Minn ċella kiesħa fir-Russja, Alexeï Navalny jirbaħ il-Premju Sakharov għall-2021

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-finalisti tal-Premju Sakharov għall-2021. Premju ta’ €50,000 li jingħata mill-Parlament Ewropew għall-kuraġġ, qlubija u l-ġlieda għal-libertà tal-espressjoni u l-kelma

Innominat mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) għal kuraġġ tiegħu biex jiġġieled il-korruzzjoni taħt il-Gvern ta’ Vladimir Putin, Alexeï Navalny huwa r-rebbieħ tal-Premju Sakharov għas-sena 2021. Interessanti l-fatt li Alexeï Navalny, blogger russu prominenti u l-unika nemesi ta’ Putin li verament ikexkex l-avversarju tiegħu, qiegħed il-ħabs   

Il-finalisti l-oħra kienu l-eks President Bolivjana Jeanine Áñez, innominata mill-Grupp Ewropew tar-Riformisti u Konservattivi, u grupp ta’ 11-il mara Afgani, innominati mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti Demokratiċi u l-Partit tal-Ħodor. 

Huma ġew magħżula bħala finalisti bil-voti konġunti ta’ żewġ kumitati, il-Kumitat Ewropew tal-Affarijiet Barranin u l-Kumitat Ewropew tal-Iżvilupp, fl-14 ta’ Ottubru. L-Erbgħa li għadda ġie mħabbar Navalny bħala r-rebbieħ wara li ġie magħżul bħala mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u mexxejja politiċi ewropej oħra. Il-pass li jmiss jeħodna għal 15 ta’ Diċembru fejn Navalny, jekk joħroġ mill-ħabs, jiġbor il-premju minn Strasburgu, iżda għalissa ejja nagħtu ħarsa lejn it-tlett finalisti tal-Premju Sakharov. 

 

Imsejjaħ l-unika theddida umana ta’ Vladamir Putin u l-unika ħjiel għal oppożizzjoni fir-Russja, Alexeï Navalny 

Alexeï Navalny, blogger, attivist politiku u l-iktar kritiku aħrax ta’ Putin
Alexeï Navalny, blogger, attivist politiku u l-iktar kritiku aħrax ta’ Putin

Vladimir Putin ilu fil-quċċata tax-xena politika Russa mill-1999, l-ewwel bħala president, imbagħad bħala Prim Minisru imbagħad bħala President għal-darba oħra mill-2012 sal-lum. Huwa biddel il-kostituzzjoni Russa sabiex hu jibqa’ jiddomina r-Russja filwaqt li ħakem il-ħames pilastri tad-demokrazija. 

Hawn fejn jidħol Alexeï Navalny, blogger, attivist politiku li ġġieled il-koruzzjoni tal-Gvern Russu u l-iktar kritiku aħrax ta’ Putin. B’miljuni ta’ segwaċi, is-sit tiegħu juri “l-fond tal-korruzzjoni fil-qalba tar-Russja ta’ Putin.” 

Fil-fatt kienu eluf ta’ segwaċi minn tiegħu li ħannqu t-toroq Russi iktar minn darba b’protesti kbar saħansittra f’Jannar li għadda meta Navalny sab ruħu maqful ġo ċella wara r-ritorn tiegħu mill-Ġermanja.  

Sa minn qabel l-2020, Alexeï Navalny kien diġà għamel isem għalih innifsu u saħasittra prova joħroġ għall-elezzjoni kontra Vladmir Putin stess. Il-Gvern ta’ Putin kien attakka lura b’akkużi foloz ta’ frodi u għalekk kien ġie eliminat mill-elezzjoni.  

Wara, hu ħareġ b’mossa aqwa wara li kien innota li l-elezzjoni Russa hi maħduma bħal bizzilla hekk kif fuq il-karta tal-vot, Putin kien qiegħed iniżżel il-Partit tiegħu, ‘Russja Maqgħuda’, u żewġ jew tliet partiti oħra ffabrikati kollha minnu. Minħabba li n-nies qatt ma jkunu semgħu b’dawk il-partiti, iċ-ċans li l-poplu jivvota lil Putin kien akbar.  

Dan kollu mmotiva id-diskors ta’Awissu tal-2020 fejn Navalny mis-Siberja, post fejn kienu qegħdin iseħħu elezzjonijiet reġjonali, appella biex il-pubbliku jwaqqa’ l-Gvern Russu billi jivvota wieħed mill-partiti l-oħra biss. Ftit wara, sar l-attentat ta’ omiċidju fuq Navalny. 

