'L-istess nies, li qed iwettqu l-istess reati u xejn ma jinbidel' - Il-PE dwar il-Pandora Papers

Kellna l-Iswiss Leaks, il-Panama Papers, il-Paradise Papers u issa l-Pandora Papers. Il-Parlament Ewropew jiddiskuti dan l-iżvilupp li kixef l-għawwar ta' tant politiċi u flus u assi li ppruvaw jaħbu mill-pubbliku...

Il-Membru Parlamentari Ewropew Luis Garicano mill-Partit Renew Europe sostna li minkejja li dwar il-ħasil ta' flus qed jinqabdu l-istess tip ta' nies, bl-istess tip ta' reati, realment mhu jinbidel xejn fuq livell Ewropew. 

Garicano qal dan meta kien qed jitkellem f'dibattitu mmexxi mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola dwar dak li kien żvelat fl-aħħar jiem: Il-Pandora Papers. Il-Pandora Papers komplew fejn ħalla xogħol ieħor ta' ġurnaliżmu investigattiv u mill-ġdid sar mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ). Il-Pandora Papers kixfu l-intriċċi finanzjarji u l-ħabi ta' politiċi madwar id-dinja, b'uħud minnhom - mhux b'daqstant ta' sorpriża għal min huwa ċiniku fuq il-politiċi - ikunu ġew eletti fuq wegħdi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u favur il-korrettezza.

Waħda mill-kumpaniji żvelati kienet tal-eks Ministru tal-Finanzi John Dalli. Dalli kellu kumpanija fil-British Virgin Islands li qatt ma ddikjara meta kien Deputat u anke Ministru. 

Il-Parlament Ewropew ma tantx ħallieha lixxa lil dawn għalkemm diversi MEPs kellhom kliem ta' kritika kbira lejn l-UE wkoll, hekk kif uħud minn dawk  fiċ-ċentru ta' dan l-iskandlu huma politiċi ewropej, xejn inqas mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (Ċekea). 

Anže Logar mill-Kunsill Ewropew ammetta li rivelazzjonijiet bħal dawk tal-Pandora Papers mhumiex xi ħaġa ġdida, għalkemm fakkar illi jeħtieġ aktar investigazzjoni biex ikun determinat fejn saru illegalitajiet u fejn le. 

Huwa qal li għalkemm il-Kunsill - fejn wara kollox ikun hemm il-Prim Ministru Ċek innifsu, li huwa implikat - mhux se jieħu pożizzjoni fuq każ wieħed, fakkar li l-UE ħadet diversi passi biex tiġġieled il-ħasil tal-flus. 

Huwa fakkar li saru direttivi kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll attentati biex jingħalqu "toqob" fil-liġijiet li permezz tagħhom min irid jgħaddi flus illegali jew flus li ma jridx juri ikun jista' jagħmel dan. Huwa fakkar ukoll li saru diversi direttivi għal trasparenza fit-taxxa filwaqt li fakkar li se jkunu qed jitressqu regoli ġodda li jagħmluha ħafna inqas attraenti li persuna tiftaħ shell companies. 

Kumpanija shell hija dik li ma jkollhiex operazzjonijiet ta' negozju, iżda li tkun imwaqqfa sabiex tilħaq għanijiet differenti. Kumpanija shell mhijiex illegali, imma l-attivitajiet li għalihom ħafna drabi tintuża, jiġifieri ħasil ta' flus u ħabi ta' sid ta' kumpanija (Ultimate Beneficiary Owner), huma illegali.

Il-Kummissarju Paolo Gentiloni faħħar l-inizzjattiva tad-dibattitu u qal illi l-Kummissjoni kienet pro-attiva fil-ġlieda favur it-trasparenza fit-taxxa u kontra l-ħasil tal-flus. Huwa fakkar li l-Unjoni Ewropea għandha fost l-aqwa qafas bi standards għoljin. 

Minkejja dan innota li stejjer bħal tal-Panama Papers u issa l-Pandora Papers għadhom ħerġin u saħaq li r-raġunijiet huma bosta, fosthom li wħud mill-miżuri għad iridu jkunu implimentati b'mod sħiħ, filwaqt li min irid jevadi dejjem isib modi ġodda kif jagħmel dan. 

