmien ta’ kriżi, u appella għall-ftuħ mill-ġdid tal-ispazji kulturali kollha kemm jista' jkun malajr.
Intant ir-rapport jgħid lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li tajjeb u jkompli jħeġġeġ li jirrikonoxxu l-valur intrinsiku tal-kultura, ir-rwol fundamentali tal-kultura għas-soċjetà, il-progress, l-ekonomija wara l-arti u l-inklussività, iżda m’għandhomx jieqfu hemm. Ir-rapport jitlob lill-Kummisjoni imma b’mod speċjali l-Istati Membri biex isarrfu dan ir-rikonoxximent f'appoġġ u għajnuna finanzjarja adegwata u kontinwa.
L-artisti u l-ekonomija
Dan tal-aħħar ġie motivat mir-riżultati tal-istudju li seħħ qabel ma ġie adottat dan ir-rapport. L-istudju juri kif setturi u industriji kulturali u kreattivi jammontaw għal bejn 4% u 7% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) u 8.7 miljun impjieg fl-UE.
L-istudju jispjega wkoll kif il-pandemija tal-Covid-19 aggravat is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li jiffaċċjaw ħafna artisti.
Skont rapport riċenti ieħor miktub minn Ernst & Young – kwotat ukoll fl-istudju Ewropew – id-dħul fis-setturi kulturali u kreattivi niżel b’31% fl-2020 meta mqabbel mal-2019. Is-setturi ntlaqtu saħansitra agħar mit-turiżmu, li tilef 27% tad-dħul tiegħu. Fl-2020, is-settur kulturali tilef madwar €200 biljun fi dħul. Madankollu, l-impatt ekonomiku tat-twaqqif tal-produzzjonijiet kien evidenti biss fis-sena 2021.
Minkejja dan kollu, l-iktar punt interessanti li ħareġ fl-istudju u li imbagħad ġie enfasizzat fir-rapport kien li artisti taħt l-età ta’ 30 sena huma l-aktar qiegħda. Dan filwaqt li xi drabi ma jkollhomx għażla oħra għajr li jaċċettaw xogħlijiet bla ħlas u b’kuntratti prekarji li jwasslu għal abbuż u kundizzjonijiet tax-xogħol mhux adegwati.
Dan l-istess argument kien inqala’ lokalment fl-aħħar snin, fejn artisti fuq il-midja soċjali fetħu qalbhom dwar kif jiġu impjegati mingħajr ħlas bl-iskuża li “se jidher isimhom” fuq il-proġett u se jkollhom aktar xogħol ‘l quddiem grazzi għal dak l-impjieg. L-istess prattika bdiet saħansittra issir qalb l-istudenti inkluż f’kulleġġi lokali u r-rabja fost l-artisti kompliet tiżdied.
Skont il-Parlament Ewropew dan kollu qiegħed iseħħ minħabba bosta raġunijiet, bl-iktar waħda bażika hi li l-istati Membri mhux jieħdu s-settur tal-arti u l-kultura bis-serjetà. Dan iwassalna għar-raġuni għaliex l-artisti batew taħt idejn sfidi bħall-Covid-19 u Brexit.
Ir-rapport fakkar ukoll li m’hemmx definizzjoni waħda ta’ artist. Anke jekk ir-rapport ddefinixxa “artist” bħala kittieb, traduttur letteratju, produttur u ħafna iktar, l-Istati Membri ma jaqsmux bejniethom definizzjoni waħda ta’ “artist”.
Ħafna artisti ma setgħux jibbenifikaw mill-inizjattivi nazzjonali iżda wkoll dawk maħluqa mill-Unjoni Ewropea stess. Bid-definizzjoni mitlufa ta’ artist, numru ta’ Stati Membri sabu skuża faċli sabiex ma jgħinux finanzjarjament lill-artisti.
B’dan f’moħħna, ir-rapport fakkar ukoll li Brexit kellu effetti diretti fuq l-artisti hekk kif intemmu ħesrem il-fondi, il-korsijiet fuq bażi ta’ scholarships u saħansitra proġetti bħall-Erasmus. Numru ta’ MEPs, kemm permezz tar-rapport u anke fis-sessjoni plenarji ta’ qabel, semmew dan u b’diżappunt qalu li mhux xieraq li xejn għadu ma ġie msemmi meta diġà ġew diskussi l-effetti sekondarji ta’ Brexit f’seduti oħra.