Dan ġara ftit ġimgħat wara li filmat kien mar viral. Ftit minuti wara li rikeb ajruplan mis-Siberja għal Moska, hu ħassu ma jiflaħx u ntilef minn sensih. L-ajruplan niżel Omsk u minn hemm ġie mmexxi ġo sptar Ġermaniż għal sigurtà aħjar. Huwa baqa’ f’koma għal ġimagħtejn u ġie magħruf li huwa kien ġie vvelenat fin-nervituri b’arma kimika msejħa ‘novichok’.  

Issa din ‘novichok’ hija sustanza perikoluża immens li mhux eżattament tista’ taħmiha fil-kċina tad-dar. Din il-kimika li tista’ tkun trab jew likwidu tiġi magħmula ġo laboratorji avvanzati li ‘kumbinazzjoni’ huma kważi kollha kontrollati mill-Gvern Russu. 

Għal-bidu in-nies ħasbu li xi tip ta’ velenu kien ingħata lil Alexeï Navalny ma’ kikkra te’ iżda fil-verità li ġara kien li din il-kimika ġiet bil-għaqal meħjuta fil-qalziet ta’ taħt ta’ Navalny. Dan ġie żvelat mill-ġurnalist stess wara li rintraċċa nies li emmen li kellhom rwol fl-avvelenament tiegħu. Filwaqt li kien qed jippretendi li huwa uffiċjal tas-sigurtà huwa rnexxielu jqarraq b’esperti sabiex jammettu dak kollu li hu f’qalbu kien diġà jaf, li l-Gvern Russu ridu ġo qabar. 

Għal-bidu ta’ din is-sena, Alex Navalny irritorna lejn ir-Russja, kompletament konxju li se jiġi arrestat, iżda mhux qabel ma pprepara u investiga l-ikbar storja tiegħu sa issa. Storja li ġiet ppublikata jumejn wara l-arrest tiegħu, l-istorja tal-kastell ta’ Vladmir Putin mibni kollu mit-taxxi tal-poplu. 

Kienu ilhom ix-xnigħat li Putin kellu kastell, għal wieħed qalu li kellu tnejn, kollha mibnija b’flus il-poplu, flus korrotti u flus ta’ tixħim. Fil-filmat tiegħu, il-ġurnalist ikkonferma uħud mix-xnigħat filwaqt li ddeskriva il-kastell li fih ukoll casino, bajja personali u skating rink. 

Minn dakinhar ‘l hawn Alexeï Navalny baqa’ msakkar f’ċella fir-Russja, minkejja il-ħafna protesti u biżà għas-sigurtà tiegħu. Iż-żmien biss jgħallimna u d-destin biss jaf jekk Navalny hux se jkun disponibbli biex jiġbor hu stess il-premju, imma sa dak iż-żmien, il-ġurnalist se jibqa’ magħruf bħala l-unika raġel li jwerwer lil Putin iktar mill-Babaw. 

 

Il-mara li spiċċat f’ċella għax iġġieldet il-frodi elettorali tal-Eks President Bolivjan Evo Morales,  Jeanine Áñez 

Jeanine Áñez, politikanta Bolivjana u l-eks President tar-Repubblika tal-Botswana
Jeanine Áñez, politikanta Bolivjana u l-eks President tar-Repubblika tal-Botswana

Jeanine Áñez hija politikanta Bolivjana li temporanjament kienet ukoll il-President tar-Repubblika tal-Botswana mit-12 ta’ Novembru tal-2019 sat-8 ta’ Novembru tal-2020.  

Hija ħadet il-presidenza wara r-riżenja u t-tluq sussegwenti mill-pajjiż tal-President ta' dak iż-żmien, Evo Morales, wara li hu u l-alleati tiegħu allegatament wettqu atti ta' frodi elettorali. Jeanine Áñez ħadet il-kariga skont il-Kostituzzjoni tal-Bolivja u ġiet approvata mill-Qorti Kostituzzjonali Plurinazzjonali, l-ogħla korp kostituzzjonali ta' kontroll Bolivjan.  

Fil-ftit żmien li għamlet f’din il-kariga, Jeanine Áñez ġabet bidla kbira f’numru ta’ politiki li kien iħaddan il-pajjiż eżempju dik soċjali fejn iffukat l-iktar fuq id-drittijiet tal-mara. 