Gentiloni wkoll semma' l-proposta leġiżlattiva li mistennija tiġġieled is-sehem tax-shell companies fil-ħasil tal-flus. 

'Daphne Caruana Galizia inqatlet għax kienet qed tiġġieled il-ħasil tal-flus'

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa sostna illi hija "tal-mistħija" li wara ħames snin mill-iżvelar tal-Panama Papers erġajna qed nisimgħu bi stejjer ta' evażjoni. "Is-serq, il-ħabi u l-ħasil tal-flus... u mill-ġdid huma l-ġurnalisti li żvelaw dan kollu. Qed jagħmlu xogħolna u dan mhuwiex sew," saħaq Casa. 

Huwa fakkar li nhar is-16 ta' Ottubru li ġej se jitfakkar ir-raba' anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia f'Malta u sostna li din inqatlet propju għax kienet qed "tiġġieled il-ħasil tal-flus."

Huwa kompla jgħid li l-politiċi jinvestu fiż-żgħażagħ, fil-ħaddiema u fil-pensjonanti hemm bżonn u mhux jaħbu flushom. 

"Ejjew ningħaqdu u nkunu Parlament magħqud fuq il-kwistjoni tal-ħasil tal-flus," temm jappella l-MEP David Casa f'referenza għal proposti li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tħabbar dwar il-ħasil tal-flus. 

L-MEP tal-Partit Popolari Ewropew Lydia Pereira għamlet serje ta' mistoqsijiet u tweġiba. 

"Għalfejn qed infallu?" kienet l-ewwel mistoqsija bit-tweġiba tkun illi l-UE mhux dejjem qed tagħmel użu massimu tal-mekkaniżmi u instrumenti eżistenti biex il-ħasil tal-flus ikun miġġieled. Qalet ukoll illi l-Gvernijiet tal-Istati Membri mhux qed juru ħeġġa biex jiġġieldu kontra dan ir-reat finanzjarju. 

"X'għandna nagħmlu?" kienet it-tieni mistoqsija li staqsiet Pereira, bit-tweġiba tkun illi hemm bżonn ftehim internazzjonali fuq it-tassazzjoni ta' negozji. Staqsiet kif is-Seychelles tneħħiet mil-Lista s-Sewda tal-UE ftit biss qabel l-iżvelar tal-Pandora Papers.

Finalment hija qalet illi l-poter tal-bidla jinsab f'idejn l-Istati Membri u allura l-ewwel li jrid iseħħ huwa li jkun hemm diskussjoni mal-Gvernijiet dwar din il-materja u l-bżonn tal-azzjoni. 

'Dibattitu imbarazzanti'

L-MEP Jonas Fernandes mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi sostna illi dan id-dibattitu huwa wieħed "imbarazzanti" għaliex huwa repetuzzjoni ta' ħafna affarijiet li ilhom jintqalu. 

F'diskors imqanqal Fernandes qal illi l-UE mhux qed tagħmel biżżejjed u minkejja ħafna proposti u inizzjattivi "kollox jeħel għand il-Kunsill."

Dan huwa probabbilment minħabba li huma l-Istati Membri l-aktar illi jirreżistu bidliet leġiżlattivi, speċjalment fejn jirrigwarda tassazzjoni li hija kompetenza nazzjonali. 

Yannick Jadot mill-Partit tal-Ħodor qal illi dan mhux l-ewwel skandlu tat-tip tiegħu u sejjaħ dan kollu li qed iseħħ "impunità ta' $11-il triljun". 

Jadot saħaq illi hemm bżonn "trasparenza totali" fuq shell companies u min ikun hemm warajhom u saħaq ukoll li hemm bżonn unanimità fuq kwistjonijiet ta' tassazzjoni fil-Kunsill.

Jadot semma' lil Malta, imma mhux f'dawl sabiħ hekk kif sostna illi Malta, Ċipru, l-Irlanda u anke l-Olanda huma "tax havens" u - skont hu - "huma lkoll kompliċi fl-evażjoni tat-taxxa fl-UE." 

