F'rapport adottat mill-Parlament Ewropew b'510 voti favur, 31 kontra u 141 astensjoni l-MEPs qed ifakkaru li argumenti fuq kustodja tat-tfal jikkostitwixxu vjolenza ibbażata fuq il-ġeneru u allura qed jappellaw għal miżuri li jipproteġu lill-vittmi ta' vjolenza relatata ma' kustodja tat-tfal.
Ir-rapport isemmi ż-żieda f'din it-tip ta' vjolenza waqt il-pandemija u d-diffikultà li sabu diversi persuni biex ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi ta' appoġġ u ġustizzja. L-istess rapport jissottolinea l-importanza li l-vjolenza għab-bażi tal-ġeneru tkun imniżżla bħala att kriminali fir-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TFEU) filwaqt li jfakkar f'dawk li jsejjaħ "numru allarmanti" ta' femiċidji u qtil ta' trabi minn ġenituri tagħhom stess wara li n-nisa jagħmlu rapport lill-pulizija dwar vjolenza fuqhom. Għalhekk il-Membri Parlamentari Ewropej qed jisħqu li l-interessi tat-tfal kif ukoll il-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza għandha titqies bħala priorità meta jkunu kkunsidrati kriterji relatati ma' kustodja u drittijiet ta' ġenituri, għall-aċċess ta' uliedhom.
L-MEPs qed jisħqu li tfal li jkunu esperjenzaw vjolenza ta' din it-tip għandhom ukoll jitqiesu bħala vittmi ta' vjolenza domestika u għalhekk jirċievu għajnuna psikoloġika u protezzjoni legali. Huma qed jinsistu li t-tfal ikollhom l-opportunità li jkollhom il-vuċi tagħhom mismugħa f'każi ta' vjolenza bejn il-ġenituri.
Ir-rapport jisħaq ukoll dwar l-importanza li persuna - speċjalment fil-każ ta' nisa - jingħataw iċ-ċans li jsiru indipendenti finanzjarjament permezz ta' appoġġ fil-housing, servizzi tas-saħħa, trasport u anke għajnuna psikoloġika, hekk kif id-dipendenza finanzjarja ta' parti ġeneralment twassal biex jinħoloq ambjent fejn isseħħ din it-tip ta' vjolenza. L-MEPs qed jappellaw ukoll biex vittmi ta' vjolenza jingħataw ukoll aċċess adegwat ta' protezzjoni legali, smigħ xieraq, xelters u ordnijiet ta' protezzjoni.
Il-co-rapporteur ta' dan ir-rapport Luisa Regimenti mill-Partit Popolari Ewropew saħqet illi ħafna drabi l-vjolenza hija moħbija u din toħloq trawma psikoloġika u fiżika, filwaqt li tħalli konsegwenzi sejri fuq il-vittmi u impatt emozzjonali u ekonomiku fuq il-familja kollha.
Regimenti fakkret illi hi tikkundanna b'mod assolut kull tip ta' vjolenza u appellat biex jinħolqu miżuri biex tkun assigurata l-ġustizzja lejn it-tfal u n-nisa. Co-rapporteur oħra, Elena Kountoura mil-partit The Left qalet li b'dan il-vot il-Parlament qed jgħaddi messaġġ ċar kontra l-vjolenza. Hija qalet illi din hija l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew qed jiffoka wkoll fuq it-tfal.