Il-Parlament Ewropew jappella biex il-poteri fit-Tuneżija ma jkunux ikkonċentrati wisq f'idejn il-President

536 MEP jappellaw għall-ħarsien tas-saltna tad-dritt u inqas poteri f'idejn il-President

Il-President Tuneżin
Il-President Tuneżin

Membri Parlamentari Ewropej qed jisħqu li t-Tuneżija tmur lura għal normalità fil-mod kif tiffunzjona politikament, filwaqt li appellaw lill-awtoritajiet għal djalogu inklussiv. F'riżoluzzjoni quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Barranin kien espress tħassib serju għal poteri li dejjem iktar qed jiċċentralizzaw f'idejn persuna waħda u appellaw għar-rispett lejn is-saltna tad-dritt. 

Fit-Tuneżija s-sitwazzjoni ekonomika ħażina kienet aċċentwata mill-Covid-19 li ggravat lis-servizzi tas-saħħa bil-qawwi, b'mijiet ta' pazjenti jmutu kuljum u mxija qawwija fil-pajjiż matul is-Sajf. It-Tuneżija, fil-fatt, kellha l-ogħla rata ta' mwiet mill-Covid-19 fl-Afrika kollha f'punt minnhom. Dan kollu wassal għal protesti u dimostrazzjonijiet - uħud vjolenti - madwar il-pajjiż kollu li waslu biex il-President Tuneżin Kaïs Saïed keċċa lill-eks Prim Ministru Tuneżin Hichem Mechichi. Il-President iżda mar pass oltrè u kien saħansitra waqqaf il-Parlament milli jkompli jopera sakemm tgħaddi l-kriżi u neħħa l-immunità tad-Deputati, perjodu li imbgħad kien reġa' estenda. 

Il-Parlament Ewropew kien diġà esprima tħassib dwar wisq poteri f'idejn Kaïs Saïed. Fi stqarrija nhar id-29 ta' Lulju l-MEPs kienu ddikjaraw li huma jqisu li huwa essenzjali li jiġi ppreservat il-progress kollu li nkiseb mill-poplu Tuneżin wara r-rivoluzzjoni u fl-aħħar 10 snin, l-ewwel u qabel kollox il-Kostituzzjoni tagħha.

F'din ir-riżoluzzjoni mressqa issa l-MEPs qed jisħqu li l-Kostituzzjoni tal-pajjiż jeħtieġ tkun ippreservata u li l-pajjiż għandu bżonn Parlament li jiffunzjona u leġittimu. 

Huma sejħu għal ritorn ta' demokrazija sħiħa u t-tkomplija tal-attività Parlamentari kemm jista' jkun malajr, bi pjan ċar biex il-pajjiż jirritorna għal stat li jiffunzjona b'mod normali.

Ir-riżoluzzjoni qed issejjaħ lill-awtoritajiet sabiex ma joħolqux inċertezza b'sorveljanza statali, arresti u projbizzjonijiet fuq safar filwaqt li jgħidu illi ġurijiet minn Qrati militari huma "problematiċi." Għalhekk l-MEPs ta' dan il-Kumitat sejħu għal ġudikatutura indipenenti li tiġi rrestawrata mill-ġdid, riforma tal-Qrati militari u t-tmiem ta' ġurijiet militari ta' ċittadini normali. 

Saħqu illi l-awtoritajiet għandhom b'mod effettiv ikomplu djalogu nazzjonali li jinkludi lis-soċjetà ċivili, li jfakkru illi fit-Tuneżija hija żviluppata sew u lagħbet rwol fundamentali fit-tisħiħ tat-Tuneżija bħala pajjiż demokratiku sa mill-2011. 

'Iggarantixxu drittijiet ugwali bejn nisa u irġiel'

Intant il-Parlament Ewropew innota wkoll kif il-President appunta lil Najla Bouden Ramadhan bħala Prim Ministru fid-29 ta' Settembru li għadda u b'kollox inħatru 10 Ministri nisa. Minkejja li saħqu li dan huwa pożittiv appellaw lill-President biex jappoġġja l-passi kollha sabiex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun garantita f'kull sfera tal-ħajja, inkluż f'liġijiet li jeħtieġ ikunu riformati bħad-drittjiet ta' nisa li jirtu, kustodja tat-tfal, drittijiet fil-qasam tax-xogħol u drittijiet dwar aspetti domestiċi. 

Huma ssottolinejaw il-bżonn li l-kriżi soċjo-ekonomika tal-pajjiż tkun indirizzata hekk kif it-Tuneżija u jappellaw lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tgħin bi programmi li direttament jgħinu ċittadini Tuneżini. Huma qalu li din l-għajnuna għandha tinkludi għajnuna fil-qasam tas-saħħa, anke fid-dawl tal-pandemija.

Ir-riżoluzzjoni għaddiet b'534 vot favur, 45 kontra u 106 astensjoni. 
 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024