‘L-artisti għandhom ikunu artisti, mhux assistenti tal-ħwienet’
Fid-diskors tiegħu, il-MEP Ġermaniż Christian Ehler mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) li kien ir-rapporteur ta’ dan ir-rapport, sostna li sfidi bħal Brexit u l-pandemija vera ma għinux imma lanqas huma skuża minħabba li l-problemi tal-artisti kienu diġà eżistenti u ilhom jiġu injorati.
Sostna li f’bosta pajjiżi artisti jaħdmu biss fuq bażi ta’ part-time jew inkella għal rashom. Għal darba oħra, dan jiddependi fuq numru ta’ fatturi iżda l-iktar waħda li jaf nirreletaw magħha aħna l-Maltin hi li numru ta’ Stati Membri għadhom jaraw l-arti u l-kultura bħala passatemp jew agħar, ħela ta’ ħin.
Ir-rapport insista li mhux xieraq li artisti jwarbu l-passjoni tagħhom fil-ġenb sabiex jaħdmu xogħlijiet oħra għax dak li huma jħobbu jagħmlu mhux jipprovdilhom il-ħobża ta’ kuljum. Qal li bħal ma kull xogħol ieħor hu importanti, artisti għandhom ikunu biss artisti u mhux assitenti tal-ħwienet, waiters jew mitt elf xogħol ieħor.
Huwa temm jgħid li hemm madwar tmien miljun ħaddiem minn din l-industrija li qed jispiċċaw esklużi mill-benefiċċji tal-qgħad jew mill-iskemi tal-pensjoni. Insista li qafas komuni fuq bażi Ewropea għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi li jagħmel is-sigurtà soċjali disponibbli għalihom hi l-unika triq ‘l quddiem.
Botta u risposta ma’ Wesley Ellul
Ma’ l-ewwel ħarsa, il-gazzetta ILLUM innutat li l-problemi msemmija fir-rapport jolqtu wisq viċin ta’ pajjiżna. Fejn rapporti oħra s-soltu jinkludu problemi li pajjiżna lanqas biss joħlom bihom, din id-darba l-problemi indirizzati kollha laqtu lill-Malta b’xi mod jew ieħor.
Biex niddiskutu aktar is-sitwazzjoni li l-artisti qegħdin fiha fuq livell lokali, il-gazzetta tkellmet ma’ Wesley Ellul, artist Malti. Il-gazzetta preżentat lil Ellul ftit mis-sitwazzjonijiet kwotati dirett mir-rapport u huwa qal fejn jaqbel, ma jaqbilx u għaliex.
‘Setturi u industriji kulturali u kreattivi jinkludu prinċipalment organizzazzjonijiet żgħar u ta’ daqs medju’
Ir-rapport jgħid li setturi u industriji kulturali u kreattivi jinkludu prinċipalment organizzazzjonijiet żgħar u ta’ daqs medju, Ellul jgħid mal-ILLUM li veru, imma sa ċertu punt.
Beda’ billi spjega li barra minn pajjiżna, iżda fl-Unjoni Ewropea stess, issib numru ta’ kumpaniji kulturali u kreattivi kbar. Anke jekk il-maġġoranza ta’ dawn il-kumpaniji jiffukaw fuq kunċerti, mużika u divertiment xorta jagħtu kontribut enormi lejn id-dinja tal-arti u l-kultura.
Biex inkunu semmejna ftit insibu, il-kumpanija Franċiża Vivendi li inkluż mar-ruxmata films u programmi tat-televiżjoni li tipproduċi kull sena għandha wkoll f’idejha l-pjattaforma DailyMotion. Insibu wkoll il-kumpanija Żvediża, Spotify, li żgur m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni.
Intant meta imbagħad iddur fuq Malta, dawn il-kumpaniji kbar ma tantx issibhom kif ġib u laħaq u minflok issib dawk li l-UE ddeskriviet bħala organizzazzjonijiet żgħar jew ta’ daqs medju.
‘Hu impossibbli li persuna tistudja u taħdem f’karriera artistika jew kulturali fuq bażi full-time’
Mir-rapport il-gazzetta fehmet li l-Parlament irid li karriera artistika jew kulturali, inkluż studju f’età żgħira, tkun aċċessibbli fuq bażi full-time iżda bħalissa kunċett bħal dan hu impossibli.
