'Ħsibt li l-libell hu l-prezz li ġurnalist irid iħallas biex jagħmel xogħlu' - Matthew Caruana Galizia

Kemm il-darba qrajna li ġurnalist jew kamra tal-aħbarijiet f’pajjiżna qala’ libell. Tant smajniha din li l-Malti ħareġ bil-frażi “faqqgħalu libell”. Għadaqstant, kemm minna kienu jafu li libell u SLAPP huma l-istess ħaġa?

Issa li l-Parlament Ewropew qabad sew ir-ritmu, id-diskussjoni tal-iSLAPP konna qed nistennewha minn mument għall-ieħor. Fil-fatt id-diskussjoni saret il-Ħamis li għadda kważi kollha waqgħet fuq l-istigma wara dan il-fenomenu u l-fatt li mhux ħafna jafu il-vera tifsira warajh. Allura għaliex ma nibdewx minn hemm? X’inhi d-differenza bejn SLAPP u libell? 

Ħafna drabi, SLAPPs huma "moħbija" bħala kawżi ċivili ordinarji u fil-verità il-kunċett ta' libell hu meqjus bħala eżempju ta’ SLAPP bħal huma wkoll l-intimidazzjoni u l-malafama. 

Għaldaqstant, il-kawżi SLAPP, Kawża Strateġika Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika, m’humiex sempliċiment libell jew każ fil-Qorti. SLAPP hi kawża mfassla bħal bizzilla biex tiċċensura u tintimida lill-ġurnalisti u anke attivisti. Dan kollu jsir minn persuni li l-għan tagħhom hu li jsikktu lill-kritiċi tagħhom. 

Times of Malta u l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia fost il-każijiet investigati minn ECPMF  

F'diskors li seħħ mir-riċerkatur Paulina Milewska, ġie żvelat li dawn l-aħħar seba’ snin il-każi ta’ SLAPPs mhux biss żdiedu iżda wkoll ħraxu. Filwaqt li qalet li mhux sewwa li ġurnalist jaħli l-enerġija, il-ħin u l-flus jiddefendi ruħu minflok jiżvela l-verità, kompliet tispjega li f’dawn l-aħħar snin qabdet sew it-tendenza ta' ‘Forum Shopping.’ 

Hija kienet qed tirreferi għall-prattika ta’ persuna li trid tiftaħ każ kontra individwu u tagħżel il-Qorti jew il-ġurisdizzjoni li għandha l-iktar regoli jew liġijiet favorevoli għall-pożizzjoni tagħhom. Din hi r-raġuni għaliex ħafna mill-każijjiet ta’ SLAPPs qed jiġu miftuħa f’pajjiżi differenti minn fejn ġara l-każ oriġinarjament. 

Milewska li taħdem fiċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u l-Midja (ECPMF) rrakontat kif iċ-ċentru bħalissa qiegħed jinvestiga aktar minn 100 każ inkluż tnejn f’Malta. Wieħed tat-Times of Malta u ieħor tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia.  L-iktar pajjiż li għandu kazijiet attivi investigati minn din l-entità hu l-Polonja.  

 

“Ħsibt li dan hu l-prezz li ġurnalist irid iħallas biex jagħmel xogħlu” - Matthew Caruana Galizia 

Għad-diskors ġew mistiedna individwi li l-każ tagħhom qed jiġi investigat mill-ECPMF, fosthom Matthew Caruana Galizia, li tkellem għal Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia. 

Huwa ddeskriva tfulitu bħala iben ġurnalista li l-libelli kienu kważi parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħha. Qal li ta’ ċkejken li kien, ħaseb li libell huwa l-prezz li jrid iħallas ġurnalist sabiex jkompli jagħmel xogħlu. 

Matul id-diskors kien diġà nnotat li hemm żieda fil-każijiet SLAPPs kontra individwi, ġurnalisti indipendenti, li ma jistgħux jiġu protetti minn edituri jew kumpaniji tal-aħbarijiet. 

Rigward dan Caruana Galizia kkumenta li f’Malta ġurnalist diġà mhux imħallas pagi tajbin, allura t-toqol finanżjarju jaf ikun ikbar fuq individwi independi. B’gratitudni kbira hu rringrazzja lill-organizzazzjoni mhux governattivi, li “l-għajnuna tagħhom kienet kruċjali għall-familja Caruana Galizia.” 

Daphne Caruana Galizia, kellha ‘l fuq minn 40 libell miftuħ kontriha qabel ma ġiet maqtula quddiem darha, fil-Bidnija, erba' snin ilu. 

 

Dak li ġara matul is-seduta tal-Ħamis 

Is-seduta li kienet immexxija mill-MEPs Spanjoli Juan Fernando López Aguilar mill-Grupp Soċjalisti Demokratiċi u Adrián Vázquez Lázara għall-Partit Renew Europe, seħħet qabel ma ġie approvat ir-rapport kontra l-SLAPPs. Rapport immexxi mill-MEP Maltija, Roberta Metsola mill-Grupp Kristjani Demokratiċi u l-MEP Soċjalist Tiemo Wölken. 

L-ewwel diskussjoni tal-kumitati konġunti -il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali - dwar ir-rapport il-ġdid kontra l-SLAPP saret fil-11 ta' Mejju. Il-Parlament kien talab b'mod konsistenti lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi u tapplika bosta politiki biex tissalvagwardja l-pluraliżmu tal-midja u l-ġurnalisti.  

Fil-25 ta' Novembru 2020, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni, li fiha l-MPEs ikkundannaw l-użu ta' SLAPPs biex ġurnalisti u attivisti jiġu msikkta jew intmidati. Fir-rapport, is-SLAPPs huma deskritti bħala prattika kontinwa użata biex tbeżża' lill-ġurnalisti jew attivisti u jwaqqfu investigazzjonijiet dwar korruzzjoni u kwistjonijiet oħra ta' interess pubbliku. 

F’kummenti min-naħa tagħha, Roberta Metsola, sostniet li l-appoġġ qawwi għar-rapport jibgħat messaġġ qawwi li l-Parlament se jissalvagwardja r-raba’ pilastru tad-demokrazija. 

Hija appelat għal mekkaniżmi li jippermettu t-tkeċċija rapida ta’ kawżi vessatorji filwaqt li jkun hemm Fond tal-UE u netwerks ta’ informazzjoni biex jappoġġaw lill-vittmi.  

“Il-kwistjoni ewlenija hija l-bilanċ: Qed nimmiraw lil dawk li jabbużaw mis-sistemi legali tagħna biex isikktu jew jintimidaw, filwaqt li nipproteġu lil dawk maqbuda fin-nofs, li ħafna drabi m’għandhom imkien ieħor fejn iduru”. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024