Il-bidla fil-klima kif se taffetwani? Il-kif u x'fatta dwar l-akbar theddida quddiem id-dinja!
Il-gazzetta ILLUM tanalizza riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima, li tiftaħ tieqa fuq l-isfidi kbar u anke s-soluzzjonijiet, biex nibdew infejqu l-pjaneta tagħna...
minn Albert Gauci Cunningham
Qed isir ħafna diskors dwar il-Bidla fil-Klima u din il-kwistjoni bil-mod il-mod qed titla' fuq nett tal-aġenda, speċjalment taż-żgħażagħ. Imma għal ħafna u ħafna oħrajn din għadha kwistjoni xi ftit jew wisq astratta li ngergru fuqha meta jkollna sajf sħana toqtol u nixfa assoluta bħal dak li għadda, li mbagħad malajr tintesa' meta t-temp jiffriska u jibda jkollna maltemp ta' sikwit kif kellna kważi kuljum din il-ġimgħa.
Imma din il-Bidla fil-Klima x'differenza reali se tagħmilli? Se tagħmillek u kif! Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tfakkar illi l-Baħar Mediterran - il-baħar li jdawwarna - qed jisħon 20% aktar malajr mil-medja globali. U dan xi jfisser? Ifisser li speċi differenti ta' ħut qed iħarsu lejn l-estinzjoni tagħhom, li tfisser li mhedded l-ikel tagħna, li jfisser illi jogħla l-prezz kif ukoll iżda jfisser li eluf ta' kumpaniji u miljuni ta' impjiegi madwar l-UE, inkluż f'Malta, jinsabu f'riskju. Dan apparti li s-sajjied tradizzjonali u żgħir ikompli jara l-għixien tiegħu aktar u aktar mhedded.
Ir-riżoluzzjoni tal-PE li tressqet fil-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima fi Glasgow, l-Iskozja, tfakkar illi madwar 250 miljun persuna li jgħixu madwar l-ibħra tagħna jinsabu fil-periklu li jsiru "water-poor" - jiġifieri foqra f'termini ta' aċċessibilità tal-ilma minn issa u 20 sena oħra.
"Dawn il-bidliet se jwasslu għal tibdil irriversibbli fl-ekosistema tal-Mediterran," ifakkar ir-rapport. Imma dan xi jfisser eżattament għalik? Ifisser illi fil-baħar mhux biss jonqsu ċerti speċi iżda hemm il-periklu li jidħlu ċerti speċi li jkunu aljeni u xi kultant anke perikolużi għall-bniedem għaliex huma mdorrijin jgħixu f'baħar li jkun aktar sħun milli normalment ikun il-Mediterran.
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jisħaq illi l-Unjoni Ewropea tieħu passi b'mod urġenti u tikkoopera mal-imsieħba Mediterranji biex flimkien jaħdmu għal miżuri li jiġġieldu din ir-realtà!
Il-perikli tad-deżertifikazzjoni u l-importanza tal-ilma
Il-gazzetta ILLUM fi storja li kienet dehret fil-faċċata tal-ħarġa ta' nhar l-14 ta' Awwissu 2016 kienet ikkwotat lil Alfred Baldacchino jgħid li jekk is-sitwazzjoni mhux se tinbidel Malta se tibda riesqa biex issir deżert.
Minkejja dubji u ċiniżmu dakinhar, illum il-kliem "se nsiru deżert" qed narawhom u naqrawhom ħafna iktar.
U l-Parlament Ewropew fil-fatt iwissi dwar dan f'din ir-riżoluzzjoni meta jfakkar "fl-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku devastanti li jkollu l-proċess ta' deżertifikazzjoni." Għalhekk jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm politika aktar komuni li tipprevjeni u tadatta għal dan il-fenomenu, l-aktar billi tkun isssottolineata l-importanza kbira tal-ilma!
