'Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-internet kif kulħadd għandu aċċess għall-edukazzjoni'

L-MEP Josianne Cutajar inħatret negozjatur tas-Soċjalisti Ewropej fuq ir-Regolament dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Path to the Digital Decade

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar

L-MEP Josianne Cutajar inħatret negozjatur tas-Soċjalisti Ewropej fuq ħidma diġitali importanti f’żewġ kumitati differenti. F'reazzjoni sostniet li kulħadd għandu jkollu aċċess għat-teknoloġija u l-internet, inkluż dawk li jinsabu fl-aktar saffi vulnerabbli tas-soċjetà jew fir-reġjuni remoti jew periferali. "Apparti li hu dritt diġitali importanti, għandna serjament nikkunsidraw li jidħol dritt uman għall-internet, fejn naraw li kulħadd ikollu aċċess għall-internet bl-istess mod li kulħadd ikollu aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa."

 Cutajar ġiet fdata b’ħidma relatata ma’ żewġ files: Wieħed li se jittratta opinjoni għal Regolament dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, u ieħor li jikkonsisti fil-programm ta’ politika lejn ’l hekk imsejħa Path to the Digital Decade. Dawn il-files, li se tkun qed taħdem fuqhom wieħed fil-Kumitat tat-Trasport u l-ieħor fil-Kumitat tal-Industrija, jirrigwardjaw il-futur diġitali tal-kontinent, fejn min ma jlaħħaqx mal-aħħar żviluppi jirriskja li jaqa’ lura.

Cutajar qalet li fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, irridu naraw li din tintuża bl-aħjar mod possibbli. Filwaqt li rridu nieħdu l-benefiċċji kollha li toffri din it-teknoloġija innovattiva, irridu naraw li titħaddem b’mod responsabbli u b’rispett lejn id-drittijiet u l-valuri Ewropej.

“Meta nitkellmu fuq il-Path to the Digital Decade, qed nitkellmu dwar miri Ewropej fil-qasam diġitali li l-Unjoni Ewropea trid tilħaq sal-aħħar tal-2030. Dan sabiex naċċertaw il-konnettività u l-ħiliet neċessarji sabiex kulħadd ikun jista’ jutilizza bl-aħjar mod l-aħħar avvanzi tat-teknoloġija. Irid jiġi aċċertat li l-ebda persuna u l-ebda negozju ma jitħalla jaqa’ lura, u li s-sistemi pubbliċi wkoll javvanzaw fid-diġitalizzazzjoni”, qalet Josianne Cutajar.

Hija tenniet li fost il-miri li hemm li sal-2030, 80% ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 74 sena jkollhom ħiliet diġitali bażiċi; li 75% tal-intrapriżi Ewropej jagħmlu użu mill-cloud computing, big data, u intelliġenza artifiċjali; u li 90% tan-negozji żgħar u medji jkunu laħqu livell bażiku ta’ intensità diġitali.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024