L-MEP Gunnar Beck mill-Partit Identità u Demokrazija sostna illi s-sinjuruni qed "jevadu t-taxxa b'mod perfettament legali." Huwa qal li ma hemmx rieda li jsiru sanzjonijiet u akkuża lill-politiċi tal-UE li huma l-protetturi ta' sistema politika plutokratika - jiġifieri sistema ta' tmexxija mis-sinjuri.

Finalment l-MEP Manon Aubry mill-Partit The Left sostniet illi jirrabjaha l-fatt li qed ikun hemm "skandlu wara ieħor" ta' dan it-tip u sostniet illi dawk li suppost qed jaraw li jiġġieldu l-ħasil tal-flus, qed jispiċċaw f'nofs skandli ta' dan it-tip. 

Xi żvelaw il-Pandora Papers dwar ir-Re tal-Ġordan?

Ir-Re Abdullah tal-Ġordan xtara proprjetà li tiswa xejn inqas minn $23 miljun f'California quddiem bajja. Hu xtara din il-proprjetà ta' lussu permezz ta' kumpanija fil-British Virgin Islands u li kienu jidhru għaliha Maniġers tal-Ġid mill-Iżvizzera, biex ma jidhirx ir-re, naturalment. 

Fl-emails li kienu jintbagħtu r-Re qatt ma jissemma' b'ismu u minflok dejjem kienu jirreferu għalih bħala "you know who." 

Interessanti illi l-avukati tiegħu qalu illi r-Re ma għamel xejn ħażin għaliex skont il-Liġi tal-Ġordan hu ma jħallasx taxxi. Huma qalu wkoll li dawn il-kumpaniji ma għadhomx jeżistu. 

Esperti qalu lill-ICIJ li r-Re għandu raġunijiet tajbin għaliex ma jridx jikxef il-ġid li għandu, għax dan jaf jurta lill-poplu tal-Ġordan u anke lil dawk il-pajjiżi tal-Punent li jagħtuh flus għall-pajjiż. 

Xi żvelaw il-Pandora Papers dwar il-PM taċ-Ċekea?

Il-PM taċ-Ċekea (Repubblika Ċeka) Andrej Babis kien wiegħed ġlieda kontra l-evażjoni fit-taxxa huwa u tiela' l-iskaluni tal-politika. 

Iżda fl-2009 huwa kien poġġa $22 miljuni f'kumpaniji shell differenti. Permezz ta' dawn il-flus huwa kien eventwalment xtara kastell, bl-isem Chateu Bigaud, f'Mougins fi Franza billi xtara l-aġenzija tal-proprjetà li kienet is-sid ta' dan il-Kastell. 

Aktar minn hekk, Babis la kien iddikjara x-shell companies u lanqas dan il-kastell fid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu, hekk kif mitlub bil-liġi. 

Xi żvelaw il-Pandora Papers dwar Tony Blair? 

Fl-2017, l-eks Prim Ministru Ingliż Tony Blair, flimkien ma' martu, sar sid ta' proprjetà ta' $8.8 miljun. Dan għamlu billi 10 snin qabel, sar is-sid ta' kumpanija fil-British Virgin Islands li kienet sid din il-proprjetà. Din il-kumpanija kienet tal-Ministru għat-Turiżmu tal-Bahrain Zayed al Zayani. 

L-ICIJ innutaw kif il-fatt li huwa xtara ishma ta' kumpanija minflok il-proprjetà innifisha fisser li huwa ffranka $400,000 f'taxxi. 

Xi żvelaw il-Pandora Papers dwar il-President ta' Ċipru?

Żvelaw illi ditta legali tal-President ta' Ċipru Nicos Anastasiades u li fiha hemm uliedu diretturi, kienet tat l-għajnuna lil biljunarju Russu - Leonid Lebedev - sabiex dan jaħbi erba' kumpaniji li jpoġġihom f'isem il-ħaddiema. 

Lebedev ħarab mir-Russja wara li kien akkużat illi seraq madwar $220 miljun minn kumpanija tal-enerġija. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024