U dan ir-rapport ma jistax jiġi fi żmien aħjar milli issa. Din ix-xita kollha li għamlet u l-ilma kollu li għamel u wieħed jistaqsi: Imma dan l-ilma kollu fejn mar? Ħadna ħsiebu għal meta ma jkollniex? Jew ħallejnih igelgel kollu għal ġol-baħar?
Ir-riżoluzzjoni tfakkar li l-ilma huwa importanti ħafna għat-tnaqqis tal-effetti li ġġib l-Bidla fil-Klima, għax apparti milli jgħin biex jikbru l-pjanti, l-ilma jgħin biex jitkattru mikro-organiżmi u allura aktar materja organika u allura ħamrija li fiha żżomm aktar karbonju.
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jisħaq dwar l-importanza li jkun hemm sistema li permezz tagħha jkun miġbur l-ilma.
"Nemfasizzaw l-importanza li nirrikonoxxu l-valur tal-ilma u l-irwol tiegħu fil-Bidla fil-Klima ... nirrikonoxxu l-fatt li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-ilma, l-immaniġġjar tiegħu, is-sorveljanza tiegħu u l-aċċessibilità ta' ilma tax-xorb kollha jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet."
L-akbar ammont ta' CO2 f'tliet miljun sena!
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tagħti ħarsa lejn il-kontinent u anke d-dinja u kif din il-bidla qed iseħħ u x'inhuma l-effetti tagħha.
Tfakkar li illi qatt daqs ma kien hawn Dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-atmosfera daqs illum, fi tliet miljun sena, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Metereoloġija. Dan filwaqt li l-2020 kienet waħda mill-aktar snin sħan fl-istorja.
Ir-riżoluzzjoni tfakkar ukoll li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi l-importanza li tiġi assigurata l-integrità tal-ekosistemi, inkluż tal-oċeani." U huwa hawnhekk li nerġgħu mmorru fuq il-kwistjoni tal-baħar u l-oċeani u l-importanza tagħhom.
"Il-preservazzjoni tal-oċeani mhijiex biss importanti għax huma sors primarju ta' ikel, imma wkoll importanti għaċ-ċiklu tal-karbonju li jirregola l-klima u jipproduċi ħafna mill-ossiġenu li aħna nitfgħu ġo fina meta nieħdu nifs!"
Tfakkar din ir-riżoluzzjoni li s-saħħa tal-oċeani tagħna tiddetermina sew il-klima, anke jekk bħalissa l-ekosistemi marittimi huma mhedda mit-tniġġiż, użu eseġerat tal-biodiversità tal-baħar u anke t-tnaqqir tal-kosta.
Jekk jinħall is-silġ...
L-idea ta' ħafna hija li meta naraw xi filmat jew dokumentarju ta' silġ idub, dak isir ilma u daqshekk! Waqafna hemm!
Dak huwa biss dak li jaraw għajnejna, hekk kif kwart tal-Artiku u l-Emisferu ta' Fuq huma art permanentement miksija bis-silġ, dak magħruf bħala il-Permafrost.
Meta dan idub - u r-riżoluzzjoni tfakkar li dan qed iseħħ b'rata bla preċedent - jirrilaxxa ammonti kbar ta' gassijiet serra hekk kif dan is-silġ huwa riżerva ta' gassijiet serra, b'ammonti kbar ta' CO2, fost oħrajn. Dan ir-rilaxx jista' jaggrava u jaċċellera t-tisħin tad-dinja.
Ir-riżoluzzjoni tesprimi "tħassib gravi" dwar interess f'riżervi ta' fjuwils fl-Artiku, liema riżervi qed isiru aktar aċċessibbli minħabba li s-silġ qed idub. Tfakkar fil-vulnerabilità tal-eko-sistema tal-Artiku u d-diffikultà kbira biex jitnaddaf żejt li jinxteħet fl-ekosistema minħabba splużjonijiet, pajpijiet li jinqasmu jew inkella inċidenti bejn vapuri.
