L-MEPs jivvutaw għal estensjoni ta' 10 snin li biha tibqa' ma tħallasx żejjed għar-roaming

B'din il-leġiżlazzjoni il-konsumaturi ikunu jistgħu jkomplu jgawdu mill-abilità li jużaw il-mowbajl tagħhom f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr il-bżonn li jħallsu aktar milli jħallsu lura f'pajjiżhom

Il-Kumitat Parlamentari tal-Industrija tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-estensjoni tal-iskema Roam at Home għal 10 snin oħra - leġiżlazzjoni li tgħin għal titjib ta' servizzi ta' roaming għal dawk li qed isiefru fl-Unjoni Ewropea. 

Skont it-test adottat mill-Membri Parlamentari Ewropej, b'din il-leġiżlazzjoni il-konsumaturi ikunu jistgħu jkomplu jgawdu mill-abilità li jużaw il-mowbajl tagħhom f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr il-bżonn li jħallsu aktar milli jħallsu lura f'pajjiżhom biex iċemplu, jibagħtu xi sms jew jaċċessaw l-internet.

Apparti minn hekk il-klijenti huma intitolati għall-istess kwalità u anke veloċità tas-servizzi li jgawdu lura f'pajjiżhom. Dawk li jipprovdu r-roaming iridu joffru kundizzjonijiet ugwali għal dawk offruti fil-pajjiż fejn joperaw kif ukoll l-istess kundizzjonijet bħal dawk offruti fil-pajjiż fejn jinsab il-klijent. 

L-MEPs qalu illi jridu jipprojbixxu l-prattiċi kummerċjali li jnaqqsu mill-kwalità tas-servizzi ta' roaming, per eżempju meta persuna taqleb għat-3G jew il-4G. 

L-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza għandhom ikunu pprovduti lil dawk li qed isiefru mingħajr spejjeż żejda filwaqt li l-operaturi iridu jipprovdu wkoll informazzjoni lill-utenti dwar in-numru ta' emerġenza 112, filwaqt li qed jisħqu li persuni b'diżabilitajiet ikunu kapaċi jaċċessaw servizzi ta' emerġenza mingħajr ħlasijiet żejda. 

Intant l-istess MEPs qed  jipproponu li titwaqqaf is-surcharge għal telefonati bejn pajjiż u ieħor tal-UE li bħalissa qegħda sa massimu ta' 19-il ċenteżmu. 

L-MEP Angelika Winzig mill-Partit Popolri Ewropew u li qed tmexxi din il-bidla qalet illi din l-iskema hija "bla preċedent" u hija "storja ta' suċċess." Hija qalet illi dawn il-bidliet juru illi kulħadd jista' jgawdi mis-suq wieħed ewropew, kif se jgawdu miljuni ta' nies u negozji minn din il-leġizlazzjoni.

"B'dawn il-bidliet se nagħmlu pass 'l quddiem għal suq diġitali ewropew veru għal futur ta' suċċess, b'saħħtu u effettiv," temmet tgħid Winzig. 

Issa jmiss li r-regoli jmorru quddiem il-Parlament  - fil-Plenrja  - u l-Kunsill, qabel ma jidħlu fis-seħħ.  Ir-rapport kien adottat b'67 vot favur, seba' astensjonijiet u ebda vot kontra. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024