Il-MPE Alex Agius Saliba – 'Iċ-ċarġer Ewropew komuni finalment ser isir realtà'

Il-proposta se tirrikjedi li l-manifatturi kollha jarmonizzaw il-punti tal-iċċarġjar fuq l-apparati

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva biex tistabbilixxi ċarġer uniku għall-ismartphones, it-tablets, u apparat ieħor fi żmien sentejn. Il-proposta se tirrikjedi li l-manifatturi kollha jarmonizzaw il-punti tal-iċċarġjar fuq l-apparati – bl-użu ta’ punt ta’ ċċarġjar USB-C – u li jagħmlu l-protokoll tas-softwer tagħhom għall-iċċarġjar rapidu interoperabbli bejn id-ditti u l-apparat. 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Jannar 2020, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi ċ-ċarġer komuni permezz tad-Direttiva dwar it-tagħmir tar-radju sa Lulju 2020. Il-MPE Alex Agius Saliba, negozjatur ewlieni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament u rapporteur permanenti dwar id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, ikkummenta ftit wara t-tħabbira tal-Kummissjoni li l-proposta ilha mistennija iżda pass fid-direzzjoni t-tajba.

“Nilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni. Għal aktar minn għaxar snin, il-Parlament Ewropew ilu jappella għal rekwiżiti vinkolanti għal Ċarger Universali Ewropew. S’issa, it-tranżizzjoni għal ċarġer komuni tħalliet għall-avvjament u l-awtoregolamentazzjoni ta’ kumpaniji privati u ġganti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti. M’għandniex xi ngħidu, dan m’għadux aċċettabbli." qal il-Membru Parlamentari Ewropew. 

Il-MPE Agius Saliba spjega li l-fatt li jkun hemm rekwiżiti legali għal ċarġer komuni huwa pass importanti kontra l-iskart elettroniku u l-inkonvenjenza tal-konsumatur, ikkawżat mill-prevalenza ta’ ċarġers differenti u inkompatibbli għall-apparat elettroniku. Huwa qal li dan se jkompli jgħin fl-użu mill-ġdid ta’ tgħamir elettroniku antik, jiffranka l-flus, u jnaqqas l-ispejjeż bla bżonn għall-konsumatur u l-ambjent.

“Il-proposta l-ġdida għandha tkun ikkumplimentata b’regoli dwar l-armonizzazzjoni tal-provvista esterna tal-elettriku bir-reviżjoni tar-regoli tal-ekodisinn li għandhom jiġu ppubblikati aktar tard din is-sena. Għandna nikkunsidraw ukoll kull tip ta’ apparat elettroniku u sistemi ta’ ċċarġjar wireless fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, peress li ħafna smartphones issa jużaw sistemi bħal dawn. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi żviluppata fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi futuri; inkella, nistgħu nirriskjaw li ma nibqgħux jintużaw fi ftit snin.”

Issa jeħtieġ li l-proposta tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 24 xahar mid-data tal-adozzjoni se jagħti lill-industrija biżżejjed żmien biex tadatta qabel id-dħul fis-seħħ.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024