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jitlob li jsir moratorju fuq l-esplorazzjoni taż-żejt fl-Artiku!
Finalment tinnota illi l-emissjonijiet mill-karbonju iswed mill-vapuri, żdied bi 12% madwar id-dinja bejn l-2012 u l-2018, imma b'85% fl-Artiku bejn l-2015 u l-2019. Għalhekk il-Parlament qed isejjaħ għal azzjoni immedjata biex jitnaqqsu l-vapuri fl-Artiku u kkundanna dawk li sejjaħ "toqob fil-Liġi" fil-Projbizzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-użu tal-Heavy Fuel Oil fl-Artiku. Ir-riżoluzzjoni titlob li kull vapur tal-UE li jkunu viċin l-Artiku jeħtieġ li juża filters li jnaqqsu l-emissjonijiet b'90%.
250,000 aktar imwiet kaġun tal-Bidla fil-Klima
Ir-riżoluzzjoni tfakkar illi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa l-Bidla fil-Klima proġettata li se tfisser madwar 250,000 mewt aktar sal-2030, bl-ispiża fuq il-qasam tas-saħħa mistennija tkun bejn $2 u $4 biljuni sal-2030.
Fakkru wkoll illi tibdil fil-klima jista' jwassal għal speċi ġodda, li jadattaw malajr għal ambjent uman li jwasslu għal tixrid ta' mard ġdid. Ifakkru wkoll li l-Bidla fil-Klima u t-tniġġiż tal-arja huma u se jkomplu jkunu fatturi ewlenin li se jkomplu jżidu mal-madwar 4.2 miljun mewt kull sena ikkawżati mit-tniġġiż u riżultat ta' attakki ta' qalb, kanċer fil-pulmun u mard respiratorju, fost oħrajn.
Waqqfu is-sussidji fuq fjuwils li jħammġu u karozzi emissjoni żero!
Intant, fost elenku sħiħ ta' proposti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hemm il-bżonn li "b'mod urġenti jitwaqqfu s-sussidju fuq il-fjuwils li jħammġu."
Tfakkar li s-sussidji li jingħataw fl-UE għal dawn it-tip ta' fjuwils huwa ta' madwar €50 biljun. Għalhekk din ir-riżoluzzjoni daqstant estensiva qed titlob lill-Istati Membri kollha biex iwettqu tragwardi u politiki ta' tneħħija ta' dawn is-sussidji sal-2025.
Intant ir-riżoluzzjoni fakkret li skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija sabiex jintlaħaq sitwazzjoni ta' emissjonijiet żero sal-2050, il-karozzi kollha li joħorġu fis-suq iridu jkunu emissjoni-żero sal-2035. "Sabiex l-Ewropa tkun klimatikament newtrali sal-2050, virtwalment il-karozzi kollha jridu jkunu emissjoni-żero sa dik is-sena."
Finalment din ir-riżoluzzjoni titlob ukoll lill-Istati Membri tal-UE biex jaħdmu aktar ħalli jippropmovu prattiċi aktar ambjentalment sostenibbli fil-biedja, li tfakkar illi hija l-kawża ta' 10% tal-emissjonijiet serra fl-arja! Dan jista' jsir billi aktar nies jieklu aktar ħaxix jew ikliet ibbażati fuq il-ħaxix, aktar milli laħam.
Fil-fatt, kont taf li l-baqar huma parti mill-problema ta' dawn l-emissjonijiet serra?
Jiġifieri dan huwa ċirku. Il-Bidla fil-Klima mhux biss taffetwana imma qed ninkontribwixxu aħna lkoll għaliha, min b'mod u min b'ieħor! Għalhekk is-soluzzjonijiet għaliha mhumiex faċli, imma din ir-riżoluzzjoni - għallinqas fuq il-karta - turi li fil-Parlament Ewropew teżisti r-rieda għall-bidla!
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.