Fil-fatt fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, fit-8 ta' Marzu tal-2020, Áñez ħabbret investiment ta' $100 miljun fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa. Hija ddikjarat l-2020 is-Sena tal-Ġlieda Kontra l-Feminiċidju u l-Infantiċidju fil-Bolivja, filwaqt li pruvat tbiddel leġislatura li skont hi kienet ta’ benefiċċju għall-aggressuri u l-qattiela minħabba lakuni legali. L-Assemblea kienet aċċettat l-abbozz iżda ma għamlet xejn aktar tard.  

Dan probabbli seħħ minħabba li fi ħdan il-mandat kostituzzjonali tagħha, Jeanine Áñez sejħet elezzjoni fit-18 ta' Ottubru 2020.  

Luis Arce, mill-partit ‘Movimiento al Socialismo’ (Moviment Lejn Soċjaliżmu), li l-eks President Morales għen biex jwaqqaf, ġie elett president u ħa l-kariga minn Áñez fit-8 ta' Novembru, fi proċess ta' transizzjoni trasparenti. 

Fit-13 ta' Marzu 2021, l-awtoritajiet Bolivjani arrestaw lil Jeanine Áñez fuq akkużi ta' terroriżmu, sedizzjoni, konspirazija u li instigat protesti vjolenti fl-2019. Ġurnata wara, l-imħallef ordna li tinżamm għal erba' xhur f'detenzjoni qabel ma’ jibda’ l-proċess tagħha. L-imħallef ħareġ ukoll mandati ta’ arrest kontra l-eks kmandant tal-forzi armati Williams Kaliman u l-eks kmandant tal-pulizija Yuri Calderón.  

Fid-19 ta' Marzu 2021, Áñez bdiet strajk tal-ġuħ dan wara li t-talba tagħha biex tiġi trasferita f'faċilità medika minħabba li kienet qed tħossa dippressata ġiet miċħuda. Bintha ddikjarat li kellha problemi preċedenti bid-depressjoni u l-ipertensjoni.  

L-Imħallef Armando Zeballos iddeċieda li Áñez m'għandhiex tiġi ttrasferita mill-ħabs għal sptar peress li hija tista' tiġi ttrattata fil-ħabs minn tobba. Fl-20 ta’ Marzu 2021, ġiet trasferita fil-ħabs ta' Miraflores. Fl-istess jum, il-Qorti f'La Paz estendiet id-detenzjoni tagħha qabel il-ġuri, minn erba' xhur għal sitt xhur.  

Fit-23 ta' Marzu 2021, Áñez ħarġet ittra mill-ħabs fejn tkellmet dwar "abbużi u tortura" li qed tesperjenza filwaqt li sejħet lill-Gvern ta' Luis Arce bħala "dittatorjat". Żammitu wkoll responsabbli għal kull ħaġa li jista' jiġrilha waqt li qegħda fil-ħabs. Hi kitbet ukoll li saħħitha kienet sejra għall-agħar u akkużat lil Arce u lill-Ministri tiegħu li żammewha bħala priġuniera taħt akkużi foloz.  

Ftit wara l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Bolivja bagħat rappreżentant fil-ħabs biex jinvestiga l-kundizzjonijiet tal-priġunerija ta’ Áñez. Sas-27 ta' Marzu 2021, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken talab għall-ħelsien ta' Áñez u qal li l-arresti "ma kinux koerenti mal-ideali demokratiċi tal-Bolivja" filwaqt esprima tħassib dwar "indikazzjonijiet anti-demokratiċi fil-pajjiż". Il-Gvern Bolivjan ovvjament irrifjuta d-dikjarazzjoni magħmula minn Blinken u akkuża lill-Istati Uniti b’ "indħil" fl-affarijiet interni.  

Erba’ xhur wara, f'Awwissu tal-2021, hija ppruvat tieħu ħajjitha b’idha. Jeanine Áñez, għadha fil-ħabs ta’ Miraflores, bla ebda kura għal ġrieħi tagħha. 

 

In-nisa li rreżiżtew lit-Tabilan u komplew il-ġlieda għal futur aħjar għan-nisa Afgani 

Nisa Afgani jipprotestaw quddiem il-palazz Presidenzjali f’Kabul. Ritratt: Reuters
Nisa Afgani jipprotestaw quddiem il-palazz Presidenzjali f’Kabul. Ritratt: Reuters

Is-Soċjalisti Demokratiċi u l-Partit tal-Ħodor innominaw lil grupp magħmul minn 11-il mara li minkejja l-ħakna tal-Afganistan mit-Talibani, baqgħu jiġġieldu għad-dritt tal-mara. 

