'Il-ġlieda kontra l-flus maħmuġin hija ġlieda favur id-demokrazija fl-UE'

Tkellem ħafna fuq Malta imma jagħmilha ċara li hu qatt ma kellu aġenda kontra Malta u lanqas se jkollu. Jisħaq li l-aġenda tiegħu hija kontra l-ħasil tal-flus, l-attakki fuq ġurnalisti Ewropej u fuq minoranzi. Il-gazzetta ILLUM tintervista lill-MEP Sven Giegold ... 

L-MEP Ġermaniż mill-Partit tal-Ħodor, Sven Giegold
L-MEP Ġermaniż mill-Partit tal-Ħodor, Sven Giegold

'Il-ġlieda kontra l-flus maħmuġin u kontra l-globalizzazzjoni tal-kriminalità hija ġlieda favur id-demokrazija tagħna." Hekk saħaq f'intervista - bħala parti mill-kampanja Ewropej -  mal-gazzetta ILLUM l-MEP tal-Partit Ewropew tal-Ħodor Sven Giegold, isem magħruf f'Malta hekk kif kien membru ta' delegazzjonijiet li ġew pajjiżna biex, fost oħrajn, jevalwaw is-saltna tad-dritt f'Malta, wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-iskandlu tal-Panama.  

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Giegold għalfejn jaħseb li fl-aħħar snin kien hawn bħal "mewġa" fl-attakki kontra ġurnalisti, inkluż assassinji: Fosthom ta' Caruana Galizia f'Malta, Jan Kuciak fl-Islovakkja, Giorgos Karaivaz fil-Greċja u anke Peter R De Vries fl-Olanda. Dan apparti - li kif irrappurtat din il-gazzetta stess u kif intqal fil-Parlament Ewropew waqt diskussjoni li ġiet organizzata mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew, kienet ikkwotata statistika minn Lutz Kinkel, id-Direttur Maniġerjali taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Midja, li turi illi matul l-2020 fil-pajjiżi kollha tal-UE u anke r-Renju Unit kien hemm 425 ilment minn ġurnalisti jew nies fil-midja. Dawn l-ilmenti kienu ġejjin minn 1,181 persuna jew entità affetwata, minn 29 pajjiż.  

Mal-ILLUM Giegold jgħid li dawn l-assassinji huma riflessjoni tal-mewġa tal-globalizzazzjoni tal-kriminalità hekk kif jisħaq li l-Ewropa trid "tiġġieled lura."  

'Sistema li tagħti l-impressjoni li għax għandek il-flus int 'l fuq mill-Liġi' 

Huwa rrefera għall-Pandora Papers u anke l-Panama Papers u sostna li l-problema hija sistema maqsuma madwar l-UE b'attitudnijiet differenti lejn reati differenti. "Qegħdin f'sitwazzjoni fejn jekk xi ħadd jisraq xi ħaġa jiġi akkużat quddiem il-Qorti, pero' jekk iwettaq reat finanzjarju, xejn ma jiġri." 

Huwa staqsa min tressaq u ġie akkużat fuq il-Panama Papers f'Malta, per eżempju, għalkemm sostna diversi drabi li l-ġlieda tiegħu mhijiex kontra Malta imma r-reati finanzjarji jsiru fejn isiru.  

"Fir-Renju Unit għandna l-membri tal-Mafja jixtru l-proprjetà, fil-Ġermanja nies "foqra" li mbagħad għandhom kontijiet mimlijin flus barra mill-pajjiż, f'Malta wkoll, nies li jbiegħu l-passaporti lill-kriminali Russi..." jgħid l-MEP Ġermaniż. Huwa jerġa' jisħaq li l-ġlieda tiegħu qatt ma kienet kontra Malta, imma kontra r-reat u ammetta li l-Ġermanja hija "riskju" u "spazju għall-ħasil tal-flus." 

Huwa sostna li din is-sistema qed tiftaħ il-bibien għal reati finanzjarji li jikxfu ġurnalisti, li imbagħad ikunu mhedda jekk mhux attakkati wkoll.  

"Hija perikoluża sistema li tagħti l-impressjoni li għax għandek il-flus, inti 'l fuq mill-Liġi," sostna Giegold li mbgaħad wieġeb il-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta dwar taxxa komuni għall-kumpaniji fl-UE.  