Ellul ma qabilx li f’Malta din mhux diġà qegħda fis-seħħ anzi żied jgħid li ħafna minn sħabu diġà jaħdmu bħala artisti fuq bażi full-time. Intant hu qabel li forsi mhux realistiku li persuna tistudja fil-fergħa kreattiva jew kulturali li qed taħdem fiha bħalissa minn età żgħira. Fakkar ukoll li bħalissa ngħixu fi żmien u fi spazju li jitlob għal iktar minn dixxiplina waħda.
Biex nagħtu eżempju: Kemm il-darba innutajt l-istess persuna taħdem reklam, tirreċta fid-dramm, tieħu kostumi ta’ produzzjoni oħra filwaqt li tippreżenta programm fuq ir-radju? Bla ma trid tgħid, ‘din kemm hi bassa!’ Fil-verità dik tkun qed tagħmel ix-xogħol li hu mitlub minnha, li hemm bżonn isir sabiex tibqa taħdem xogħol artistiku fuq bażi full-time.
‘Il-pandemija ggravat problemi f’dan is-settur li kienu jeżistu qabel’
Nirreferu għal-kliem tal-MEP Ġermaniż, Christian Ehler mill-PPE, il-pandemija emfassizat problemi li fil-verità kienu diġà eżistenti minn qabel. Skontu il-pandemija hi biss “skuża ġdida”.
F’dan il-każ, Wesley Ellul qabel perfettament. Sostna li l-isfida prinċipali f’pajjiżna għandha għeruq ferm b’saħħithom u mhux se tissolva permezz ta’ rapport biss. Din l-isfida teħtieġ bidla ta’ taħt fuq, kemm fl-attitudni, fl-ideoloġija ta’ ħafna u anke fl-edukazzjoni.
“L-isfida li qed inħabbtu wiċċna magħha lokalment hi li ngħallmu l-artist kif ikun artist imma ma ngħallmux l-artist kif jagħmel flus minn xogħlu,” qal Ellul.
Stqarr li kieku huwa ma kellux moħħ ta’ negozjant, iħoss li ma kienx ikampa. Ellul temm jgħid li jemmen b’qalbu kollha li kieku artist ngħallmuh jibda jagħmel flus minn xogħlu jaf jieqaf jiddependi fuq il-fondi u l-opportunitajiet ta’ darba. Minflok jibda jkollna individwali li jirnexxu f’settur artistiku u sostenibbli bħal kwalinkwe settur ieħor.
Artisti li jaċċettaw jaħdmu bla ħlas għax se jidher isimhom qed iwaqqgħu l-ġebla fuq saqajhom ?
Il-gazzetta ILLUM ma setgħetx ma tistaqsix lil Ellul, “jekk l-artisti jaċċettaw jaħdmu bla ħlas, allura għaliex għandi nħallas għas-servizz ta’ artist ieħor?” Għal din Ellul infaqa jidħak, allura l-gazzetta reġgħet qaltlu “ma taħsibx li qed iwaqqgħu l-ġebla fuq saqajhom?”
Din id-darba, xorta bi tbissima, wieġeb li din hi sikkina taqta’ miż-żewġ naħat. Ammetta li ma jistax għaliha li persuna ma titħallas xejn għas-servizz li provdiet bl-iskuża li ‘se jidher isimha’ iżda fl-aħħar mill-aħħar xi drabi ma jkunx hemm għażla oħra.
Bħala eżempju, Ellul stieden lill-gazzetta tixgħel televiżjoni u tinnota programmi bħal X Factor. Programmi bħal dawn, skont hu, qegħdin jużaw it-talenti ta’ artisti bravi mingħajr ma jħallsu filwaqt li jwegħduhom premju fl-aħħar tal-kompetizzjoni.
L-istess argument sar fis-snin ta’ qabel minn numru ta’ esperti u fanatiċi tal-Eurovision. Kienu ħafna li argumentaw li artist, f’dan il-każ kantant, qiegħed jagħti wirja eċċezzjonali u ħafna drabi bla ħlas.
Ellul temm jgħid li għalkemm din il-prattika qegħda tonqos fil-produzzjonijiet teatrali, xorta għadha issir fuq it-televiżjoni u anke fis-settur mużikali.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.