Taħt ir-reġim Taliban preċedenti, in-nisa diġà sofrew ħafna, b’żwieġ sfurzat, mortalità għolja tal-maternità, testijiet ta’ verġinità sfurzati filwaqt li ma setgħux jivvjaġġaw mingħajr raġel lanqas biex jmorru jixtru biċċa ħobż. Wara r-ritorn tat-Taliban fil-poter, in-nisa mal-ewwel reġgħu ġew esklużi mill-Gvern kemm fejn tidħol l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom. 

Dawn in-nisa huma attivisti, politiċi, ġurnalisti u għalliema li ilhom jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa, inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni politika, u kienu huma stess parti mill-ħajja politika u assoċjattiva fl-Afganistan qabel it-Taliban ħataf il-kontroll. Il-11 il-mara, parti minn dan il-gruppi huma dawn. 

Shaharzad Akbar - President tal-Kummissjoni Afgana għad-Drittijiet tal-Bniedem Indipendenti (AIHRC). Hija serviet ukoll bħala Deputat tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali dwar il-Paċi u l-Protezzjoni Ċivili u bħala Konsulent Anzjan għall-President Afgan fuq Kunsilli ta’ Żvilupp Għoli.  

Mary Akrami – Il-Kap tal-Għaqda Nisa Afgani. Hija ħadet sehem bħala delegata żagħżugħa fil-konferenza ta' Bonn 20 sena ilu, u minn dakinhar, hija ħeġġet id-drittijiet tan-nisa politikament u prattikament filwaqt li stabbiliet l-ewwel xelters għan-nisa fl-Afganistan. 

Zarifa Ghafari – Kienet l-ewwel mara sindku tal-provinċja konservattiva ta' Wardak.  

Palwasha Hassan - Attivista u d-direttur taċ-Ċentru Edukattiv tan-Nisa Afgani (AWEC). Għandha aktar minn 15-il sena esperjenza fil-proġetti ta’ żvilupp għan-nisa u hija l-membru fundatur ta’ bosta għaqdiet eżistenti ta’ nisa fl-Afganistan. 

Freshta Karim - Fundatur ta' librerija mobbli u avukat għall-edukazzjoni u t-tagħlim. Hija eżempju ta' waħda min-nisa Afgani li marru lura biex jgħinu lill-Afganistan wara li studjaw barra minn pajjiżom (mill-Università ta' Oxford) minkejja l-isfidi kollha tiegħu.  

Sahraa Karimi - L-ewwel President mara ta’ kumpanija tal-films. Hija l-unika mara Afgana li għandha PhD fil-midja taċ-ċinema. Wara li ħarbet mill-Afganistan, hija kompliet bil-kampanja tagħha għall-protezzjoni ta' produtturi tal-films Afgani u għan-nisa b'mod ġenerali. 

Metra Mehran - Avukat tan-nisa għall-għoti tas-setgħa u l-edukazzjoni u ko-fundatur tal-Moviment Feminine Perspectives. Metra Mehran hija attivista għad-drittijiet tal-bniedem. Vuċi ewlenija fl-edukazzjoni u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, hija tikteb artikli ta' opinjoni għal ħwienet lokali u internazzjonali. 

Horia Mosadiq - Attivista għad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa. Kellha titlaq mill-pajjiż minħabba l-attiviżmu tagħha iżda kompliet taħdem għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa minn barra, b' missjonijiet frekwenti fil-pajjiż. 

Sima Samar - Avukat tad-drittijiet tal-bniedem, eks Ministru għall-Affarijiet tan-Nisa u eks President tal-Kummissjoni Afgana għad-Drittijiet tal-Bniedem.  

Habiba Sarab - Membru tat-tim tan-negozjati tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan. Ħadmet bħala attivista għad-drittijiet tan-nisa u attivista għall-edukazzjoni, tħarreġ bniet u anke nisa immigranti fil-kampijiet Pakistani. Hija kienet Ministru għall-Affarijiet tan-Nisa mill-2002 sal-2004, u fl-2005 inħatret bħala l-ewwel gvernatur femminili fil-provinċja ta' Bamyan. 

Anisa Shaheed - Ġurnalista politika li tirriskja ħajjitha għal rappurtar perikoluż fil-qasam tal-politika filwaqt li taħdem fuq stejjer dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024