'It-taxxi jeħtieġ jitħallsu fil-pajjiż fejn qed isir il-qligħ' 

Din tat-taxxa komuni Malta ilha tiġġilidha  u qabel, kellha alleat fir-Renju Unit. Permezz ta' rati vantaġġjużi ta' taxxa fuq kumpaniji diversi, kumpaniji jirrilokaw imqar parti żgħira jew inkella uffiċċju f'pajjiż minn fejn imbagħad iħallsu t-taxxa, anke jekk f'dak il-pajjiż ma jkunu qed iħaddmu lil ħadd u ma jkollhomx l-operat. Jiġifieri huma jużaw l-indirizz f'dak il-pajjiż biex minflok iħallsu rata ta' taxxa f'pajjiżhom, iħallsu rata ferm inqas f'pajjiż ieħor.  

Malta ggwadanjat sew minn din is-sistema, li qed issib oppożizzjoni qawwija minn dawk il-pajjiżi fejn il-kumpaniji kbar li qed iħallsu t-taxxa hawn, fir-realtà qed joperaw. U l-Ħodor jinsabu fuq quddiem f'din il-battalja.  

Giegold jikkonferma dan u jinsisti li din is-sistema hija waħda inġusta u li "t-taxxi jeħtieġ jitħallsu fil-pajjiż fejn qed isir il-qligħ." 

Huwa qal illi dwar din is-sistema saru passi 'l quddiem u progress għalkemm isostni li għad hemm Gvernijiet Ewropej li qed jiddefendu dawn il-mudelli ta' negozju. Huwa jfakkar li hemm qbil internazzjonali u dan għandu jkun ratifikat. Hu kien qed jirreferi għall-qbil bejn pajjiżi tal-OECD għal - fost oħrajn - rata minima ta' taxxa ta' 15% għal dawk il-kumpaniji li jagħmlu aktar minn €750 miljun fi dħul.  

'Inkwetat ħafna...' 

U finalment din il-gazzetta tistaqsi wkoll dwar id-drittijiet ċivili fl-UE - kwistjoni oħra li qed tiġi diskussa ħafna fil-Parlament Ewropew.  

Jinkwieta Giegold meta jisma' stejjer mill-Ungerija u l-Polonja dwar LGBTIQ-Free Zones jew narrattiva politika xenofobika? 

"Iva ninsab inkwetat ħafna bis-sitwazzjoni f'ċerti pajjiżi," jisħaq Giegold li jfaħħar il-passi 'l quddiem ta' Malta fil-qasam tad-drittijiet ċivili.  

"Qed naraw sfidi madwarna ta' attakki kontra nisa, kontra nies LGBTIQ, Lhud, kontra nies Musulmani u anke Iżlamiċi intolleranti lejn ħaddieħor," saħaq Giegold mal-ILLUM.  

Huwa kompla jgħid illi l-Partit tal-Ħodor jinsab fuq quddiem kontra "l-assalt fuq il-valuri Ewropej" u saħaq li ma tistax tiddisprezza dawn il-valuri, imbagħad tmur titlob għall-fondi Ewropej.  

Mistoqsi kemm jaħseb li se tkun effettiva din u jekk jaħsibx li kollox se jieqaf fil-Kunsill Ewropew, Giegold qal illi l-afffarijiet qed jimxu, tant huwa hekk li pajjiżi bħal Polonja u l-Ungerija għad għandhom flus li ma ġewx ipproċessati, proprju minħabba mistoqsijiet u dubji dwar diversi kwistjonijiet li jolqtu l-valuri kruċjali tal-UE.  

Min huwa Sven Giegold? 

Sven Giegold huwa politiku Ġermaniż, li iżda twieled fil-Gran Canaria. 

Huwa kien elett fil-Parlament Ewropew fl-2009 u kellu diversi rwoli f'Kumitati differenti tal-istess Parlament.  

Huwa kien ukoll - kif hemm diġa' referenza fl-artiklu - membru tal-Kumitat PANA - Il-Kumitat tal-Inkjesta kontra l-Ħasil tal-flus u l-Evażjoni tat-Taxxa, li investiga l-Panama Papers u allura li permezz tiegħu kien ġie Malta.  

Wara l-elezzjonijiet tal-2019 Giegold kien ħadem fuq Grupp li ħa ħsieb li jfassal programm ta' ħames snin fuq politiki ekonomiċi u fiskali tal-Parlament Ewropew. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024