'Wasal iż-żmien tal-azzjoni' - jingħad lill-Parlament Ewropew dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma

Il-ħaddiema tal-pjattaforma lura fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew, bl-MEP Malti Alex Agius Saliba jwissi li dak li huwa illegali offline għandu jibqa' illegali online...

Il-ħaddiema tal-pjattaforma
Il-ħaddiema tal-pjattaforma

Il-Parlament Ewropew qed ikompli jagħfas fuq il-ħaddiema tal-pjattaforma u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, speċjalment dawk il-ħaddiema li jaħdmu fit-tqassim tal-ikel u t-taxis. F'dibattitu li fih tkellmu diversi MEPs - inkluż il-Malti Alex Agius Saliba -  L-MEP Sylvie Brunet mill-Partit Renew Europe, li kitbet ukoll rapport dwar il-kwistjoni qalet illi hi qed tappella biex dawn il-ħaddiema jkollhom id-dritt li jissieħbu f'unjin, li jkollhom ftehim kollettiv li jkoprihom u li jingħataw il-protezzjoni.

Intant il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol Nicola Shmit f'intervent għamilha ċara li "wasal iż-żmien tal-azzjoni." 

Brunet tisħaq li r-rapport tagħha - The Platform Economy and Precarious Work - qed jinsisti għal protezzjoni soċjali u anke d-dritt li ħaddiem tal-pjattaforma jingħata kumpens f'każ ta' mard jew inkella inċidenti. Hija qalet lill-MEPs preżenti illi dawn il-ħaddiema għandhom ikollhom id-dritt tal-appell f'każ li jiġu sospiżi u għalkemm jibqa' jkollhom id-dritt li jkunu self employed, tkun ir-responsabilità ta' min jimpjega li juri illi l-persuna fil-fatt verament qed taħdem għal rasha. 

Finalment hija talbet għall-immaniġġjar tal-algorittmi, li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu min ikollu xogħol u kemm u allura finalment, kemm dik il-persuna taqla'. 

Schmit ukoll għamel referenza għall-algorittmi u qal illi dawn għandhom ikunu trasparenti. Qal illi l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed taħdem sabiex ikun hemm ċertezza legali għal min iħaddem imma wkoll sigurtà għall-ħaddiema.

Sylivie Brunet
Sylivie Brunet

'Impjiegi self employed foloz' - Alex Agius Saliba

Pożizzjonjiet iebsa ġew minn diversi MEPs dwar is-sitwazzjoni tax-xogħol ta' bosta minn dawn il-ħaddiema, mhux l-inqas mill-Malti Agius Saliba illi elenka n-nuqqasijiet li ħafna minn dawn il-ħaddiema qed jiffaċċjaw. Fost dawn huwa jsemmi "impjieg self employed falz", status ta' xogħol li mhuwiex ċar u prekarjat u jgħid li għalih "dak li huwa illegali u mhux fuq l-internet għandu jibqa' illegali fuq l-internet ukoll!"

L-MEP Leila Chaibi mill-Partit The Left sostniet illi hemm bżonn li din is-sitwazzjoni li fiha jinsabu dawn il-ħaddiema titwaqqaf b'mod immedjat. "Dawn il-kumpaniji mhumiex qed jassumu l-irwol tagħhom ta' impjegaturi," wissiet filwaqt li għamlet appell lill-Kummissjoni Ewropea. Hija qalet li din ma għandhiex iġġiegħel persuni self-employed, ma jibqgħux hekk, imma minflok li tindirizza l-aspett prekarju ta' dan it-tip ta' impjieg. 

Kliem iebes ġie wkoll mill-MEP tal-Ħodor Katerina Barley li qalet illi kull ma qed jitolbu l-ħaddiema tal-pjattaforma huwa impjieg bi drittijiet bħal ħaddieħor u tisħaq li d-deċiżjonijiet tal-Qrati - fosthom fl-Olanda - favur dawn il-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom qed jagħtuhom raġun. Barley wissiet li dan il-mudell ta' negozju qed jimmina s-sigurtà soċjali ewropea u rrimarkat: "Ma' min taħdem jew kif, ma għandux jagħmel differenza! Irid ikollok l-istess drittijiet ta' ħaddiema oħrajn!"

Minkejja l-pożizzjonijiet iebsa fil-konfront tal-mod kif qed jitħaddmu dawn il-ħaddiema, kelma ta' kawtela ġiet mill-MEP tal-Partit Popolari Ewropew Radan Kanev li qal illi minkejja li huwa importanti li nibqgħu nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, "irridu naċċettaw ukoll ir-realtajiet tal-lum u nduru magħhom u mhux il-kontra." Huwa sostna illi ma nistgħux nappilkaw soluzzjoni tal-passat għal realtajiet tas-seklu 21. 

Min huma dawn il-ħaddiema u xi problemi qed jiffaċċjaw? 

Magħrufin bħala 'ħaddiema tal-pjattaforma' propju għaliex hija din il-pjattaforma (app fuq mowbajl ġeneralment) li tiddeċiedi persuna kemm ikollha xogħol, ir-rittmu tax-xogħol u allura kemm dik il-persuna titħallas. Dan kuntrarjament għal dak li kien iseħħ tradizzjonalment, fejn huwa persuna li jiddeċiedi u jiddelega kif iqassam ix-xogħol lill-ħaddiem.  

Dan ifisser li f'din ir-rabta ta' xogħol hemm tliet aspetti: Il-ħaddiem, il-pjattaforma u l-persuna jew negozju li qed toffri s-servizz. Li jfisser illi fil-każ tal-ħaddiema tal-Bolt, il-Wolt u t-Time to Eat ikollok il-ħaddiem li jwassallek l-ikel u l-app u r-ristorant li qed joffri s-servizz.  
Din l-istruttura fetħet il-bibien għall-abbuż fis-sens li ħafna minn dawn il-ħaddiema huma meqjusin li mhumiex direttament impjegati ma' kumpanija imma li qed jaħdmu għal rashom. 

Kemm hemm ħaddiema tal-pjattaforma fl-Ewropa? U jagħmlu dan ix-xogħol regolarment? 

Skont studju minn Pesole et al tal-2018 ikkwotat minn dan ir-rapport li qed insemmu għal fini ta' dan l-artiklu, medja ta' 10% tal-popolazzjoni fl-Ewropa xi darba għamlu xogħol tal-pjattaforma. Dan sab ukoll li 2% tal-popolazzjoni adulta jaqilgħu aktar minn 50% tal-qligħ tagħhom minn xogħol ta' pjattaforma jew inkella jaħdmu f'impjieg simili, aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.  

Statistika tal-Ewrobarometru tal-2018 turi illi 6% tal-Ewropej pprovdew servizz bħala ħaddiema tal-pjattaforma filwaqt illi 19% ta' dawk li qatt ma ħadmu f'impjieg li jitratta l-pjattaforma jikkunsdraw li jagħmluh fil-futur.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024